L-Ewwel Ittra lill-Korintin 14:1-40

  • Jingħataw l-abbiltà li jipprofetizzaw u li jitkellmu b’lingwa differenti (1-25)

  • Il-laqgħat Kristjani għandhom isiru kif suppost u bl-ordni (26-40)

    • Il-pożizzjoni tan-nisa fil-kongregazzjoni (34, 35)

14  Fuq kollox, komplu uru mħabba, imma agħmlu l-aħjar li tistgħu* biex tirċievu r-rigali tal-ispirtu qaddis, speċjalment l-abbiltà li tipprofetizzaw.  Il-persuna li għandha l-abbiltà li titkellem b’lingwi differenti, titkellem m’Alla u mhux man-nies. Ħadd ma jifhem dak li tgħid, għax hi tgħid affarijiet sigrieti permezz tal-qawwa tal-ispirtu.  Imma min jipprofetizza jsaħħaħ, jinkuraġġixxi, u jfarraġ lill-oħrajn b’dak li jgħid.  Il-persuna li titkellem b’lingwi differenti tinkuraġġixxi lilha nfisha, imma min jipprofetizza jinkuraġġixxi lill-kongregazzjoni.  Jien nixtieq li kollha titkellmu b’lingwi differenti, imma nippreferi li jkollkom l-abbiltà li tipprofetizzaw. Min jipprofetizza hu aqwa minn dak li għandu r-rigal li jitkellem b’lingwi differenti, sakemm ma jittraduċix dak li jgħid biex jinkuraġġixxi l-kongregazzjoni.  Ħuti, kieku kelli niġi u nkellimkom b’lingwi li ma tafux, se jkun t’għajnuna għalikom? Jien se ngħinkom biss jekk inkellimkom permezz tar-rigal tar-rivelazzjoni minn Alla, tal-għarfien, tal-ipprofetizzar, jew tat-tagħlim.  Hu l-istess b’affarijiet bla ħajja li jagħmlu ħoss, bħal flawt jew arpa. Jekk ma jindaqqux noti differenti, kif jistaʼ wieħed jinduna x’qed jindaqq bil-flawt jew l-arpa?  Jekk il-ħoss tat-trumbetta ma jkunx ċar, min se jlesti għall-battalja?  Bl-istess mod, jekk ma tużawx kliem li jinftiehem faċilment, ħadd mhu se jifhimkom. Tkunu qed titkellmu għalxejn. 10  Hemm ħafna lingwi differenti fid-dinja u kollha jistgħu jinftiehmu. 11  Jekk ma nifhimx dak li qed jintqal, inkun qisni barrani għal dak li qed jitkellem, u hu jkun qisu barrani għalija. 12  L-istess ħaġa tapplika għalikom. Ladarba tixtiequ ħafna r-rigali tal-ispirtu qaddis, fittxu rigali li se jsaħħu l-kongregazzjoni. 13  Għalhekk, dak li jitkellem b’lingwi differenti għandu jitlob biex ikun jistaʼ jittraduċi dak li qed jgħid. 14  Jekk nitlob b’lingwa differenti, ikun ir-rigal tal-ispirtu li qed jitlob, imma jien ma nkun qed nifhem xejn. 15  Allura x’għandi nagħmel? Jien se nitlob bir-rigal tal-ispirtu, imma se nitlob ukoll b’mod li nifhem dak li qed ngħid.* Jien se nfaħħar lil Alla bil-kant permezz tar-rigal tal-ispirtu, imma se nagħmel dan ukoll bi kliem li nifhem.* 16  Inkella, jekk int tfaħħar lil Alla permezz tar-rigal tal-ispirtu, il-persuna l-oħra kif tistaʼ tgħid “Ammen” għat-talba taʼ ringrazzjament tiegħek? Hi ma tkunx taf x’qed tgħid. 17  Tistaʼ tkun qed tirringrazzja lil Alla bl-aħjar mod, imma l-persuna l-oħra mhux se tibbenefika. 18  Jien nirringrazzja lil Alla li għandi r-rigal li nitkellem b’iktar lingwi minnkom kollha. 19  Imma f’kongregazzjoni nippreferi ngħid ħames kelmiet li nifhimhom, biex ngħallem lil oħrajn, milli 10,000 kelma b’lingwa li ma tinftihemx. 