It-Tieni Ittra lil Timotju 3:1-17

  • Fl-aħħar jiem is-sitwazzjoni se tkun diffiċli u perikoluża (1-7)

  • Imita l-eżempju taʼ Pawlu kemm jistaʼ jkun (8-13)

  • “Ibqaʼ agħmel dak li tgħallimt” (14-17)

    • Dak kollu li hu miktub fl-Iskrittura ġej minn Alla (16)

3  Imma kun af li fl-aħħar jiem is-sitwazzjoni se tkun diffiċli u perikoluża.  Għax in-nies se jkunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, iħobbu jiftaħru, arroganti, jgħidu kontra Alla u n-nies, ma jobdux il-ġenituri, ingrati, mhux leali,  m’għandhomx imħabba naturali, mhux lesti li jiftiehmu, jimmalafamaw, mingħajr kontroll, kattivi, jobogħdu dak li hu tajjeb,  tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla,  u taparsi jaqdu lil Alla imma ma jagħmlux dak li jixtieq. Nies bħal dawn aħrabhom.  Minn dawn se jkun hemm uħud li bil-moħbi se jidħlu fil-familji u se jqarrqu bin-nisa dgħajfa li jkunu qed jagħmlu ħafna dnubiet. Dawn in-nisa huma lsiera tax-xewqat tagħhom.  Għalkemm dejjem jitgħallmu, qatt ma jkunu jistgħu jifhmu l-verità għalkollox.  Bħalma Ġanne u Ġambre ħaduha kontra Mosè, dawn l-uħud ukoll ħaduha kontra l-verità. Il-ħsieb tagħhom hu ħażin għalkollox u Alla ma jaċċettahomx, għax mhux jgħixu skont il-fidi.  Però, mhuma se jaslu mkien, għax il-bluha tagħhom se tkun ovvja bħalma kienet ovvja taʼ dawk iż-żewġt irġiel. 10  Imma int qgħadt attent għal dak li jien għallimt, għall-kondotta tiegħi, l-iskop tiegħi, il-fidi tiegħi, il-paċenzja tiegħi, l-imħabba tiegħi, u kemm issaportejt. 11  Int taf bit-tbatijiet li għaddejt minnhom f’Antjokja, f’Ikonju, u f’Listra. Imma l-Mulej salvani minn dawn il-persekuzzjonijiet kollha. 12  Fil-fatt, dawk kollha li jixtiequ jkunu leali lejn Alla bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù se jkunu ppersegwitati wkoll. 13  Imma n-nies mill-agħar u l-qarriqin se jmorru mill-ħażin għall-agħar, billi jqarrqu u jiġu mqarrqin. 14  Imma int ibqaʼ agħmel dak li tgħallimt u dak li kkonvinċejt ruħek dwaru, għax taf mingħand min tgħallimtu 15  u ilek taf il-kotba qaddisa* mindu kont għadek tarbija. Bihom jistaʼ jkollok l-għerf biex issalva permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù. 16  Dak kollu li hu miktub fl-Iskrittura ġej minn Alla.* Dan jgħin biex jgħallem in-nies, biex jurihom x’qed jagħmlu ħażin,* biex jikkoreġihom, u biex jgħallimhom jagħmlu dak li hu sew. 17  B’hekk, il-qaddej t’Alla jkun kapaċi għalkollox u ppreparat sew biex jagħmel kulma hu tajjeb.

Noti taʼ taħt

Jiġifieri l-Bibbja.
Jew “hu ispirat minn Alla.”
Jew “iwiddibhom.”