Eżekjel 20:1-49

20  Issa ġara fis-sebaʼ sena, fil-ħames xahar, fl-għaxar jum tax-xahar, li xi rġiel mix-xjuħ taʼ Israel ġew jistaqsu lil Ġeħova,+ u qagħdu bil-qiegħda quddiemi.+  Imbagħad il-kelma taʼ Ġeħova ġiet għandi, tgħid:  “Bin il-bniedem, kellem lix-xjuħ taʼ Israel, u għidilhom, ‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Ġejtu tistaqsuni?+ ‘Daqskemm jien ħaj, m’iniex se nħallikom tistaqsuni,’+ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.”’  “Se tiġġudikahom? Se tiġġudikahom, O bin il-bniedem?+ Għarrafhom bl-affarijiet mistkerrhin taʼ missirijiethom.+  U għidilhom, ‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Dakinhar li għażilt lil Israel,+ jien għollejt idi+ b’ħalfa lin-nisel taʼ dar Ġakobb+ u għarrafthom min jien fl-art taʼ l-Eġittu.+ Iva, għollejt idi biex naħilfilhom, u għedt, ‘Jien Ġeħova Alla tagħkom.’+  Dakinhar għollejt idi+ biex naħilfilhom li noħroġhom mill-art taʼ l-Eġittu lejn art li kont tkixxiftilhom, art li tnixxi ħalib u għasel.+ Kienet id-dekorazzjoni taʼ l-artijiet kollha.+  U komplejt ngħidilhom, ‘Armu, kull wieħed minnkom, l-affarijiet moqżieża li tfajtu għajnejkom fuqhom,+ u titniġġsux bl-idoli taʼ l-Eġittu moqżieża daqs id-demel.+ Jien Ġeħova Alla tagħkom.’+  “‘“U bdew jirribellaw kontrija,+ u ma ridux jisimgħu minni. Mhux kull wieħed minnhom rema l-affarijiet moqżieża li tefaʼ għajnejh fuqhom, u ma telqux l-idoli taʼ l-Eġittu moqżieża daqs id-demel,+ u għalhekk jien wegħedt li nferraʼ l-korla tiegħi fuqhom, u b’hekk intemm ir-rabja tiegħi fuqhom f’nofs l-art taʼ l-Eġittu.+  Imma jien aġixxejt minħabba ismi sabiex ma jkunx imkasbar f’għajnejn il-ġnus li huma kienu f’nofshom,+ għax kont għarrafthom min jien quddiem għajnejhom meta kont qed noħroġhom mill-art taʼ l-Eġittu.+ 10  Għalhekk, ħriġthom mill-art taʼ l-Eġittu u ġibthom fix-xagħri.+ 11  “‘“U tajthom l-istatuti tiegħi;+ u għarrafthom id-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħi,+ sabiex il-bniedem li jibqaʼ jagħmilhom jibqaʼ jgħix permezz tagħhom.+ 12  U tajthom ukoll is-Sabatijiet* tiegħi,+ biex ikunu sinjal bejni u bejnhom,+ sabiex ikunu jafu li jien Ġeħova, dak li qed inqaddishom. 13  “‘“Imma huma, id-dar taʼ Israel, irribellaw kontrija fix-xagħri.+ Ma mxewx maʼ l-istatuti tiegħi,+ u ċaħdu d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħi,+ illi kieku wieħed kellu jibqaʼ jwettaqhom kien jibqaʼ jgħix permezz tagħhom.+ U s-Sabatijiet tiegħi kasbruhom fuq li kasbruhom,+ u għalhekk wegħedt li nferraʼ fuqhom il-qilla tiegħi fix-xagħri, sabiex neqridhom għalkollox.+ 14  Imma aġixxejt minħabba ismi sabiex ma jkunx imkasbar f’għajnejn il-ġnus li rawni noħroġhom.+ 15  U jien għollejt idi biex naħilfilhom fix-xagħri+ li ma ndaħħalhomx fl-art li kont tajthom, art tnixxi ħalib u għasel,+ (din hija d-dekorazzjoni taʼ l-artijiet kollha,)+ 16  talli ċaħdu d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħi; u l-istatuti tiegħi ma mxewx magħhom, u s-Sabatijiet tiegħi kasbruhom, għax qalbhom marret wara l-idoli tagħhom moqżieża daqs id-demel.+ 17  “‘“U għajnejja bdew jitħassruhom biex ma nħarbathomx,+ u ma qridthomx għalkollox fix-xagħri. 