L-Aħbar Tajba Skont Marku 15:1-47

  • Ġesù quddiem Pilatu (1-15)

  • Ġesù jiġi mwaqqaʼ għaċ-ċajt quddiem in-nies (16-20)

  • Jiġi msammar maʼ zokk f’Golgota (21-32)

  • Ġesù jmut (33-41)

  • Ġesù jiġi midfun (42-47)

15  Malli sebaħ, il-qassisin importanti, l-anzjani,* u l-iskribi, jiġifieri s-Sinedriju kollu, ftiehmu flimkien u rabtu lil Ġesù u ħaduh għand Pilatu.  Għalhekk Pilatu staqsieh: “Int ir-Re tal-Lhud?” Hu wieġbu: “Int stess qed tgħid dan.”  Imma l-qassisin importanti kienu qed jakkużawh b’ħafna affarijiet.  Pilatu reġaʼ beda jistaqsih u qallu: “Mhux se twieġeb? Ara kemm qed iġibu akkużi kontrik!”  Imma Ġesù ma wieġeb xejn iżjed, tant li Pilatu baqaʼ mbellah.  Issa f’kull festa tal-Qbiż, hu kellu d-drawwa li jeħilsilhom ħabsi li kienu jagħżlu.  F’dak iż-żmien, fil-ħabs kien hemm raġel jismu Barabba. Hu kien maʼ dawk li qatlu n-nies meta rribellaw kontra l-gvern.  Għalhekk, il-folla bdiet titlob lil Pilatu biex jagħmel bħalma kienet id-drawwa.  Hu wiġibhom: “Tixtiquni neħles lir-Re tal-Lhud?” 10  Għax Pilatu kien konxju li tawh lil Ġesù f’idejh għax kienu jgħiru għalih. 11  Imma l-qassisin importanti kienu ħeġġew lill-folla biex jitolbu lil Pilatu jeħles lil Barabba minflok. 12  Pilatu wiġibhom: “Allura x’se nagħmel b’dak li tgħidulu r-Re tal-Lhud?” 13  Huma reġgħu għajtu: “Sammru maʼ zokk!” 14  Imma Pilatu qalilhom: “Għala? X’għamel ħażin?” Iżda iktar bdew jgħajtu: “Sammru maʼ zokk!” 15  Imbagħad Pilatu, peress li xtaq jikkuntenta lill-folla, ħeles lil Barabba, u wara li kkmanda lis-suldati biex isawtu lil Ġesù, qalilhom jiħduh biex isammruh maʼ zokk. 16  Wara, is-suldati ħadu lil Ġesù fil-bitħa tal-palazz tal-gvernatur u għajtu lis-suldati kollha biex jinġabru. 17  Huma libbsuh ħwejjeġ vjola u għamlu kuruna tax-xewk u poġġewhielu fuq rasu. 18  U bdew jgħidulu: “Il-paċi miegħek, ja Re tal-Lhud!” 19  Ukoll, bdew jagħtuh fuq rasu b’qasba u jobżqulu, u niżlu għarkopptejhom u mielu quddiemu. 20  Fl-aħħar, wara li kienu waqqgħuh għaċ-ċajt, neħħewlu l-ħwejjeġ vjola, libbsuh il-ħwejjeġ tiegħu, u ħaduh biex isammruh maʼ zokk. 21  Imbagħad qabbdu raġel li kien ġej mill-kampanja biex iġorrlu z-zokk tat-tortura.* Dan kien raġel minn Ċirene jismu Xmun, missier Alessandru u Rufu. 22  Huma ħaduh f’post jismu Golgota, li meta jiġi tradott ifisser “Qorriegħa.” 23  Hemmhekk ipprovaw jagħtuh jixrob inbid imħallat bil-mirra,* imma ma riedx jieħdu. 24  Huma sammruh maʼ zokk u qassmu l-ħwejjeġ tiegħu billi tellgħuhom bix-xorti ħalli jaraw x’se jieħdu. 25  Kienu xi d-disgħa taʼ filgħodu* meta sammruh maʼ zokk. 26  ’Il fuq minn rasu kien hemm miktub: “Ir-Re tal-Lhud.” Dan kien biex jintwera għala ġie akkużat. 