Alla Jrid li n-Nisa Jiġu Rrispettati
META Ġesù kien fuq l-art, hu imita kif jagħmel l-affarijiet Ġeħova u l-kwalitajiet tiegħu. Hu qal: “Ma nagħmel xejn minn rajja; imma dan ngħidu skond kif għallimni l-Missier. . . . Dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” (Ġwanni 8:28, 29; Kolossin 1:15) Allura meta naraw kif Ġesù tratta lin-nisa, se nitgħallmu x’jaħseb Ġeħova fuq in-nisa u kif jixtieq li jiġu trattati.
Ġesù kien jittratta lin-nisa differenti ħafna minn kif kienu jittrattawhom oħrajn dak iż-żmien. Kif? U jistaʼ dak li għallem jagħti iktar libertà lin-nisa tal-lum?
Ġesù Kif Kien Jittratta lin-Nisa?
Għal Ġesù n-nisa ma kinux għas-sess biss. Xi mexxejja reliġjużi Lhud kienu jaħsbu li jekk raġel jitkellem maʼ mara, se jiġuh ħsibijiet ħżiena. Huma kienu jgħidu li n-nisa ma jistgħux jitkellmu mal-irġiel meta joħorġu barra u li dejjem għandhom jgħattu rashom. Imma Ġesù qal lill-irġiel biex jikkontrollaw lilhom infushom u jirrispettaw lin-nisa minflok ma jkellmuhomx.—Mattew 5:28.
Ġesù qal: “Kulmin jiddivorzja lil martu u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju kontriha.” (Marku 10:11, 12) Dan kien kontra dak li kienu jgħallmu l-mexxejja reliġjużi li kienu jħallu lill-irġiel jiddivorzjaw lin-nisa “għal kwalunkwe raġuni.” (Mattew 19:3, 9) Għal-Lhud kienet stramba li raġel jagħmel adulterju kontra l-mara. Dan għax il-mexxejja tagħhom għallmu li n-nisa biss setgħu jagħmlu dan. Meta Ġesù qal li anki l-irġiel iridu jkunu leali lejn in-nisa tagħhom, hu kien qed jittratta lin-nisa bir-rispett.
Dak li għallem Ġesù għadu jgħodd: Fil-kongregazzjoni Kristjana tax-Xhieda taʼ Ġeħova, in-nisa jitkellmu mal-irġiel meta jiltaqgħu għal-laqgħat. In-nisa ma jħossuhomx skomdi, għax l-irġiel Kristjani joqogħdu attenti biex jittrattaw ‘lin-nisa xjuħ bħala ommijiet, lin-nisa żgħażagħ bħala aħwa bis-safa kollu.’—1 Timotju 5:2.
Ġesù ħa l-ħin biex jgħallem lin-nisa. Il-mexxejja reliġjużi ma kinux jgħallmu lin-nisa. Imma Ġesù għallimhom u inkuraġġiehom biex jitkellmu. Meta Ġesù ħalla lil Marija tisimgħu jgħallem, hu wera li l-mara m’għandhiex tkun fil-kċina biss. (Luqa 10:38-42) Oħt Marija, Marta, ukoll tgħallmet minn Ġesù. Dan urietu bil-mod kif wieġbet lil Ġesù wara li miet Lazzru.—Ġwanni 11:21-27.
Ġesù kien jinteressah minn x’jaħsbu n-nisa. Fi żmien Ġesù, ħafna nisa Lhud kienu jemmnu li l-iżjed ħaġa importanti f’ħajjithom kienet li jkollhom tifel li jistgħu jkunu kburin bih, forsi xi profeta. Meta mara għajtet: “Hieni l-ġuf li ġarrek!” Ġesù ħa l-opportunità biex jgħallimha xi ħaġa aħjar. (Luqa 11:27, 28) Ġesù wera li mara m’għandux għalfejn ikollha tifel biex tkun ferħana. L-iżjed ħaġa li se tagħmilha ferħana hi l-ħbiberija tagħha maʼ Ġeħova.—Ġwanni 8:32.
Dak li għallem Ġesù għadu jgħodd: Waqt il-laqgħat Kristjani, l-aħwa nisa jistgħu jikkummentaw. L-anzjani jirrispettaw in-nisa għax huma “għalliema taʼ dak li hu tajjeb.” Dan jagħmluh billi jgħallmu l-verità lit-tfal tagħhom u l-istudenti tal-Bibbja, u huma eżempju tajjeb fil-kongregazzjoni. (Titu 2:3) L-anzjani jafu li hemm ħafna nisa jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna.—Salm 68:11; ara l-kaxxa “ L-Appostlu Pawlu Ma Ħalliex lin-Nisa Jitkellmu?”
Ġesù kien jimpurtah min-nisa. Fi żmien il-Bibbja, il-bniet ma kinux importanti daqs is-subien. Fil-fatt it-Talmud jgħid: “Ferħan hu min għandu tfal subien, u miskin min għandu tfal bniet.” Għal xi ġenituri kienet problema li jkollhom tifla. Dan għax kellhom isibulha raġel u jtuha rigal tat-tieġ. U meta jikbru ma setgħux jistennew li se tieħu ħsiebhom.
