L-Aħbar Tajba Skont Mattew 26:1-75

  • Il-qassisin jippjanaw biex joqtlu lil Ġesù (1-5)

  • Jiġi mferraʼ żejt ifuħ fuq Ġesù (6-13)

  • L-aħħar Qbiż u t-tradiment (14-25)

  • Tiġi stabbilita l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej (26-30)

  • Ġesù jbassar li Pietru se jgħid li ma jafux (31-35)

  • Ġesù jitlob fil-Ġetsemani (36-46)

  • Ġesù jiġi arrestat (47-56)

  • Jgħaddi ġuri quddiem is-Sinedriju (57-68)

  • Pietru jgħid li ma jafx lil Ġesù (69-75)

26  Wara li Ġesù qal dan kollu, hu qal lid-dixxipli tiegħu:  “Intom tafu li jumejn oħra l-Qbiż, u jien, Bin il-bniedem, se ningħata f’idejn l-għedewwa biex joqtluni fuq iz-zokk.”  Imbagħad il-qassisin importanti u l-anzjani* nġabru fil-bitħa tal-qassis il-kbir, li kien jismu Kajfa.  Huma bdew jiftiehmu bejniethom biex bil-qerq isibu mod kif jarrestaw* lil Ġesù u joqtluh.  Madankollu bdew jgħidu: “M’għandniex nagħmlu dan fil-festa li ma jmurx tqum xi rewwixta.”  Waqt li Ġesù kien Betanja fid-dar taʼ Xmun, li qabel kellu l-ġdiem,  marret ħdejh mara b’vażett tal-alabastru b’żejt ifuħ li kien jiswa ħafna flus, u din bdiet tferrgħu fuq rasu waqt li kien mal-mejda.  Meta d-dixxipli raw dan, xejn ma ħadu pjaċir u qalu: “Għala din il-ħela kollha?  Dan setaʼ nbiegħ bi prezz għoli u l-flus jingħataw lill-foqra.” 10  Peress li Ġesù kien jaf x’kienu qed jgħidu, qalilhom: “Għala qed tgħidu hekk fuq din il-mara? Hi għamlet xi ħaġa tajba għalija. 11  Dejjem se jkun hawn nies foqra magħkom, imma jien mhux dejjem se nkun magħkom. 12  Din il-mara ferrgħet iż-żejt ifuħ fuqi biex tippreparani għad-difna. 13  Naċċertakom li kull fejn tiġi ppritkata l-aħbar tajba se jissemma wkoll dak li għamlet din il-mara biex jibqgħu jiftakru fiha.” 14  Imbagħad Ġuda l-Iskarjota, li kien wieħed mit-Tnax, mar għand il-qassisin importanti 15  u qalilhom: “X’se tagħtuni biex nittradih ħalli tkunu tistgħu tarrestawh?” Huma ftiehmu li jagħtuh 30 munita tal-fidda. 16  U minn dak il-ħin, beda jfittex opportunità biex jittradixxi lil Ġesù. 17  Fl-ewwel jum tal-Festa tal-Ħobż bla Ħmira, id-dixxipli marru għand Ġesù u staqsewh: “Fejn trid li nippreparawlek l-ikla tal-Qbiż?” 18  Hu qalilhom: “Morru fil-belt. Hemm se ssibu raġel u għidulu, ‘L-Għalliem qallek li ż-żmien biex imut wasal. Hu se jiċċelebra l-Qbiż mad-dixxipli f’darek.’” 19  Għalhekk, id-dixxipli għamlu dak li qalilhom Ġesù u ppreparaw kollox għall-ikla tal-Qbiż. 20  Filgħaxija hu kien mal-mejda mat-12-il dixxiplu. 21  Waqt li kienu qed jieklu, hu qal: “Naċċertakom li wieħed minnkom se jittradini.” 22  Huma kienu mdejqin ħafna minħabba dan, u kull wieħed minnhom beda jistaqsih: “Mulej, mhux jien hux?” 23  Hu wieġeb: “Il-wieħed li se jittradini hu dak li se jdaħħal idu fl-iskutella fl-istess ħin miegħi. 24  Veru li jien, Bin il-bniedem, se mmut, bħalma tgħid l-Iskrittura, imma ħażin għalih dak li se jittradini! Kien ikun aħjar għalih li qatt ma twieled.” 25  Ġuda, li kien se jittradih, wieġbu: “Mhux jien hux, Rabbi?”* Ġesù qallu: “Int tafha t-tweġiba.” 26  Huma u jieklu, Ġesù ħa ħobża, qal talba, qasamha, taha lid-dixxipli, u qalilhom: “Kulu. Dan il-ħobż jirrappreżenta l-ġisem tiegħi.” 