18  U għedt lil uliedhom fix-xagħri,+ ‘Timxux mar-regolamenti taʼ missirijietkom,+ u tħarsux il-ġudizzji tagħhom,+ u titniġġsux bl-idoli tagħhom moqżieża daqs id-demel.+ 19  Jien Ġeħova Alla tagħkom.+ Imxu maʼ l-istatuti tiegħi,+ u ħarsu d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħi+ u wettquhom.+ 20  U qaddsu s-Sabatijiet tiegħi,+ u jservu taʼ sinjal bejni u bejnkom, biex intom tkunu tafu li jien Ġeħova Alla tagħkom.’+ 21  “‘“U l-ulied bdew jirribellaw kontrija.+ Ma mxewx maʼ l-istatuti tiegħi, u ma ħarsux id-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħi billi wettquhom, li jekk bniedem iwettaqhom jibqaʼ jgħix permezz tagħhom.+ Is-Sabatijiet tiegħi kasbruhom.+ Għalhekk, wegħedt li nferraʼ l-korla tiegħi fuqhom, u b’hekk intemm ir-rabja tiegħi fuqhom fix-xagħri.+ 22  U ġbidt idi lura+ u aġixxejt minħabba ismi, sabiex ma jkunx imkasbar f’għajnejn il-ġnus li rawni noħroġhom.+ 23  U wkoll, jien għollejt idi biex naħilfilhom fix-xagħri+ li nxerridhom fost il-ġnus u nferrixhom fost il-pajjiżi,+ 24  talli ma wettqux id-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħi+ u ċaħdu l-istatuti tiegħi+ u kasbru s-Sabatijiet tiegħi,+ u marru wara l-idoli moqżieża daqs id-demel li kienu għamlu missirijiethom.+ 25  U jien ħallejthom ikollhom regolamenti li ma kinux tajbin u deċiżjonijiet ġudizzjarji li ma setgħux ikomplu jgħixu magħhom.+ 26  U ħallejthom jitniġġsu bl-għotjiet tagħhom meta kienu jgħaddu min-nar lill-ulied kollha li jiftħu l-ġuf,+ sabiex inħarbathom, u sabiex ikunu jafu li jien Ġeħova.”’+ 27  “Għalhekk, kellem lil dar Israel, O bin il-bniedem, u għidilhom,+ ‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Madankollu, missirijietkom żebilħuni b’dan il-mod, billi aġixxew kontrija b’nuqqas taʼ fedeltà.+ 28  U daħħalthom fl-art+ li kont għollejt idi biex naħlef li nagħtihielhom.+ U kulmeta kienu jilmħu xi għolja kbira+ u xi siġra miżgħuda bil-friegħi, kienu joffru hemmhekk is-sagrifiċċji tagħhom+ u jagħtu l-offerti offensivi tagħhom u jippreżentaw hemmhekk irwejjaħ pjaċevoli+ u jferrgħu l-offerti tax-xorb tagħhom.+ 29  Għalhekk, jien għedtilhom, ‘X’inhu dan il-post fl-għoli li sejrin lejh, biex għadu jismu Post fl-Għoli* sa llum?’”’+ 30  “Għalhekk, għid lil dar Israel, ‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Intom qegħdin titniġġsu bl-istess mod li tniġġsu missirijietkom?+ U qegħdin tidħlu f’relazzjoni immorali maʼ l-affarijiet moqżieża tagħhom?+ 31  U għadkom titniġġsu sa llum għall-idoli kollha tagħkom moqżieża daqs id-demel,+ billi tgħollu l-għotjiet tagħkom intom u tgħaddu lil uliedkom min-nar?+ Imbagħad jien se nħallikom tistaqsuni, O dar Israel?”’+ “‘Daqskemm jien ħaj,’ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova, ‘ma nħallikomx tistaqsuni.+ 32  U dak li jiġikom f’moħħkom*+ żgur ma jseħħx,+ għax qed tgħidu: “Ejjew insiru bħall-ġnus, bħall-familji tal-pajjiżi,+ billi naqdu l-injam u l-ġebel.”’”+ 33  “‘Daqskemm jien ħaj,’ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova, ‘insaltan fuqkom b’id b’saħħitha u bi driegħ maħruġ ’il barra+ u b’korla mferrgħa.