27  Maġenbu huma poġġew ukoll żewġ ħallelin fuq zokk, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. 28 *—— 29  U dawk li kienu għaddejjin minn hemm bdew jgħajruh waqt li jxenglu rashom u b’sarkażmu jgħidu: “Int li kellek twaqqaʼ t-tempju u tibnih fi tlett ijiem, 30  salva lilek innifsek billi tinżel minn fuq iz-zokk tat-tortura.”* 31  Anki l-qassisin importanti u l-iskribi bdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt bejniethom u jgħidu: “Lill-oħrajn salvahom, imma ma jistax isalva lilu nnifsu! 32  Ħa jinżel minn fuq iz-zokk tat-tortura* l-Kristu, ir-Re t’Iżrael, ħalli narawh u nemmnu.” Anki l-ħallelin li kienu fuq zokk ħdejh bdew jgħajruh. 33  Għal xi nofsinhar* waqgħet dalma fuq l-art kollha u damet sa madwar it-tlieta taʼ wara nofsinhar.* 34  U xi t-tlieta taʼ wara nofsinhar, Ġesù għajjat b’leħen għoli: “Eli, Eli, lama sabaqtani?” li meta tiġi tradotta tfisser: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?” 35  U xi nies li kienu qrib semgħuh u bdew jgħidu: “Ismaʼ! Qed jgħajjat lil Elija.” 36  Imma xi ħadd mar jiġri, ħa sponża, xarrabha bl-inbid qares, poġġieha fuq qasba, u tahielu biex jixrob u qal: “Ejja nistennew u naraw jekk Elija jiġix iniżżlu.” 37  Imma Ġesù għajjat għajta kbira u miet.* 38  U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn, minn fuq s’isfel. 39  Meta l-uffiċjal tal-armata ra x’ġara meta miet, qal: “Dan ir-raġel żgur li hu l-Iben t’Alla.” 40  Kien hemm ukoll xi nisa qed iħarsu mill-bogħod, fosthom Marija l-Maddalena, Marija omm Ġakbu ż-Żgħir u Ġosè, u Salomè. 41  Dawn kienu jivvjaġġaw maʼ Ġesù u jgħinuh meta kien fil-Galilija. Magħhom kien hemm ħafna nisa oħra li kienu telgħu miegħu Ġerusalemm. 42  Issa peress li kien diġà tard wara nofsinhar u kien jum il-Preparazzjoni, jiġifieri l-ġurnata taʼ qabel is-Sabat, 43  Ġużeppi minn Arimatija għamel il-kuraġġ biex jidħol quddiem Pilatu u talbu l-ġisem taʼ Ġesù. Ġużeppi kien membru rrispettat tal-Kunsill u kien qed jistenna s-Saltna t’Alla. 44  Imma Pilatu ġie f’dubju jekk kienx diġà mejjet, u għalhekk sejjaħ lill-uffiċjal tal-armata u staqsa lilu. 45  Wara li kkonferma mal-uffiċjal tal-armata, hu ta l-ġisem lil Ġużeppi. 46  Imbagħad Ġużeppi xtara drapp tal-għażel fin, niżżel il-ġisem minn fuq iz-zokk, dawru fid-drapp, u qiegħdu f’qabar* li kien imħaffer fil-blat. Wara gerbeb ġebla biex jagħlaq il-qabar. 47  U Marija l-Maddalena u Marija omm Ġosè baqgħu jħarsu lejn il-qabar fejn tpoġġa.

Noti taʼ taħt

Din kienet taħlita li kellha effett bħad-droga.
Letteralment “Kienet it-tielet siegħa.”
Ara App. A3.
Letteralment “Fis-sitt siegħa.”
Letteralment “sad-disaʼ siegħa.”
Jew “ħa l-aħħar nifs.”
Jew “f’qabar tat-tifkira.”