27  U ħa tazza bl-inbid, irringrazzja lil Alla, tahielhom, u qal: “Ixorbu minnha, 28  għax dan l-inbid jirrappreżenta ‘d-demm tiegħi li bih se jibda jgħodd il-patt t’Alla.’ Dan se jixxerred għall-benefiċċju taʼ ħafna nies, ħalli b’hekk jinħafrulhom id-dnubiet. 29  Mhux se nerġaʼ nixrob inbid sa dakinhar li nixrob inbid ġdid magħkom fis-Saltna taʼ Missieri.” 30  Fl-aħħar, wara li kantaw biex ifaħħru lil Alla,* huma marru lejn il-Muntanja taż-Żebbuġ. 31  Imbagħad Ġesù qalilhom: “Dan il-lejl kollha kemm intom se tabbandunawni,* għax fl-Iskrittura hemm miktub: ‘Jien se nattakka lir-ragħaj, u n-nagħaġ tiegħu jitferrxu.’ 32  Imma wara li niġi rxoxtat, immur qabilkom fil-Galilija.” 33  Imma Pietru wieġbu: “Anki jekk l-oħrajn jabbandunawk, jien qatt mhu se nabbandunak!” 34  Ġesù qallu: “Naċċertak li dan il-lejl se tgħid li ma tafnix tliet darbiet qabel ma jidden is-serduq.” 35  Pietru qallu: “Anki jekk ikolli mmut miegħek, żgur se ngħid li nafek.” Id-dixxipli l-oħra kollha qalu l-istess. 36  Imbagħad Ġesù mar mad-dixxipli tiegħu f’post li jgħidulu Ġetsemani u qalilhom: “Poġġu hawn waqt li jien immur nitlob.” 37  Miegħu ħa lil Pietru u ż-żewġt itfal taʼ Żebedew, u beda jħossu mdejjaq u inkwetat ħafna. 38  Imbagħad qalilhom: “Inħossni mdejjaq* għall-mewt. Ibqgħu mqajmin miegħi hawn.” 39  Imbagħad mexa ftit ’il quddiem, niżel wiċċu mal-art, u talab: “Missier, jekk hu possibbli, ħa ma jkollix bżonn nixrob minn din it-tazza.* Imma ħa jsir kif trid int, u mhux kif irrid jien.” 40  Hu mar lura ħdejn it-tliet dixxipli u sabhom reqdin, u qal lil Pietru: “Ma stajtux tibqgħu mqajmin imqar għal siegħa miegħi? 41  Ibqgħu għassa u itolbu kontinwament, ħalli ma taqgħux fit-tentazzjoni. Veru, l-intenzjoni hi tajba,* imma l-ġisem* hu dgħajjef.” 42  U Ġesù reġaʼ mar jitlob u qal: “Missier, jekk mhux possibbli li nevita li nixrob minn din it-tazza, mela ħa jseħħ dak li trid int.” 43  U reġaʼ mar ħdejn id-dixxipli tiegħu u sabhom reqdin, għax kellhom ħafna ngħas. 44  Għalhekk, telaq minn ħdejhom u reġaʼ mar jitlob għat-tielet darba, u qal l-istess. 45  Imbagħad reġaʼ mar ħdejn id-dixxipli u qalilhom: “Issa mhux il-ħin li torqdu u tistrieħu! Issa wasal il-ħin li jien, Bin il-bniedem, niġi ttradut u ningħata f’idejn il-midinbin.* 46  Qumu, ejja mmorru. Dak li se jittradini wasal.” 47  Waqt li kien għadu qed jitkellem, wasal Ġuda, wieħed mit-Tnax, u miegħu kellu folla kbira. Dawn kienu armati bi xwabel u bsaten, u kienu ntbagħtu mill-qassisin importanti u l-anzjani. 48  Dak li kien se jittradih kien tahom sinjal u qalilhom: “Arrestaw lil dak li se nbus, għax hu l-wieħed li qed tfittxu.” 49  U mar dritt fuq Ġesù u qallu: “Il-paċi miegħek, Rabbi!” u biesu b’tenerezza. 50  Imma Ġesù qallu: “Għala qiegħed hawnhekk?” Imbagħad dawk li kienu maʼ Ġuda, resqu, qabdu lil Ġesù, u arrestawh. 51  U wieħed mid-dixxipli taʼ Ġesù qabad ix-xabla tiegħu u qataʼ l-widna tal-ilsir tal-qassis il-kbir. 52  Imbagħad Ġesù qallu: “Poġġi x-xabla f’postha, għax kull min jiġġieled bix-xabla, se jmut bix-xabla. 53  Taħseb li ma nistax nitlob bil-ħniena lil Missieri biex issa stess jibgħatli iktar minn 12-il armata* t’anġli? 