Lill-Kolossin 4:1-18
4 Sidien, ittrattaw lill-ilsiera tagħkom b’mod ġust u sewwa, għax tafu li anki intom għandkom Sid fis-sema.
2 Ibqgħu itolbu, tittraskurawx it-talb u rringrazzjaw lil Alla.
3 Fl-istess ħin itolbu wkoll għalina, ħalli Alla jagħtina l-opportunità li nippritkaw il-kelma u s-sigriet qaddis dwar il-Kristu. Fil-fatt, jien qiegħed marbut il-ħabs minħabba dan is-sigriet qaddis.
4 Itolbu ħalli nkun nistaʼ nxandar dwaru b’mod ċar kif għandi nagħmel.
5 Kunu għaqlin bil-mod kif taġixxu maʼ dawk li ma jemmnux, u użaw il-ħin bl-aħjar mod.*
6 Ħa jkun il-kliem tagħkom dejjem kollu ħlewwa, bħal ikel imħawwar bil-melħ, ħalli tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kull persuna.
7 Se jgħidilkom kollox dwari ħija l-għażiż Tikiku, li hu qaddej leali u li jaqdi bħala lsir tal-Mulej.
8 Se nibagħtu għandkom ħalli tkunu tafu kif aħna u ħalli jinkuraġġikom.
9 Miegħu se nibgħat ukoll lil Oneżimu, ħija l-għażiż u leali, li hu minn dawk in-naħat. Huma se jgħidulkom kulma qed jiġri hawn.
10 Iselli għalikom Aristarku, li qiegħed fil-ħabs miegħi, kif ukoll Marku, il-kuġin taʼ Barnaba (li dwaru rċivejtu istruzzjonijiet biex tilqgħuh jekk jiġi għandkom,)
11 u Ġesù, li jgħidulu wkoll Ġustu. Dawn huma miċ-ċirkonċiżi. Huma biss qed jaħdmu miegħi għas-Saltna t’Alla, u dawn jgħinuni u jsaħħuni.*
12 Jibgħat iselli għalikom ukoll Epafra, ilsir taʼ Kristu Ġesù li hu minn dawk in-naħat. Hu dejjem jitlob bil-ħniena għalikom, ħalli tibqgħu maturi u konvinti għalkollox f’kulma għandu x’jaqsam maʼ dak li jrid Alla.
13 Naċċertakom li hu jaħdem iebes għalikom u għal dawk f’Laodiċija u f’Ġerapoli.
14 Iselli għalikom Luqa, it-tabib maħbub, u anki Dema.
15 Selluli għall-aħwa f’Laodiċija, u għal Nimfa u għall-kongregazzjoni li tiltaqaʼ f’darha.
16 Meta tkunu qrajtu din l-ittra, ibagħtuha lill-kongregazzjoni taʼ Laodiċija ħalli tinqara hemm ukoll, u itolbuhom jagħtukom l-ittra li bgħattilhom ħalli taqrawha intom ukoll.
17 Ukoll, għidu lil Arkippu: “Ibqaʼ aħdem iebes biex twettaq sew ix-xogħol li rċivejt mingħand il-Mulej.”
18 Jien, Pawlu, nibgħat inselli għalikom billi qed niktbilkom jien stess. Ftakru fil-ktajjen tiegħi. Jalla Alla jurikom qalb tajba kbira.