Ġenesi 19:1-38
19 Iż-żewġ anġli waslu Sodoma filgħaxija, u Lot kien bilqiegħda fil-bieb taʼ Sodoma. Malli rahom, Lot qam biex jiltaqaʼ magħhom u miel wiċċu sal-art.
2 U qalilhom: “Jekk jogħġobkom, sinjuri, ejjew fid-dar tal-qaddej tagħkom u għaddu l-lejl hemmhekk u naħslulkom saqajkom. Imbagħad tistgħu tqumu kmieni u tmorru għal triqitkom.” Qalulu: “Le, il-lejl se ngħadduh fil-pjazza.”
3 Imma tant insista li huma marru għandu. Imbagħad għamlilhom ikla kbira, u sajjar il-ħobż bla ħmira, u kielu.
4 Qabel ma ż-żewġt irġiel raqdu, l-irġiel tal-belt kollha, jiġifieri l-irġiel taʼ Sodoma miż-żgħir sal-kbir, dawru d-dar minn kull naħa.
5 U baqgħu jgħajtu lil Lot u jgħidulu: “Fejn huma l-irġiel li daħlu għandek dan il-lejl? Oħroġhom biex nagħmlu s-sess magħhom.”
6 Imbagħad Lot ħareġ barra ħdejhom u għalaq il-bieb warajh.
7 Hu qalilhom: “Jekk jogħġobkom, ħuti, taġixxux ħażin.
8 Hawn għandi żewġt ibniet li qatt ma kellhom relazzjoni sesswali maʼ raġel. Jekk jogħġobkom, ħa noħroġhom u agħmlulhom kulma jidhrilkom li hu tajjeb. Imma lil dawn l-irġiel tagħmlulhom xejn, għax ġew għall-kenn* tas-saqaf tiegħi.”
9 Qalulu: “Ersaq min-nofs!” U żiedu: “Tissogra tiġġudikana ja barrani? Lilek se nagħmlulek agħar milli se nagħmlu lilhom.” U bdew irossu lil Lot, u kienu kważi kissru l-bieb.
10 Għalhekk, iż-żewġt irġiel ħarġu jdejhom u daħħlu lil Lot fid-dar, u għalqu l-bieb.
11 Imma għamew lin-nies li kienu ħdejn il-bieb tad-dar, miż-żgħir sal-kbir, u b’hekk dawn għejew jipprovaw isibu l-bieb.
12 Imbagħad iż-żewġt irġiel qalu lil Lot: “Għandek lil xi ħadd ieħor hawnhekk? Oħroġ minn dan il-post l-irġiel tat-tfal tiegħek u t-tfal subien u bniet tiegħek u kull min hu tiegħek fil-belt.
13 Għax aħna se neqirdu dan il-post, għaliex it-tgergir kontra n-nies tal-belt żdied ħafna quddiem Ġeħova, u b’hekk Ġeħova bagħatna neqirdu l-belt.”
14 Għalhekk, Lot ħareġ u beda jkellem lill-irġiel li kienu se jiżżewġu lill-bniet tiegħu u baqaʼ jgħidilhom: “Qumu! Oħorġu minn dan il-post, għaliex Ġeħova se jeqred il-belt!” Imma huma ħasbu li kien qed jiċċajta.
15 Qabel ma beda jisbaħ, l-anġli bdew jgħaġġlu iktar lil Lot u jgħidulu: “Qum! Ħu lil martek u liż-żewġt ibniet tiegħek li qegħdin hawn miegħek, li ma tmurx tinqered minħabba l-ħażen tal-belt!”
16 Meta baqaʼ jitnikker, Ġeħova wera ħniena miegħu, għalhekk iż-żewġt irġiel qabdu idu, id martu, u jdejn iż-żewġt ibniet tiegħu, u ħarġuhom u ħallewhom barra l-belt.
17 Malli ħarġuhom ’il barra mill-belt, wieħed mill-irġiel qal: “Aħarbu ħalli ssalvaw! Tħarsux warajkom u tieqfu mkien fid-distrett kollu tal-Ġordan! Aħarbu lejn il-muntanji ħalli ma tinqerdux!”
