Ittra lil-Lhud 4:1-16

  • Il-periklu li xi ħadd ma jidħolx fil-mistrieħ t’Alla (1-10)

  • Imħeġġin biex nidħlu fil-mistrieħ t’Alla (11-13)

    • Il-kelma t’Alla hi ħajja (12)

  • Ġesù hu l-aqwa qassis kbir (14-16)

4  Għalhekk, ladarba l-wegħda li nidħlu fil-mistrieħ t’Alla għadha tgħodd, ejja noqogħdu attenti li ma nitilfuhiex.  Għax lilna wkoll qalulna l-aħbar tajba bħalma qaluha lil missirijietna; imma dak li semgħu ma kienx taʼ ġid għalihom, għax huma ma kellhomx l-istess fidi bħal dawk li obdew.  Dwarhom Alla qal: “Għalhekk, ħlift waqt li kont irrabjat, ‘Huma mhux se jidħlu fil-mistrieħ tiegħi.’” Imma aħna li nuru l-fidi se nidħlu fil-mistrieħ tiegħu. Fil-fatt, Alla lesta x-xogħol tiegħu mill-bidu tad-dinja.*  Għax fi skrittura minnhom, dwar is-sebaʼ jum qal: “U fis-sebaʼ jum Alla straħ mix-xogħol kollu li għamel,”  u fi skrittura oħra qal: “Huma mhux se jidħlu fil-mistrieħ tiegħi.”  Dawk li semgħu bl-aħbar tajba l-ewwel, ma daħlux f’dan il-mistrieħ minħabba li ma obdewx, imma dan għadu possibbli għal xi wħud.  Hu għalhekk li wara ħafna żmien, fis-salm taʼ David u bħalma diġà ssemma f’din l-ittra, Alla qal, “Jekk illum tisimgħu minni, ma twebbsux raskom.” B’hekk, “Illum” hi l-ġurnata li reġaʼ għażel.  Għax kieku Ġożwè daħħalhom f’post taʼ mistrieħ, Alla iktar tard ma kienx jitkellem dwar ġurnata oħra.  Għalhekk, għan-nies t’Alla baqaʼ l-mistrieħ tas-Sabat. 10  Għax dawk li jidħlu fil-mistrieħ t’Alla jkunu diġà straħu mix-xogħol tagħhom, bħalma Alla straħ mix-xogħol tiegħu. 11  Għalhekk, ejja nagħmlu l-aħjar tagħna biex nidħlu f’dak il-mistrieħ, ħalli ħadd ma jkun diżubbidjenti bħalhom. 12  Għax il-kelma t’Alla hi ħajja, b’saħħitha ħafna, u taqtaʼ iktar minn xabla li taqtaʼ miż-żewġ naħat. Tant tidħol fil-fond li tifred ir-ruħ* u l-ispirtu,* u l-ġogi mill-mudullun, u tistaʼ tikxef il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tal-qalb. 13  M’hemmx ħolqien li hu moħbi minn Alla, li lilu rridu nagħtu kont, imma kollox hu mikxuf u jidher ċar quddiemu. 14  Aħna għandna l-aqwa qassis kbir, Ġesù l-Iben t’Alla, li mar fis-sema. Allura ejja nibqgħu nagħtu xhieda dwaru. 15  Għax il-qassis il-kbir tagħna mhuwiex wieħed li ma jistax jifhem id-dgħufijiet tagħna, imma wieħed li ġie ttestjat f’kollox bħalna, però m’għamilx dnub. 16  Allura ejja nersqu lejn it-tron tal-Alla li juri qalb tajba kbira u nitolbuh bil-libertà tal-kelma, ħalli nintwerew ħniena u nirċievu l-għajnuna f’waqtha permezz tal-qalb tajba kbira tiegħu.

Noti taʼ taħt

Dan qed jirreferi għat-tfal t’Adam u Eva.