Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 2

Min Hu Alla?

Min Hu Alla?

1. Għala għandna nqimu lil Alla?

L-​Alla l-​veru hu l-​Ħallieq taʼ kollox. La kellu bidu u lanqas qatt mhu se jkollu tmiem. (Salm 90:2) Hu s-​Sors tal-​aħbar tajba li tinsab fil-​Bibbja. (1 Timotju 1:11) Minħabba li Alla tana l-​ħajja, għandna nqimu lilu biss.​—Aqra Rivelazzjoni 4:11.

2. Alla x’tip taʼ persuna hu?

Lil Alla ħadd qatt ma rah minħabba li hu Spirtu, jiġifieri, hu iktar superjuri mill-​ħlejjaq fiżiċi li jgħixu fuq l-​art. (Ġwanni 1:18; 4:24) Minkejja dan, il-​personalità t’Alla tidher fl-​affarijiet li hu għamel. Pereżempju, il-​varjetà taʼ frott u fjuri juruna l-​imħabba u l-​għerf tiegħu. Il-​kobor tal-​univers jurina l-​qawwa tiegħu.​—Aqra Rumani 1:20.

Nistgħu nitgħallmu saħansitra iktar dwar il-​personalità t’Alla billi naqraw il-​Bibbja. Pereżempju, din tgħidilna x’jogħġob u x’ma jogħġobx lil Alla, kif jittratta lin-​nies, u kif jaġixxi f’sitwazzjonijiet differenti.​—Aqra Salm 103:7-10.

3. Alla għandu isem?

Ġesù qal: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Għalkemm Alla għandu ħafna titli, għandu isem wieħed biss. B’kull lingwa jiġi pronunzjat b’mod differenti. Normalment, bil-​Malti ngħidu “Ġeħova.” Imma xi nies jippronunzjawh “Jaħweh.”​—Aqra Salm 83:18.

L-​isem t’Alla tneħħa minn ħafna Bibbji u floku tpoġġew it-​titli Mulej jew Alla. Imma meta nkitbet il-​Bibbja, l-​isem t’Alla kien jidher madwar 7,000 darba. Ġesù għamel l-​isem t’Alla magħruf meta għallem lin-​nies dwar Alla.​—Aqra Ġwanni 17:26.

Ara l-vidjow Alla għandu isem?

4. Ġeħova jimpurtah minna?

Bħal dan il-missier kollu mħabba, Alla qed jaġixxi għal ġid dejjiemi tagħna

Il-​fatt li ħafna bnedmin qed isofru, ifisser li Ġeħova hu Alla li ma jimpurtahx minna? Xi wħud isostnu li Alla jġegħelna nsofru biex iġarrabna, imma dan mhuwiex minnu.​—Aqra Ġakbu 1:13.

Alla ta lill-​bnedmin id-​dinjità billi tahom il-​libertà tal-​għażla. Kemm napprezzaw il-​libertà li għandna li nagħżlu li naqdu lil Alla! (Ġożwè 24:15) Imma ħafna nies jagħżlu li jagħmlu affarijiet ħżiena lil oħrajn, u għalhekk ħafna nies ibatu. Ġeħova jweġġaʼ meta jara inġustizzji bħal dawn.​—Aqra Ġenesi 6:5, 6.

Ġeħova hu Alla li jimpurtah minna. Iridna ngawdu l-​ħajja. Dalwaqt se jneħħi għalkollox it-​tbatija u lil dawk li jikkaġunawha. Sadattant, għandu raġuni valida għala qed jippermetti t-​tbatija għal żmien limitat. F’Lezzjoni 8 se nitgħallmu x’inhi din ir-​raġuni.​—Aqra t-​2 Pietru 2:9; 3:7, 13.

5. Kif nistgħu nersqu eqreb lejn Alla?

Ġeħova jistidinna nersqu qrib tiegħu billi nkellmuh permezz tat-​talb. Hu interessat fina individwalment. (Salm 65:2; 145:18) Hu lest li jaħfer. Jagħti kas meta nipprovaw nogħġbuh, anke jekk kultant ma jirnexxilniex. Għalhekk, minkejja l-​imperfezzjoni tagħna, aħna tassew nistgħu ngawdu relazzjoni mill-​qrib m’Alla.​—Aqra Salm 103:12-14; Ġakbu 4:8.

Ladarba Ġeħova tana l-​ħajja, għandna nħobbuh iktar milli nħobbu kwalunkwe persuna oħra. (Marku 12:30) Hekk kif tesprimi mħabbtek għal Alla billi titgħallem iktar dwaru u tagħmel dak li jitlob minnek, int se tersaq saħansitra eqreb lejh.​—Aqra l-​1 Timotju 2:4; 1 Ġwanni 5:3.