Lir-Rumani 1:1-32
1 Din l-ittra hi mingħandi, Pawlu, ilsir taʼ Kristu Ġesù. Hu għażilni biex inkun appostlu u inkarigani biex inxandar l-aħbar tajba dwar Alla.
2 Alla wiegħed din l-aħbar tajba żmien twil ilu fl-Iskrittura qaddisa permezz tal-profeti tiegħu.
3 Din hi dwar Ibnu, li kien dixxendent taʼ* David.
4 Permezz tal-qawwa tal-ispirtu qaddis, dan l-Iben, Ġesù Kristu l-Mulej tagħna, ġie rxoxtat mill-mewt. Dan juri li hu l-Iben t’Alla.
5 Permezz tiegħu, Alla wriena qalb tajba kbira.* Ġesù għażilni biex inkun appostlu ħalli ngħin lin-nies tal-popli kollha juru fidi, jobdu, u jirrispettaw lil ismu.
6 Intom ukoll qegħdin fost dawk mill-popli li ġew mistidnin* biex ikunu dixxipli taʼ Ġesù Kristu.
7 Din l-ittra hi għal dawk kollha li Alla jħobb f’Ruma, dawk li hu għażel biex ikunu qaddisin:
Jalla Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu jurukom qalb tajba kbira u jgħinukom ikollkom il-paċi.
8 L-ewwel nett, nirringrazzja lill-Alla tiegħi permezz taʼ Ġesù Kristu għalikom kollha, għax ħafna nies minn madwar id-dinja qed jitkellmu dwar il-fidi tagħkom.
9 Jien qed naqdi lil Alla b’qalbi kollha* billi naqsam l-aħbar tajba dwar Ibnu, u Alla jaf li dejjem insemmikom fit-talb.
10 Jien nitolbu li jekk hu possibbli u jekk Alla jixtieq, fl-aħħar inkun nistaʼ niġi għandkom.
11 Għax jien vera nixtieq narakom ħalli nkun nistaʼ naqsam rigal spiritwali magħkom, u b’hekk insaħħilkom il-fidi;
12 anzi, biex ninkuraġġixxu lil xulxin bil-fidi tagħna.
13 Ħuti, nixtieqkom tkunu tafu li kemm-il darba għamilt il-ħsieb li niġi għandkom, imma dan ma kienx possibbli. Jien nixtieq niġi nipprietka u nara r-riżultati tajbin taʼ dan, bħalma qed jiġri mal-bqija tal-popli.
14 Jien obbligat li ngħin lin-nies kollha, kemm il-Griegi u l-barranin,* kif ukoll l-għorrief u l-boloh.
15 Għalhekk, qed inħares ’il quddiem li naqsam l-aħbar tajba magħkom ukoll f’Ruma.
16 Jien ma nistħix minħabba l-aħbar tajba. Fil-fatt, din hi evidenza taʼ kemm Alla hu b’saħħtu, u tistaʼ ssalva lil kull min juri li għandu fidi, l-ewwel lil-Lhud u mbagħad lill-Griegi.*
17 Il-ġustizzja t’Alla qed tintwera lil dawk li juru fidi, u dan isaħħilhom il-fidi tagħhom, bħalma tgħid l-Iskrittura: “Imma l-ġust se jgħix minħabba l-fidi tiegħu.”
18 Alla qed juri r-rabja tiegħu mis-sema kontra l-ħażen u l-inġustizzja li jagħmlu n-nies. Huma qed iwaqqfu lin-nies milli jsiru jafu l-verità.
19 Huma suppost li jafuh lil Alla, għax hu diġà wriehom b’mod ċar ħafna affarijiet.
20 Il-kwalitajiet li ma jidhrux tiegħu nistgħu nifhmuhom billi ninnotaw kif ġiet maħluqa d-dinja. Nistgħu nsiru nafu x’tip t’Alla hu billi neżaminaw l-affarijiet li għamel. Dawn juru l-qawwa tiegħu li hi għal dejjem u jagħtu prova li hu Alla. Għalhekk, in-nies m’għandhom l-ebda skuża.
21 Għalkemm dawn in-nies kienu jafu lil Alla, huma m’onorawhx bħalma jixraqlu u ma rringrazzjawhx. Minflok, huma bdew jaħsbuha bħall-boloh, u l-qalb bla sens tagħhom ma wrietx li kapaċi tifhem.*
22 Għalkemm dawn jgħidu li huma għorrief, huma boloh.
23 Minflok ma jonoraw lill-Alla li ma jistax imut, huma jonoraw l-idoli li jixbhu lill-bnedmin li jmutu, l-għasafar, l-annimali b’erbaʼ saqajn, u r-rettili.*
24 Għalhekk, Alla ħalliehom jaġixxu skont ix-xewqat mhux nodfa taʼ qalbhom, u b’hekk huma qed jagħmlu affarijiet tal-mistħija b’ġisimhom.
25 Huma jpartu l-verità dwar Alla mal-gideb, u jqimu u jaqdu dak li ħalaq Alla minflok lill-Ħallieq, li għandu jiġi mfaħħar għal dejjem. Ammen.
26 Għalhekk, Alla ħalla x-xewqat sesswali moqżieża tagħhom jikkontrollawhom. In-nisa beda jkollhom relazzjonijiet sesswali maʼ nisa oħrajn minflok mal-irġiel, li hi xi ħaġa kontra n-natura.
27 Ukoll, l-irġiel ma baqax ikollhom relazzjonijiet sesswali man-nisa u aġixxew fi qbil maʼ xewqat sesswali qawwijin lejn irġiel oħra, u b’hekk għamlu affarijiet moqżieża maʼ xulxin. Imma huma se jiġu kkastigati bis-sħiħ kif ħaqqhom għall-ħażen li għamlu.
28 Peress li għalihom ma kienx importanti li jsiru jafu lil Alla, hu ħalliehom ikomplu jaħsbu dwar affarijiet bla sens, u b’hekk huma qed jagħmlu affarijiet li m’għandhomx jagħmluhom.
29 Dawn kienu inġusti, mill-agħar, rgħiba, u ħżiena għalkollox. Huma jgħiru ħafna, joqtlu, jiġġieldu, jigdbu, u jweġġgħu lil oħrajn. Huma jħobbu jgħidu fuq in-nies,
30 jimmalafamaw, jobogħdu lil Alla, jgħajru, arroganti, jiftaħru, u jippjanaw affarijiet ħżiena. Huma ma jobdux lill-ġenituri,
31 mhux kapaċi jifhmu, mhux lesti li jżommu kelmithom, m’għandhomx imħabba ġenwina,* u huma bla qalb.
32 Għalkemm jafu sew li Alla jgħid li min jagħmel hekk jistħoqqlu l-mewt, huma mhux talli jkomplu jagħmluhom, imma japprovaw lil dawk li jkomplu jagħmlu hekk.
Noti taʼ taħt
^ Jew “min-nisel taʼ; li ġie minn.”
^ Jew “qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “imsejħin.”
^ Letteralment “bl-ispirtu tiegħi.”
^ Letteralment “il-barbari.”
^ Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
^ Letteralment “iddallmet.”
^ Jew “li jitkaxkru.”
^ Jew “naturali.”