LEZZJONI 8
Alla Għala Jippermetti l-Ħażen u t-Tbatija?
1. Kif beda l-ħażen?
Il-ħażen beda fuq l-art meta Satana qal l-ewwel gidba. Satana oriġinalment kien anġlu perfett, imma “ma żammx sħiħ fil-verità.” (Ġwanni 8:44) Żviluppa xewqa għall-qima li bi dritt hi t’Alla biss. Satana gideb lill-ewwel mara, Eva, u pperswadieha biex tobdi lilu minflok lil Alla. Adam ingħaqad m’Eva f’li ma jobdix lil Alla. Id-deċiżjoni t’Adam wasslet għal tbatija u mewt.—Aqra Ġenesi 3:1-6, 19.
Meta Satana ssuġġerixxa li Eva ma tobdix lil Alla, kien qed jibda ribelljoni kontra s-sovranità t’Alla, jew il-pożizzjoni Tiegħu bħala l-Iktar Għoli. Il-biċċa l-kbira mill-umanità ngħaqdet maʼ Satana f’li tiċħad lil Alla bħala l-Ħakkiem tagħha. B’hekk, Satana sar “il-ħakkiem tad-dinja.”—Aqra Ġwanni 14:30; 1 Ġwanni 5:19.
2. Kien il-ħolqien t’Alla difettuż?
L-għemejjel t’Alla huma kollha perfetti. Il-bnedmin u l-anġli li ħalaq Alla kienu kapaċi jobdu lil Alla perfettament. (Dewteronomju 32:4, 5) Alla ħalaqna bil-libertà li nagħżlu bejn li nagħmlu t-tajjeb u l-ħażin. Din il-libertà tagħtina opportunità biex nuru mħabbitna għal Alla.—Aqra Ġakbu 1:13-15; 1 Ġwanni 5:3.
3. Alla għala ppermetta t-tbatija s’issa?
Għal żmien limitat, Ġeħova ħalla r-ribelljoni kontra s-sovranità tiegħu tibqaʼ għaddejja. Għala? Biex juri li l-ebda ħakma indipendenti minnu mhi taʼ benefiċċju għan-nies. (Ekkleżjasti 7:29; 8:9) Wara 6,000 sena taʼ storja umana, l-evidenza tidher ċara daqs il-kristall. Il-ħakkiema umani ma rnexxilhomx itemmu l-gwerer, il-kriminalità, l-inġustizzja, jew il-mard.—Aqra Ġeremija 10:23; Rumani 9:17.
B’kuntrast mal-ħakma umana, il-ħakma t’Alla hi taʼ ġid għal dawk li jaċċettawha. (Isaija 48:17, 18) Ġeħova dalwaqt se jeqred il-gvernijiet umani kollha. Dawk biss li jagħżlu li jissottomettu ruħhom lejn il-ħakma t’Alla se jgħixu fuq l-art.—Isaija 11:9.—Aqra Danjel 2:44.
Ara l-vidjow Alla għala jippermetti t-tbatija?
4. X’opportunità għandna grazzi għall-paċenzja t’Alla?
Satana sostna li ħadd mhu se jaqdi lil Alla sforz l-imħabba mhix egoistika. Tixtieq toħorġu taʼ giddieb? Tistaʼ tagħmel dan! Il-paċenzja t’Alla tħalli lil kull wieħed u waħda minna juri jekk jippreferix il-ħakma t’Alla jew tal-bnedmin. Nuru x’inhi l-għażla tagħna bil-mod kif ngħixu ħajjitna.—Aqra Ġob 1:8-12; Proverbji 27:11.
5. Kif nistgħu nagħżlu ’l Alla bħala l-Ħakkiem tagħna?
Nistgħu nagħżlu ’l Alla bħala l-Ħakkiem tagħna billi nitgħallmu dwar il-qima vera bbażata fuq il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, u billi nipprattikaw din il-qima. (Ġwanni 4:23) Nistgħu niċħdu lil Satana bħala l-ħakkiem tagħna billi ma nindaħlux fil-politika u fil-gwerer, kif għamel Ġesù.—Aqra Ġwanni 17:14.
Satana juża l-qawwa tiegħu biex jippromwovi prattiki immorali u taʼ ħsara. Meta nirrifjutaw prattiki bħal dawn, xi ħbieb u qraba għandhom mnejn iwaqqgħuna għaċ-ċajt jew jopponuna. (1 Pietru 4:3, 4) Allura għandna għażla quddiemna. Se nissieħbu maʼ nies li jħobbu lil Alla? Se nobdu l-liġijiet għaqlin u taʼ mħabba tiegħu? Jekk nagħmlu hekk, nagħtu prova li Satana gideb meta sostna li ħadd ma jobdi lil Alla taħt pressjoni.—Aqra l-1 Korintin 6:9, 10; 15:33.
L-imħabba t’Alla għall-bnedmin hi garanzija li l-ħażen u t-tbatija se jintemmu. Dawk li juru li jemmnu dan se jgawdu l-ħajja fuq l-art għal dejjem.—Aqra Ġwanni 3:16.