L-Ewwel Kronaki 18:1-17
18 Wara xi żmien, David iġġieled mal-Filistin, rebħilhom, u ħa mingħandhom Gat u l-bliet li jiddependu minnha.*
2 Hu rebaħ lil Mowab, u l-Mowabin saru l-qaddejja taʼ David u kienu jagħtuh it-taxxa.
3 Viċin Ħamat, David rebaħ lir-Re Ħadadgħeżer taʼ Soba hekk kif kien sejjer fi triqtu biex jieħu l-kontroll tat-territorju ħdejn ix-Xmara Ewfrat.
4 David ħataf mingħandu 1,000 karru, 7,000 rikkieb taż-żwiemel, u 20,000 suldat. Imbagħad David qataʼ l-għerq taʼ saqajn iż-żwiemel tal-karrijiet kollha ħlief taʼ 100 minnhom.
5 Meta s-Sirjani taʼ Damasku marru jgħinu lir-Re Ħadadgħeżer taʼ Soba, David qatel 22,000 Sirjan.
6 Imbagħad, David qiegħed gruppi taʼ suldati fis-Sirja taʼ Damasku, u s-Sirjani saru l-qaddejja tiegħu u kienu jagħtuh it-taxxa. Ġeħova rebbaħ* lil David kull fejn mar.
7 Iktar minn hekk, David ħa t-tarki tondi tad-deheb mingħand il-qaddejja taʼ Ħadadgħeżer u ħadhom Ġerusalemm.
8 Ir-Re David ħa kwantità kbira taʼ ram minn Tibħat u Kun, bliet taʼ Ħadadgħeżer. Bih, Salamun għamel il-Baħar tar-ram, il-kolonni, u l-għodod tar-ram.
9 Meta r-Re Togħu taʼ Ħamat semaʼ li David kien rebaħ lill-armata kollha tar-Re Ħadadgħeżer taʼ Soba,
10 hu minnufih bagħat lil ibnu Ħadoram għand ir-Re David biex jistaqsih kif inhu u jifraħlu talli ġġieled kontra Ħadadgħeżer u rebaħlu (għax Ħadadgħeżer kien spiss jiggwerra kontra Togħu). Hu tah kull tip t’oġġetti tad-deheb, tal-fidda, u tar-ram.
11 Ir-Re David qaddishom lil Ġeħova, flimkien mal-fidda u d-deheb li kien ġarr mill-popli kollha: minn Edom u Mowab, mill-Għammonin, il-Filistin, u l-Għamalekin.
12 Abisaj bin Seruja qatel 18,000 Edomi f’Wied il-Melħ.
13 Hu qiegħed gruppi taʼ suldati f’Edom, u l-Edomin kollha saru qaddejja taʼ David. Ġeħova rebbaħ* lil David kull fejn mar.
14 David baqaʼ jmexxi fuq Iżrael kollu u għamel ċert li l-poplu kollu tiegħu jesperjenza l-ġustizzja u s-sewwa.
15 Ġowab bin Seruja kien fuq l-armata, Ġeħosafat bin Aħilud kien reġistratur,
16 Sadok bin Aħitub u Aħimelek bin Abjatar kienu qassisin, u Sawsa kien segretarju.
17 Benaja bin Ġeħojada kien fuq il-Keretin u l-Peletin. U t-tfal taʼ David kienu kapijiet taʼ pożizzjoni għolja ħdejn ir-re.