+ 34  U jien inġibkom mill-popli, u niġborkom mill-pajjiżi li tkunu xxerridtu fihom b’id b’saħħitha u bi driegħ maħruġ ’il barra u b’korla mferrgħa.+ 35  U ndaħħalkom fix-xagħri tal-popli+ u hemmhekk ikolli xi ngħid magħkom wiċċ imbwiċċ.+ 36  “‘Bħalma kelli xi ngħid maʼ missirijietkom fix-xagħri fl-art taʼ l-Eġittu,+ hekk ukoll se jkolli xi ngħid magħkom,’ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova. 37  ‘U ngħaddikom minn taħt il-ħatar+ u ndaħħalkom fir-rabta tal-patt.+ 38  U nnaddafkom minn dawk li jirvellaw kontrija u minn dawk li jiksru l-liġi tiegħi,+ għax noħroġhom mill-art fejn għexu bħala barranin, imma ma jmorrux lejn l-art taʼ Israel;+ u intom se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.’+ 39  “U lilkom, O dar Israel, hekk qalilkom il-Mulej Sovran Ġeħova, ‘Ħa jmur kull wieħed minnkom jaqdi lill-idoli tiegħu moqżieża daqs id-demel.+ Imma mbagħad, jekk ma tisimgħux minni, ismi l-qaddis ma tkasbruhx iktar bl-għotjiet tagħkom u bl-idoli tagħkom moqżieża daqs id-demel.’+ 40  “‘Għax fuq il-muntanja qaddisa tiegħi, fuq il-muntanja għolja taʼ Israel,’+ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova, ‘hemmhekk se jaqduni, dar Israel kollha kemm hi, fil-pajjiż.+ Hemmhekk nitgħaxxaq bihom u nitlob mingħandkom il-kontribuzzjonijiet u l-ewwel frott taʼ dak li tippreżentaw li jikkonsistu fl-affarijiet imqaddsin kollha tagħkom.+ 41  Se nitgħaxxaq bikom minħabba r-riħa pjaċevoli,+ meta noħroġkom mill-popli u niġborkom flimkien mill-pajjiżi li xxerridtu fihom,+ u jien nitqaddes permezz tagħkom quddiem għajnejn il-ġnus.’+ 42  “‘U intom se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova,+ meta nġibkom fl-art taʼ Israel,+ fil-pajjiż li kont għollejt idi biex naħlef li nagħtih lil missirijietkom. 43  U hemmhekk intom tiftakru fi triqatkom+ u l-għemejjel kollha tagħkom li tniġġistu bihom,+ u minn wiċċkom ikun jidher li qed tistkerrhu lilkom infuskom minħabba l-affarijiet ħżiena kollha li għamiltu.+ 44  U se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova+ meta naġixxi magħkom minħabba ismi,+ mhux skond it-triqat ħżiena tagħkom jew skond l-għemejjel korrotti tagħkom,+ O dar Israel,’ hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova.” 45  U l-kelma taʼ Ġeħova kompliet tiġi għandi, tgħid: 46  “Bin il-bniedem, dawwar wiċċek+ lejn in-naħa tan-nofsinhar u lissen+ kliem lin-nofsinhar, u pprofetizza lill-foresta fl-art tan-nofsinhar. 47  U lill-foresta tan-nofsinhar għidilha, ‘Ismaʼ l-kelma taʼ Ġeħova. Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Ara, se nqabbad nar kontrik,+ u jiblaʼ fik kull siġra ħadra u kull siġra niexfa.+ Il-ħuġġieġa tħeġġeġ ma tintefiex,+ u biha l-uċuħ kollha jinħarqu min-nofsinhar sat-tramuntana.+ 48  U l-bnedmin kollha se jkollhom jaraw li jien, Ġeħova, tajtha n-nar, u għalhekk mhix se tintefa.”’”+ 49  U jien għedt: “Jaħasra, O Mulej Sovran Ġeħova! Qed jgħidu dwari, ‘Dan mhux dejjem jgħid il-qwiel?’”+

Noti taʼ taħt

Is-Sabat kien minn inżul ix-xemx tal-Ġimgħa sa nżul ix-xemx tas-Sibt. Ara Eżo 16:23, in-nota taʼ taħt.
Bl-Ebrajk “Bama,” l-isem taʼ santwarju taʼ l-idolatri.
Letteralment, “fl-ispirtu tagħkom.”