20  Ħuti, tkunux bħat-tfal fil-mod kif taħsbu, imma kunu innoċenti bħat-tfal żgħar fejn jidħol dak li hu ħażin u mmaturaw fil-mod kif taħsbu. 21  Fil-Liġi hemm miktub: “Ġeħova* jgħid, ‘Jien se nuża nies li jitkellmu lingwi differenti u stranġieri biex inkellem lil dan il-poplu, u huma xorta mhux se jisimgħu minni.’” 22  L-abbiltà taʼ dawk li jitkellmu b’lingwi differenti hi sinjal għal dawk li ma jemmnux, u mhux għal dawk li jemmnu. Imma l-abbiltà taʼ dawk li jipprofetizzaw hi għal dawk li jemmnu, u mhux għal dawk li ma jemmnux. 23  Jekk tiltaqgħu flimkien bħala kongregazzjoni u tibdew titkellmu kollha b’lingwi differenti u jidħlu nies komuni jew uħud li ma jemmnux, huma jaħsbu li tlaqtu minn moħħkom. 24  Imma jekk kollha tkunu qed tipprofetizzaw u jidħol xi ħadd li ma jemminx jew xi ħadd komuni, dak li jismaʼ se jiswa biex jikkoreġih, u hu se jeżamina lilu nnifsu sew. 25  Hu jsir jaf x’hemm moħbi f’qalbu, u b’hekk jinxteħet wiċċu fl-art u jqim lil Alla u jgħid: “Alla veru qiegħed fostkom.” 26  Allura x’għandkom tagħmlu, ħuti? Meta tiltaqgħu flimkien, wieħed minnkom għandu jkanta lil Alla, ieħor jgħallem, ieħor jgħid dak li wrieh Alla, ieħor jitkellem b’lingwi differenti, u ieħor jittraduċi u jispjega. Dan kollu għandu jsir biex issaħħu lil xulxin. 27  Jekk xi wħud jitkellmu b’lingwi differenti, m’għandhomx ikunu iktar minn tnejn jew tlieta. Huma għandhom jitkellmu wieħed wara l-ieħor, u għandu jkun hemm xi ħadd li jittraduċi dak li jgħidu. 28  Imma l-persuna li ma jkollhiex min jittraduċilha, m’għandhiex titkellem fil-kongregazzjoni imma għandha titkellem biss f’qalbha m’Alla. 29  Għandhom jitkellmu żewġ profeti jew tlieta, u l-oħrajn għandhom jagħmlu sforz biex jifhmu. 30  Jekk ħaddieħor jitkellem dwar il-kliem li jirċievi mingħand Alla waqt li jkun bilqiegħda fil-laqgħa, dak li jkun qed jitkellem qablu għandu joqgħod kwiet. 31  Tistgħu tipprofetizzaw wieħed wara l-ieħor, u b’hekk kulħadd ikun jistaʼ jitgħallem u jiġi inkuraġġit. 32  Il-profeti għandhom jikkontrollaw kif jużaw ir-rigal tal-ispirtu li rċivew. 33  Għax Alla hu Alla tal-paċi u mhux tad-diżordni. Bħalma jsir fil-kongregazzjonijiet kollha tal-qaddisin, 34  in-nisa m’għandhomx jitkellmu fil-kongregazzjonijiet għax m’għandhomx permess. Huma għandhom ikunu ubbidjenti* bħalma tgħid il-Liġi. 35  Jekk iridu jitgħallmu xi ħaġa, għandhom jistaqsu lir-raġel tagħhom id-dar. Hu taʼ diżrispett li mara titkellem fil-kongregazzjoni. 36  Jaqaw mingħandkom ġiet il-kelma t’Alla? Jew intom biss irċivejtuha? 37  Jekk xi ħadd jaħseb li hu profeta jew li għandu r-rigal tal-ispirtu qaddis, għandu jirrealizza li dak li qed niktbilkom hu dak li kkmanda l-Mulej. 38  Imma jekk xi ħadd ma jirrealizzax dan, Alla se jinjorah.* 39  Għalhekk ħuti, kunu ħerqanin biex tipprofetizzaw, imma twaqqfu lil ħadd milli jitkellem b’lingwi differenti. 40  Kollox għandu jsir kif suppost u bl-ordni.

Noti taʼ taħt

Jew “stinkaw.”
Jew “nitlob ukoll b’moħħi.”
Jew “b’moħħi.”
Jew “sottomessi.”
Jew forsi “jekk xi ħadd hu injorant, se jibqaʼ injorant.”