54  Imma jekk nagħmel hekk, kif se jseħħ dak li qalet l-Iskrittura?” 55  Dak il-ħin Ġesù qal lill-folla: “Mela jien xi ħalliel biex ġejtu għalija armati bix-xwabel u l-bsaten? Kuljum kont inkun bilqiegħda fit-tempju ngħallem, mela għax ma ġejtux tarrestawni hemm? 56  Imma dan kollu ġara biex iseħħ dak li kitbu* l-profeti.” Imbagħad id-dixxipli kollha abbandunawh u ħarbu. 57  Dawk li arrestaw lil Ġesù ħaduh għand Kajfa l-qassis il-kbir, fejn kien hemm l-iskribi u l-anzjani. 58  Imma Pietru baqaʼ jsegwih mill-bogħod sal-bitħa tal-qassis il-kbir. U wara li daħal, qagħad bilqiegħda mal-qaddejja tad-dar biex jara x’se jiġri. 59  Issa l-qassisin importanti u l-membri l-oħra tas-Sinedriju kienu qed ifittxu nies biex jagħtu xhieda falza kontra Ġesù ħalli joqtluh. 60  Iżda għalkemm marru ħafna xhieda foloz ma sabux fuqiex jikkundannawh. Fl-aħħar marru tnejn 61  u qalu: “Dan ir-raġel qal li hu kapaċi jwaqqaʼ t-tempju t’Alla u jibnih fi tlett ijiem.” 62  Għal dan, il-qassis il-kbir qam u qallu: “Mhu se tgħid xejn? M’intix tismaʼ fuqiex qed jakkużawk dawn l-irġiel?” 63  Imma Ġesù baqaʼ ma qal xejn. Għalhekk il-qassis il-kbir qallu: “Aħlef bl-Alla l-ħaj li tgħidilna jekk intix il-Kristu, l-Iben t’Alla!” 64  Ġesù qallu: “Int stess għedt dan. Imma kunu afu li fil-futur se taraw lili, Bin il-bniedem, bilqiegħda fuq il-lemin tal-Wieħed b’saħħtu u ġej fis-sħab tas-sema.” 65  Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat ħwejġu u qal: “Qed jidgħi!* Għandna bżonn iktar xhieda? Smajtuha d-dagħwa. 66  Intom x’taħsbu?” Huma wiġbuh: “Ħaqqu l-mewt.” 67  Imbagħad beżqulu f’wiċċu u tawh bil-ponn. Oħrajn tawh daqqiet taʼ ħarta, 68  u qalu: “Ja Kristu, jekk int profeta, għidilna min tahielek din id-daqqa!” 69  Issa Pietru kien bilqiegħda barra fil-bitħa, u resqet lejh qaddejja u qaltlu: “Anki int kont maʼ Ġesù l-Galilew!” 70  Imma hu m’ammettiex, u qal quddiem kulħadd: “Ma nafx fuqiex qed titkellem.” 71  Meta mar fid-daħla tal-bitħa, ratu qaddejja oħra u qalet lil dawk li kienu hemm: “Dan ir-raġel kien maʼ Ġesù n-Nazzarenu.” 72  U reġaʼ qal li mhux veru u ħalef: “Ma nafux lil dan ir-raġel!” 73  Wara ftit, dawk li kienu hemm qalu lil Pietru: “Int żgur li wieħed minnhom, għax qed titkellem bħan-nies mill-Galilija.”* 74  Imbagħad beda jisħet* u jaħlef: “Jien ma nafux lil dan ir-raġel!” U s-serduq idden mill-ewwel. 75  U Pietru ftakar f’dak li kien qallu Ġesù, jiġifieri: “Qabel ma jidden is-serduq, int se tgħid li ma tafnix tliet darbiet.” Imbagħad Pietru ħareġ barra u beka fuq li beka.

Noti taʼ taħt

Letteralment “jaqbdu.”
Jew “Għalliem.”
Jew “kantaw is-salmi.”
Letteralment “se titfixklu minħabba fija.”
Jew “Ruħi mdejqa.”
It-tazza tirrappreżenta dak li jrid Alla, jiġifieri li jħalli lil Ġesù jmut minħabba li jiġi akkużat b’mod falz li dagħa.
Letteralment “l-ispirtu jrid.”
Dan jirreferi għall-istat midneb u imperfett taʼ bniedem.
Jew “in-nies li jagħmlu d-dnub.”
Letteralment “12-il leġjun.” Fl-armata Rumana kien hemm madwar 4,000 sa 6,000 suldat f’leġjun wieħed.
Jew “l-iskritturi li kitbu.”
Jew “qed titkellem bid-djalett.”
Jiġifieri jgħid li se jkun misħut jekk mhux qed jgħid il-verità.