Rut 3:1-18
3 Nagħomi, il-kunjata tagħha, issa qaltilha: “Binti, m’għandix jien infittixlek raġel biex tiżżewweġ ħalli jkollok protezzjoni* għall-ġid tiegħek stess?
2 Bogħaż jiġi minna. Hu dak li int qgħadt man-nisa żgħażagħ tiegħu. Illejla se jkun qed jaħdem* fil-post fejn jiġi sseparat ix-xgħir.*
3 Għalhekk, inħasel, indilek b’żejt ifuħ, ilbes l-aħjar ħwejjeġ,* u mur hemm. Tħallihx jinduna bik sakemm ikun kiel u xorob.
4 U xħin jimtedd, oqgħod attenta biex tara fejn jimtedd. Imbagħad mur, ikxiflu saqajh, u mtedd hemmhekk. Hu se jgħidlek x’għandek tagħmel.”
5 Hi wiġbitha: “Nagħmel kulma tgħidli.”
6 U niżlet lejn il-post fejn jiġi sseparat ix-xgħir u għamlet kulma qaltilha l-kunjata.
7 Sadanittant, Bogħaż kiel u xorob, u ħassu kuntent. Imbagħad mar jimtedd f’tarf il-munzell tax-xgħir. Wara dan hi resqet inkiss inkiss, kixfitlu saqajh, u mteddet.
8 F’nofsillejl hu beda jitriegħed u qam bilqiegħda u ra mara mimduda ħdejn saqajh.
9 Hu staqsieha: “Min int?” Qaltlu: “Jien Rut il-qaddejja tiegħek. Għattini bi ħwejġek,* għax int tiġi mir-raġel tiegħi u tistaʼ teħlisna mid-diffikultà.”
10 Għalhekk qalilha: “Jalla tkun imbierka minn Ġeħova, binti. L-imħabba u l-lealtà* li wrejt issa hi aħjar minn dik li wrejt qabel, għax ma mortx wara l-irġiel żgħażagħ, la foqra u lanqas sinjuri.
11 U issa tibżax binti. Kulma tgħidli nagħmel, għax fil-belt kulħadd jaf li int mara mill-aħjar.
12 Veru li niġi minn żewġek, imma hemm xi ħadd ieħor li jiġi minnu iktar mill-qrib.
13 Għaddi l-lejl hawnhekk, u jekk għada filgħodu jkun irid jieħu r-responsabbiltà biex jgħinek, tajjeb! Ħa jagħmel hekk. Imma jekk ma jkunx irid, naħliflek b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li ngħinek jien stess. Ibqaʼ mimduda hawn sa filgħodu.”
14 Allura baqgħet mimduda ħdejn saqajh sa filgħodu u mbagħad qamet kmieni qabel ma setaʼ jagħrafha xi ħadd. U Bogħaż qal: “Ħa ma jkun jaf ħadd li kien hawn mara hawnhekk.”
15 U qal lil Rut: “Ġib il-mantell taʼ fuqek, u żommu miftuħ.” Hi żammitu miftuħ u poġġielha sitt kejlijiet* xgħir fih, u mbagħad daħal il-belt.
16 Hi telqet għal għand il-kunjata, u din staqsietha: “Kif mort* binti?” U hi rrakkontatilha kulma kien għamel għaliha Bogħaż.
17 U kompliet tgħidilha: “Tani dawn is-sitt kejlijiet xgħir u qalli, ‘Tmurx b’idek vojta għand il-kunjata.’”
18 U Nagħomi qaltilha: “Stenna hawn binti sakemm tkun taf x’se jiġri, għax dan ir-raġel mhux se joqgħod bi kwietu qabel ma jirranġa kollox illum.”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “post taʼ mistrieħ.”
^ Jew “iderri,” jiġifieri proċess li fih il-qoxra titneħħa minn max-xgħir.
^ Jiġifieri barley.
^ Jew “ilbes il-mantell tiegħek.”
^ Jew “Ipproteġi lill-qaddejja tiegħek.”
^ Jew “L-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “Min int?”