It-Tieni Ittra lill-Korintin 4:1-18

  • Id-dawl tal-aħbar tajba (1-6)

    • Dawk li ma jemmnux ġew mogħmijin (4)

  • Teżor f’ġarar tal-fuħħar (7-18)

4  Għalhekk, peress li għandna dan ix-xogħol qaddis* għax intwerejna ħniena, aħna ma naqtgħux qalbna.  Minflok, warrabna l-affarijiet tal-mistħija u li jsiru minn taħt, u ma nagħmlu xejn bil-qerq, u lanqas ma nżidu jew innaqqsu mill-kelma t’Alla. Imma billi nuru l-verità lin-nies, f’għajnejn Alla aħna nsiru eżempju tajjeb għall-kuxjenza tan-nies kollha.  Jekk fil-fatt l-aħbar tajba li nxandru hi bħallikieku mgħottija b’velu, hi mgħottija għal dawk li se jinqerdu,  jiġifieri dawk li ma jemmnux, li l-alla taʼ din id-dinja* għamielhom moħħhom biex ma jarawx jiddi d-dawl tal-aħbar tajba mill-isbaħ dwar il-Kristu, li hu x-xbieha t’Alla.  Għax aħna mhux nippritkaw dwarna nfusna, imma dwar Ġesù Kristu bħala l-Mulej u dwar kif għamilna lilna nfusna lsiera tagħkom għal Ġesù.  Għax Alla kien il-wieħed li qal: “Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,” u hu tefaʼ d-dawl fuq il-qlub tagħna biex jiddu bl-għarfien mill-isbaħ dwaru permezz taʼ Kristu.*  Għalkemm aħna sempliċement bħal ġarar tal-fuħħar, għandna dan it-teżor,* sabiex jidher b’mod ċar li din il-qawwa iktar min-normal ġejja mingħand Alla u mhux mingħandna.  Aħna magħfusin bl-inkwiet minn kull naħa, imma mhux li ma nistgħux niċċaqalqu; aħna mifxulin, imma mhux li m’għandniex minn fejn noħorġu;*  aħna ppersegwitati, imma mhux abbandunati; aħna mitfugħin mal-art, imma mhux meqrudin. 10  Kull fejn immorru niffaċċjaw il-mewt bħal Ġesù. Dan juri lin-nies li nbatu bħal Ġesù. 11  Aħna ngħixu, imma l-ħajja tagħna dejjem hi fil-periklu peress li aħna dixxipli taʼ Ġesù. Dan juri lin-nies li nbatu bħal Ġesù. 12  Għalhekk, aħna qed niffaċċjaw il-mewt, imma intom għandkom il-ħajja. 13  Fl-Iskrittura hemm miktub: “Jien tkellimt dwar dak li nemmen għax kelli l-fidi.” Aħna wkoll nuru li għandna l-istess fidi, u għalhekk nitkellmu, 14  għax nafu li l-Wieħed li qajjem lil Ġesù se jqajjem lilna wkoll maʼ Ġesù u jiħodna quddiemu.* 15  Dawn l-affarijiet kollha ġraw għalikom, ħalli ħafna iktar nies jintwerew il-qalb tajba kbira t’Alla. B’dan il-mod, ħafna iktar nies jirringrazzjaw lil Alla, u b’hekk iġibulu glorja. 16  Għalhekk, ma naqtgħux qalbna, għax għalkemm il-ġisem tagħna qed jispiċċa, il-bniedem li aħna minn ġewwa żgur li qed jiġġedded minn ġurnata għal oħra. 17  Għalkemm it-tbatija* li qed niffaċċjaw hi għal ftit żmien biss u ħafifa, din se twassal biex aħna nirċievu glorja li se tibqaʼ tikber u hi għal dejjem. 18  Sadanittant, aħna ma nibqgħux naħsbu fuq l-affarijiet li jidhru, imma fuq dawk li ma jidhrux. Għax l-affarijiet li jidhru huma temporanji, imma dawk li ma jidhrux se jibqgħu għal dejjem.

Noti taʼ taħt

Jew “il-ministeru.”
Jew “taʼ din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “permezz taʼ wiċċ Kristu.”
Jew “dan ix-xogħol speċjali.”
Jew forsi “imma mhux iddisprati.”
Jiġifieri quddiem Ġesù.
Jew “il-provi.”