Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 11:1-19

  • Iż-żewġ xhieda (1-13)

    • Jipprofetizzaw għal 1,260 ġurnata lebsin ħwejjeġ tal-ixkora (3)

    • Maqtulin u mhux se jindifnu (7-10)

    • Jingħataw il-ħajja wara tlett ijiem u nofs (11, 12)

  • It-tieni gwaj għadda imma ġej it-tielet (14)

  • Is-sebaʼ trumbetta (15-19)

    • Is-Saltna t’Alla u tal-Kristu (15)

    • Se jinqerdu dawk li qed jeqirdu l-art (18)

11  Jien ingħatajt qasba qisha bastun* waqt li ntqalli: “Mur kejjel is-santwarju tat-tempju t’Alla u l-artal, u għodd lil dawk li qed iqimu fih.  Imma tkejjilx il-bitħa taʼ barra tas-santwarju tat-tempju, għax din ingħatat lill-popli u huma se jgħaffġu taħt saqajhom il-belt qaddisa għal 42 xahar.  Jien se nibgħat liż-żewġ xhieda tiegħi lebsin ħwejjeġ tal-ixkora biex jipprofetizzaw għal 1,260 ġurnata.”  Dawn huma rrappreżentati miż-żewġ siġriet taż-żebbuġ u ż-żewġ gandlieri. Huma qegħdin weqfin quddiem is-Sid tal-art.  Jekk xi ħadd ikun irid iweġġagħhom, joħroġ nar minn ħalqhom u jaħraq lill-għedewwa tagħhom. Jekk xi ħadd ikun irid iweġġagħhom, hekk se jinqatel.  Dawn għandhom l-awtorità li jagħlqu s-sema ħalli ma tagħmilx xita meta jkunu qed jipprofetizzaw, u għandhom l-awtorità li jbiddlu l-ilma f’demm u li jikkastigaw l-art b’kull mod u kemm iridu.  Meta jkunu lesti mill-ipprofetizzar, il-bhima salvaġġa li titlaʼ mill-abbiss se tiġġieled fi gwerra magħhom, tirbħilhom, u toqtolhom.  L-iġsma mejtin tagħhom se jkunu fit-triq il-prinċipali tal-belt il-kbira, li b’mod figurattiv tissejjaħ Sodoma u Eġittu, fejn ġie maqtul ukoll il-Mulej tagħhom fuq zokk.  U xi nies mill-popli, tribujiet, lingwi,* u ġnus se jħarsu lejn l-iġsma mejtin tagħhom għal tlett ijiem u nofs, u mhux se jħalluhom jindifnu. 10  Dawk li jgħixu fuq l-art se jifirħu u jiċċelebraw minħabba li mietu, u se jibagħtu rigali lil xulxin, għax dawn iż-żewġ profeti kienu jitturmentawhom bil-messaġġ tagħhom. 11  Wara t-tlett ijiem u nofs, Alla tahom il-ħajja* u qamu bilwieqfa. Dawk li rawhom tgħidx kemm beżgħu. 12  Iż-żewġ xhieda semgħu leħen għoli mis-sema jgħidilhom: “Itilgħu hawn.” U huma telgħu s-sema fi sħaba, u l-għedewwa tagħhom rawhom. 13  Dak il-ħin għamel terremot kbir, u għaxra fil-100 tal-belt waqgħet. Mietu 7,000 persuna bit-terremot, u l-kumplament bdew jibżgħu u gglorifikaw lill-Alla tas-sema. 14  It-tieni gwaj għadda. It-tielet gwaj ġej malajr. 15  Is-sebaʼ anġlu daqq it-trumbetta tiegħu. U nstemgħu ilħna għoljin mis-sema jgħidu: “Is-Saltna t’Alla u tal-wieħed li għażel biex ikun il-Kristu qed tmexxi fuq il-bnedmin, u hu* se jmexxi bħala re għal dejjem taʼ dejjem.” 16  U l-24 anzjan li kienu bilqiegħda fuq it-tron tagħhom quddiem Alla niżlu għarkopptejhom u qiemu lil Alla, 17  u qalu: “Nirringrazzjawk, Alla Ġeħova,* Dak li Jistaʼ Kollox, il-wieħed li jeżisti u li eżista, għax int użajt il-qawwa kbira tiegħek u bdejt tmexxi bħala re. 18  Imma l-popli tgħidx kemm irrabjaw, u int urejt kemm kont irrabjat magħhom, u wasal iż-żmien li int għażilt biex jiġu ġġudikati l-mejtin, biex tippremja lill-ilsiera tiegħek il-profeti, lill-qaddisin, u lil dawk li jirrispettaw ħafna lil* ismek, kemm il-kbar u kemm iż-żgħar, u biex teqred lil dawk li qed jeqirdu l-art.” 19  U nfetaħ is-santwarju tat-tempju t’Alla fis-sema, u fih rajt l-arka tal-patt. U kien hemm sajjetti, ilħna, ragħad, terremot, u silġ kbir.

Noti taʼ taħt

Jew “bastun li tkejjel bih.”
Letteralment “ilsna.”
Jew “l-ispirtu tal-ħajja.”
Aktarx “hu” jirreferi għal Alla.
Letteralment “jibżgħu minn.”