Eżodu 21:1-36
21 “Dawn huma d-deċiżjonijiet ġudizzjali li trid twasslilhom:
2 “Jekk tixtri lsir Lhudi, hu jaqdi bħala lsir għal sitt snin, imma fis-sebaʼ sena jinħeles mingħajr ma jħallas xejn.
3 Jekk jidħol fil-jasar waħdu, joħroġ waħdu. Imma jekk ikun miżżewweġ, martu toħroġ miegħu.
4 Jekk sidu jagħtih mara u din twellidlu subien jew bniet, il-mara u t-tfal tagħha jkunu taʼ sidha u hu joħroġ waħdu.
5 Imma jekk l-ilsir jinsisti u jgħid, ‘Jien inħobb lil sidi, lil marti, u lit-tfal tiegħi, u ma rridx ninħeles,’
6 sidu jrid jieħdu quddiemi, l-Alla l-veru. Imbagħad jieħdu ħdejn il-bieb jew il-koxxa tal-bieb, u sidu jtaqqablu widintu b’xifa, u hu jkun ilsir tiegħu ħajtu kollha.
7 “Jekk raġel ibigħ lil bintu bħala lsira, din ma tinħelisx mill-jasar bħalma jinħeles l-ilsir raġel.
8 Jekk ma togħġobx lil sidha, u b’hekk ma jagħżilhiex bħala konkubina imma jiddeċiedi li jbigħha lil xi ħadd ieħor,* hu ma jkollux id-dritt li jbigħha lil barranin, għax ikun ittradieha.
9 Jekk jagħżilha għal ibnu, għandu jittrattaha bħal bint.
10 Jekk jiżżewweġ mara oħra, lill-ewwel waħda m’għandux inaqqsilha l-ikel tagħha, ħwejjiġha, u dak li jmissha fiż-żwieġ.
11 Jekk ma jagħtihiex dawn it-tliet affarijiet, hi tinħeles mingħajr ma tħallas flus.
12 “Kull min iweġġaʼ lil xi ħadd u joqtlu, għandu jinqatel.
13 Imma jekk ma jkunx għamel dan apposta u jien, l-Alla l-veru, nippermetti li jiġri dan, hu jkun jistaʼ jaħrab f’post li jien se nagħżel għalikom.
14 Jekk xi ħadd jirrabja ħafna għal sieħbu u joqtlu apposta, għandu jinqatel anki jekk ikollok tieħdu minn ħdejn l-artal tiegħi.
15 Min isawwat lil missieru jew lil ommu, għandu jinqatel.
16 “Jekk xi ħadd jaħtaf bniedem u jbigħu jew jinstab għandu, dan għandu jinqatel.
17 “Kull min jisħet lil missieru jew lil ommu, għandu jinqatel.
18 “Jekk xi rġiel jargumentaw u wieħed minnhom iweġġaʼ lil sieħbu b’ġebla jew b’daqqa taʼ ponn* u dan ma jmutx imma jispiċċa f’sodda, għandu jiġri hekk:
19 Jekk ikun jistaʼ jqum u joħroġ jimxi bil-bastun, dak li jkun weġġgħu jkun meħlus mill-kastig. Hu għandu biss jagħtih kumpens għaż-żmien li ma setax jaħdem sakemm ikun fieq għalkollox.
20 “Jekk raġel isawwat bil-bastun lill-ilsir jew lill-ilsira tiegħu, u din tmut waqt li qed isawwatha, ir-raġel għandu jiġi kkastigat.
21 Madankollu, jekk l-ilsir jew l-ilsira tibqaʼ ħajja ġurnata jew tnejn, is-sid m’għandux jiġi kkastigat għax hi ġiet mixtrija bi flusu.
22 “Jekk xi rġiel jiġġieldu bejniethom u jweġġgħu lil mara tqila u hi twelled qabel iż-żmien* imma ma jkunx hemm konsegwenzi fatali,* il-ħati għandu jħallas għall-ħsarat skont kemm iwaħħlu r-raġel tal-mara. U hu għandu jħallas dan skont id-deċiżjoni tal-imħallfin.
23 Imma jekk xi ħadd minnhom* imut, il-ħati jrid imut ukoll. Ħajja b’ħajja,
24 għajn b’għajn, sinna b’sinna, id b’id, sieq b’sieq,
25 ħarqa b’ħarqa, ferita b’ferita, daqqa b’daqqa.
26 “Jekk raġel jagħti daqqa f’għajn l-ilsir jew l-ilsira tiegħu u jagħmiha, għandu jeħles lill-ilsir jew lill-ilsira bħala kumpens għal dik l-għajn.
27 U jekk itajjar is-sinna tal-ilsir jew tal-ilsira tiegħu, għandu jeħles lill-ilsir jew lill-ilsira bħala kumpens għas-sinna tagħha.
28 “Jekk barri jagħti bil-qrun lil raġel jew mara u din tmut, il-barri għandhom iwaddbulu l-ġebel sakemm imut u laħmu m’għandux jittiekel. Imma sid il-barri jkun meħlus mill-kastig.
29 Imma jekk barri kellu d-drawwa li jagħti bil-qrun u sidu kien ġie mwissi imma ma żammux marbut, u joqtol raġel jew mara, il-barri għandhom iwaddbulu l-ġebel u anki sidu għandu jinqatel.
30 Jekk sid il-barri jiġi mitlub iħallas fidwa* biex ma jinqatilx, hu għandu jħallas l-ammont mitlub.
31 Jekk il-barri jkun ta bil-qrun lil tifel jew tifla, lil sidu għandhom jagħmlulu skont din id-deċiżjoni ġudizzjali.
32 Jekk il-barri jkun ta bil-qrun lil xi lsir jew ilsira, sidu jagħti l-prezz taʼ 30 xekel* lil sid l-ilsir jew l-ilsira, u l-barri jwaddbulu l-ġebel sakemm imut.
33 “Jekk raġel jikxef jew iħaffer ħofra u ma jgħattihiex, u jaqaʼ fiha barri jew ħmar,
34 sid il-ħofra għandu jagħti kumpens. Hu għandu jħallas lis-sid tal-annimal mejjet, u l-annimal isir tiegħu.
35 Jekk il-barri taʼ xi ħadd iweġġaʼ l-barri taʼ xi ħadd ieħor u dan il-barri jmut, huma jridu jbigħu l-barri l-ħaj u jaqsmu l-flus bejniethom. Għandhom jaqsmu bejniethom ukoll l-annimal mejjet.
36 Imma jekk kien magħruf li barri kellu d-drawwa li jagħti bil-qrun imma sidu ma żammux marbut, irid jagħti bħala kumpens barri għal barri, u l-barri l-mejjet isir tiegħu.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “tiġi mifdija.”
^ Jew forsi “b’għodda.”
^ Letteralment “u t-tfal tagħha joħorġu.”
^ Jew “gravi.”
^ Jiġifieri l-mara jew it-tarbija.
^ Jew “kumpens.”