L-Ewwel Ittra lill-Korintin 6:1-20
6 Jekk għandek nuqqas taʼ qbil* maʼ ħu, se tażżarda tmur il-qorti quddiem nies li ma jemmnux?* Għax ma tmurx quddiem il-qaddisin* fil-kongregazzjoni?
2 Żgur li tafu li l-qaddisin se jiġġudikaw id-dinja. Jekk se tiġġudikaw id-dinja, m’intomx kapaċi ssolvu problemi żgħar ħafna?
3 Ma tafux li se niġġudikaw lill-anġli? Allura għala ma tistgħux issolvu l-problemi żgħar taʼ din il-ħajja?
4 Jekk għandkom xi problemi taʼ din il-ħajja xi ssolvu, għala għandkom tiħduhom għand l-imħallfin li mhumiex parti mill-kongregazzjoni?
5 Qed nitkellem biex inġegħelkom tistħu. Jaqaw m’hemmx raġel wieħed fostkom li hu għaref biżżejjed biex jiġġudika bejn l-aħwa?
6 Minflok, ħu jtellaʼ lil ħu ieħor il-qorti u jakkużah quddiem uħud li ma jemmnux.
7 Il-fatt li diġà għandkom kawżi l-qorti kontra xulxin, diġà tliftu. Għala m’intomx lesti li tissaportu l-inġustizzja, jew li tmorru minn taħt?
8 Minflok, intom qed tagħmlu dak li mhux ġust u tqarrqu b’ħutkom stess.
9 Ma tafux li dawk li jagħmlu l-ħażin mhux se jirtu s-Saltna t’Alla? Titqarrqux. Dawk li jagħmlu l-immoralità sesswali,* li jqimu l-idoli, li jagħmlu adulterju, l-irġiel li jagħmlu s-sess maʼ rġiel oħra,*
10 il-ħallelin, ir-rgħiba, is-sakranazzi, dawk li jgħajru lill-oħrajn, u dawk li jqarrqu biex jieħdu l-affarijiet taʼ ħaddieħor* mhux se jirtu s-Saltna t’Alla.
11 Madankollu, hekk kienu xi wħud minnkom. Imma issa ġejtu maħsulin; ġejtu meqjusin qaddisin; ġejtu meqjusin ġusti* f’isem il-Mulej Ġesù Kristu u bl-ispirtu tal-Alla tagħna.
12 Jien nistaʼ nagħmel kollox, imma mhux kollox hu taʼ benefiċċju. Jien nistaʼ nagħmel kollox, imma mhu se nħalli xejn jikkontrollani.*
13 L-ikel hu għall-istonku, u l-istonku għall-ikel, imma Alla se jġibhom it-tnejn fix-xejn. Il-ġisem mhuwiex magħmul biex jagħmel l-immoralità sesswali,* imma biex jagħmel ix-xogħol tal-Mulej, u l-Mulej jipprovdi għall-ġisem.
14 Iktar minn hekk, Alla rxoxta lill-Mulej u se jirxoxta lilna wkoll permezz tal-qawwa tiegħu.
15 Ma tafux li ġisimkom hu taʼ Kristu? Allura, għandi jien nieħu dak li hu* taʼ Kristu u nagħtih lil prostituta? Żgur li le!
16 Ma tafux li kull min ikollu x’jaqsam maʼ prostituta jsir ħaġa waħda magħha? Għax Alla jgħid: “Huma jsiru ġisem wieħed.”
17 Imma min jingħaqad mal-Mulej hu ħaġa waħda miegħu fil-mod kif jaħsibha.*
18 Aħarbu minn kull tentazzjoni li twassal għall-immoralità sesswali.* Dan hu l-iktar dnub li jeffettwa l-ġisem b’mod dirett. Kull min jagħmel l-immoralità sesswali qed jidneb kontra ġismu stess.
19 Ma tafux li ġisimkom hu t-tempju għall-ispirtu qaddis li qiegħed fikom, li rċivejtu mingħand Alla? Intom m’intomx tagħkom infuskom,
20 għax Alla ħallas prezz għoli għalikom. Għalhekk, użaw ġisimkom biex tfaħħru lil Alla.
Noti taʼ taħt
^ Jew “targumenta.”
^ Jew “quddiem nies inġusti.”
^ Jew “il-magħżulin t’Alla.”
^ Il-lingwa oriġinali hawnhekk tuża żewġ kelmiet differenti li jinkludu dawk li jħallu lil ħaddieħor jagħmel atti omosesswali fuqhom u dawk li jagħmlu atti omosesswali fuq ħaddieħor.
^ Jew “l-imbroljuni.”
^ Jew “iddikkjarati bla ħtija.”
^ Jew “ikollu awtorità fuqi.”
^ Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “il-membri.”
^ Jew “hu spirtu wieħed miegħu.”
^ Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.