Ekkleżjasti 12:1-14

  • Ftakar fil-Ħallieq Grandjuż tiegħek qabel tixjieħ (1-8)

  • Il-konklużjoni tal-għalliem (9-14)

    • Il-kliem tal-għorrief hu bħal niggieża tal-barrin (11)

    • Irrispetta ħafna lill-Alla l-veru (13)

12  Għalhekk, ftakar fil-Ħallieq Grandjuż tiegħek f’żgħożitek, qabel ma jasal żmien taʼ inkwiet u jaslu s-snin li dwarhom tgħid: “Ma jogħġbuni xejn”;  qabel ma jiddallmu x-xemx, id-dawl, il-qamar, u l-istilel, u jerġaʼ jissaħħab wara x-xita;*  qabel ma l-għassiesa tad-dar jibdew jirtogħdu, l-irġiel b’saħħithom jitgħawġu, in-nisa ma jibqgħux jitħnu għax saru ftit, u n-nisa li jittawlu mit-twieqi jaraw id-dlam;  qabel ma l-bibien li jagħtu għat-triq jingħalqu, jitbaxxa l-ħoss tal-mitħna, tqum kif tismaʼ l-ħoss t’għasfur, u l-bniet kollha jkantaw b’leħen baxx.  Ukoll, qabel ma tibda tibżaʼ mill-għoli u tinkwieta dwar il-periklu fit-triq; qabel ma s-siġra tal-lewż tagħmel il-fjuri, il-ġurat jitkaxkar, u l-kappar jinfaqaʼ, għax il-bniedem miexi lejn id-dar fejn se jistrieħ għal żmien twil, u dawk li jibkuh iduru fit-triq;  qabel ma jitneħħa l-ħabel tal-fidda, titkisser l-iskutella tad-deheb, titfarrak il-ġarra li qiegħda ħdejn l-għajn, u titkisser it-taljola li ttellaʼ l-ilma mill-bir.  Imbagħad it-trab jerġaʼ jmur lura lejn l-art minn fejn ġie, u l-ispirtu* jerġaʼ jmur lura għand l-Alla l-veru li tah lill-bnedmin.  “Vera bla sens!”* jgħid l-għalliem.* “Kollox bla sens.”  Apparti li l-għalliem sar għaref, hu kompla jgħallem lin-nies dak li jaf, u mmedita u għamel tfittxija bir-reqqa biex jiġbor* ħafna proverbji. 10  L-għalliem ipprova jsib kliem pjaċevoli u jikteb dak li hu eżatt u veru. 11  Il-kliem tal-għorrief hu bħal niggieża tal-barrin, u l-proverbji magħżulin tagħhom huma bħal imsiemer imsammrin; dawn ingħataw minn ragħaj wieħed. 12  Ibni, dwar kull ħaġa oħra apparti dawn, jien inwissik: Se jinkitbu ħafna kotba, tqattax wisq ħin taqrahom, għax tispiċċa tegħja. 13  Wara li ntqal dan kollu, il-konklużjoni hi: Irrispetta ħafna lill-Alla* l-veru u obdi l-kmandamenti tiegħu. Dawn huma l-iktar affarijiet importanti għall-bniedem. 14  Għax l-Alla l-veru se jiġġudika kull ħaġa li jagħmlu n-nies, anki dak li hu moħbi, biex jara jekk hux tajba jew ħażina.

Noti taʼ taħt

Jew forsi “max-xita.”
Jew “il-forza tal-ħajja.”
Jew “frugħa.”
Il-kelma bl-Ebrajk letteralment tirreferi għal xi ħadd li jiġbor flimkien in-nies.
Jew “jirranġa f’ordni.”
Letteralment “Ibżaʼ mill-Alla.”