Ġesù wera li tifla kienet importanti daqs tifel. Dan għamlu meta qajjem mill-mewt lit-tifla taʼ Ġajru u anki lit-tifel tal-armla f’Najn. (Marku 5:35, 41, 42; Luqa 7:11-15) Meta fejjaq lil mara “li kienet ilha marida għal tmintax-il sena,” Ġesù rrefera għaliha bħala “bint Abraham.” Il-Lhud rari kienu jużaw din l-espressjoni għal mara. (Luqa 13:10-16) Billi uża dan il-kliem li juri rispett u qalb tajba, Ġesù wera li hi kienet importanti daqs ħaddieħor u ra li kellha fidi kbira.—Luqa 19:9; Galatin 3:7.
Dak li għallem Ġesù għadu jgħodd: Fl-Asja jgħidu: “Li trabbi tifla qisu qed issaqqi l-ġnien taʼ xi ħadd ieħor.” Dan ifisser li għalxejn trabbi tifla għax imur tajjeb ħaddieħor minflokok. Missirijiet Kristjani li jħobbu t-tfal tagħhom m’għandhomx jirraġunaw hekk. Minflok, huma jieħdu ħsieb it-tfal kollha tagħhom, subien u bniet. Il-ġenituri jagħmlu ċert li t-tfal kollha tagħhom ikollhom edukazzjoni tajba u jkunu b’saħħithom.
Ġesù kien jafdahom lin-nisa. Meta mara kienet tkun xhud f’qorti, għal-Lhud dak li tgħid kien jiswa daqs taʼ skjav. Studjuż tal-istorja tal-ewwel seklu jismu Ġużeppi Flavju qal li n-nisa m’għandekx tafdahom għax huma nisa.
Għall-kuntrarju, wara li qam mill-mewt, Ġesù għażel li l-ewwel nies li jarawh ikunu nisa. (Mattew 28:1, 8-10) Avolja dawn in-nisa leali kienu raw lil Ġesù jmut u jindifen, l-appostli sabuha diffiċli biex jemmnuhom. (Mattew 27:55, 56, 61; Luqa 24:10, 11) Imma meta Ġesù deher l-ewwel in-nisa, wera li huma importanti daqs id-dixxipli l-oħra.—Atti 1:8, 14.
Dak li għallem Ġesù għadu jgħodd: Fil-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova, l-anzjani juru li jirrispettaw in-nisa billi jagħtu kashom meta jkellmuhom. Dan jgħin l-anzjani jiddeċiedu b’mod tajjeb u juru li jimpurtahom minnhom. Fil-fatt, raġel Kristjan ‘jonora’ lill-mara tiegħu billi jagħti kasha meta tkellmu.—1 Pietru 3:7; Ġenesi 21:12.
Il-Bibbja Tgħin in-Nisa Jkunu Ferħanin
Meta l-irġiel jimitaw lil Ġesù, dawn jirrispettaw u jagħtu l-libertà lin-nisa bħalma xtaq Alla. (Ġenesi 1:27, 28) L-irġiel Kristjani ma jaħsbux li n-nisa huma inqas importanti. Minflok, huma jagħmlu lin-nisa tagħhom ferħanin billi jobdu l-prinċipji tal-Bibbja.—Efesin 5:28, 29.
Meta Yelena bdiet tistudja l-Bibbja, hi kienet tbati għax ir-raġel tagħha kien qed jittrattaha ħażin ħafna. Hu kien trabba f’post vjolenti fejn kien popolari li jisirqu lin-nisa biex jiżżewġuhom u jabbużawhom. Yelena tgħid: “Dak li tgħallimt mill-Bibbja vera għenni. Jien fhimt li hemm xi ħadd li jħobbni ħafna u jimpurtah minni. Fhimt ukoll li jekk ir-raġel jibda jistudja l-Bibbja, se jittrattani differenti ħafna.” Dak li xtaqet ġara, għax ir-raġel tagħha beda jistudja l-Bibbja u sar wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Yelena tgħid: “Hu tgħallem jikkontrolla lilu nnifsu u sar persuna taʼ min jimitah. Aħna tgħallimna kif naħfru lil xulxin.” Fi ftit kliem hi tgħid: “Il-Bibbja vera għenitni biex inħossni importanti u protetta fiż-żwieġ tiegħi.”—Kolossin 3:13, 18, 19.
Dan ma ġarax lil Yelena biss. Miljuni taʼ nisa Kristjani huma ferħanin li mal-irġiel tagħhom qed jaħdmu biex japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja fiż-żwieġ tagħhom. Huma jħossuhom irrispettati u komdi mal-aħwa tal-kongregazzjoni.—Ġwanni 13:34, 35.
Irġiel u nisa Kristjani jafu li huma imperfetti u jiżbaljaw. Dan għax huma parti mill-ħolqien t’Alla li ma baqax perfett. Imma huma xorta jistgħu jkunu ħbieb sew maʼ Missierhom kollu mħabba, Ġeħova. Huma għandhom it-tama li ‘jinħelsu’ mill-imperfezzjoni u jkollhom il-ħajja taʼ dejjem. Kemm hi xi ħaġa sabiħa li Alla se jieħu ħsieb lil dawn l-irġiel u n-nisa!—Rumani 8:20, 21.