18 Imbagħad Lot qalilhom: “Mhux hemm, jekk jogħġbok, Ġeħova!
19 Jien, il-qaddej tiegħek, approvat f’għajnejk u int qed turi qalb tajba* kbira miegħi billi qed iżżommni ħaj, imma ma nistax naħrab lejn il-muntanji għax nibżaʼ li l-gwaj jibqaʼ jiġri warajja u mmut.
20 Issa, din il-belt hi qrib u jien nistaʼ naħrab fiha. Din hi sempliċi belt żgħira. Jekk jogħġbok, ħallini naħrab hemm ħalli nsalva.* Hi sempliċi belt żgħira.”
21 Għalhekk Alla* wieġbu: “Tajjeb, se nagħmel bħalma għedtli u ma neqridx il-belt li għedtli biha.
22 Ħaffef! Aħrab hemm, għaliex ma nistaʼ nagħmel xejn sakemm tasal!” Huwa għalhekk li dik il-belt semmieha Sogħar.*
23 Ix-xemx kienet telgħet meta Lot wasal Sogħar.
24 Imbagħad Ġeħova bagħat xita taʼ kubrit* u nar fuq Sodoma u Gomorra. Din ġiet mingħand Ġeħova mis-sema.
25 Għalhekk, hu qered dawn il-bliet, iva, id-distrett kollu, inkluż in-nies kollha tal-bliet u dak li kien jikber fuq l-art.
26 U mart Lot, li kienet warajh, bdiet tħares lura, u saret statwa tal-melħ.
27 Issa Abraham qam kmieni filgħodu u mar fil-post fejn kien qagħad quddiem Ġeħova.
28 Meta ħares lejn Sodoma u Gomorra u lejn l-art kollha tad-distrett, hu ra xena tal-biżaʼ. Kien hemm duħħan oħxon tielaʼ mill-art bħad-duħħan oħxon taʼ forn!
29 Meta Alla qered il-bliet tad-distrett fejn kien jgħix Lot, hu żamm lil Abraham f’moħħu billi ħareġ lil Lot minn hemm.
30 Iktar tard, Lot telaʼ minn Sogħar maż-żewġt ibniet tiegħu u beda jgħix fil-muntanji, għax beżaʼ jgħix Sogħar. Għalhekk, beda jgħix f’għar maż-żewġt ibniet tiegħu.
31 U l-kbira qalet liż-żgħira: “Missierna xiħ u m’hemmx raġel fl-art biex ikollu x’jaqsam magħna skont id-drawwa tal-art kollha.
32 Ejja nagħtu lil missierna l-inbid u nimteddu miegħu ħalli l-familja taʼ missierna ma tispiċċax.”
33 Għalhekk, dik il-lejla lil missierhom baqgħu jagħtuh l-inbid; imbagħad il-kbira daħlet u mteddet maʼ missierha, imma hu ma kienx jaf meta mteddet u meta qamet.
34 Imbagħad l-għada, il-kbira qalet liż-żgħira: “Il-lejl l-ieħor jien imteddejt maʼ missieri. Ejja nagħtuh l-inbid illejla wkoll. Imbagħad idħol u mtedd miegħu ħalli l-familja taʼ missierna ma tispiċċax.”
35 Għalhekk, dik il-lejla wkoll taw lil missierhom l-inbid għal darba wara l-oħra. Imbagħad iż-żgħira qamet u mteddet miegħu, imma hu ma kienx jaf meta mteddet u meta qamet.
36 U ż-żewġt ibniet taʼ Lot ħarġu tqal minn missierhom.
37 Il-kbira welldet iben u semmietu Mowab. Hu missier il-Mowabin tal-lum.
38 Anki ż-żgħira welldet iben u semmietu Ben-għammi. Hu missier l-Għammonin tal-lum.
Noti taʼ taħt
^ Jew “għall-protezzjoni.” Letteralment “dell.”
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “ruħi tibqaʼ ħajja.”
^ Jiġifieri anġlu li jirrappreżenta lil Alla.
^ Ifisser “Ċokon.”
^ Dan jirreferi għal tip taʼ ġebla li taqbad bin-nar.