Esdra 1:1-11

  • Il-liġi tar-Re Ċiru biex jerġaʼ jinbena t-tempju (1-4)

  • Preparamenti biex dawk li kienu lsiera Babilonja jmorru lura Ġerusalemm (5-11)

1  Fl-ewwel sena tar-Re Ċiru tal-Persja, biex isir dak li Ġeħova qal permezz taʼ Ġeremija, Ġeħova ħeġġeġ lir-Re Ċiru tal-Persja biex joħroġ aħbar importanti mas-saltna kollha tiegħu, u Ċiru għamilha wkoll bil-miktub. Din kienet tgħid:  “Hekk jgħid ir-Re Ċiru tal-Persja, ‘Ġeħova l-Alla tas-sema tani s-saltniet kollha tal-art, u hu inkarigani biex nibnilu dar f’Ġerusalemm, li qiegħda f’Ġuda.  Min minnkom hu mill-poplu tiegħu? Jalla l-Alla tiegħu jkun miegħu u jmur lura Ġerusalemm u jerġaʼ jibni d-dar taʼ Ġeħova l-Alla t’Iżrael. Dan hu l-Alla l-veru, li d-dar tiegħu kienet f’Ġerusalemm.*  Kull min se jmur lura ħa jingħata għajnuna minn dawk li se jibqgħu Babilonja. Huma se jagħtuh fidda, deheb, ġid, annimali, u l-offerta volontarja għad-dar tal-Alla l-veru.’”  Imbagħad il-kapijiet taʼ dar missirijiet Ġuda u Benjamin u l-qassisin u l-Leviti, kull min ġie mħeġġeġ mill-Alla l-veru, ippreparaw biex jitilgħu u jerġgħu jibnu d-dar taʼ Ġeħova, li kienet f’Ġerusalemm.  Dawk kollha madwarhom għenuhom billi tawhom* għodod tal-fidda u tad-deheb, ġid, annimali, affarijiet taʼ valur, u l-offerti volontarji kollha.  Ukoll, ir-Re Ċiru ta lura l-għodod tad-dar taʼ Ġeħova li Nebukadnessar kien ħa minn Ġerusalemm u li kien poġġiehom fid-dar tal-alla tiegħu.  Ir-Re Ċiru tal-Persja qabbad lil Mitredat, li kien jieħu ħsieb il-post fejn jinżammu t-teżori, biex joħroġhom, jgħoddhom, u jagħtihom lil Sesbassar* il-kap taʼ Ġuda.  Din hi l-lista tagħhom: 30 qoffa tad-deheb, 1,000 qoffa tal-fidda, 29 reċipjent ieħor, 10  30 skutella żgħira tad-deheb, 410 skutelli żgħar tal-fidda, u 1,000 għodda oħra. 11  B’kollox kien hemm 5,400 għodda tad-deheb u tal-fidda. Sesbassar ħa dan kollu miegħu meta dawk li kienu lsiera Babilonja telqu u marru lura Ġerusalemm.

Noti taʼ taħt

Jew forsi “li qiegħed f’Ġerusalemm.”
Letteralment “saħħewlhom idejhom permezz taʼ.”
Dan jistaʼ jkun Żerubbabel li jissemma f’Esd 2:2; 3:8.