Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-1 Taqsima

Duru lejn Alla għal żwieġ hieni

Duru lejn Alla għal żwieġ hieni

“Ma qrajtux li sa mill-bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara.”—Mattew 19:4

Alla Ġeħova * għamel l-ewwel żwieġ. Il-Bibbja tgħidilna li hu għamel l-ewwel mara u “ħadha għand ir-raġel.” Adam tant feraħ li qal: “Sa fl-aħħar, din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi.” (Ġenesi 2:22, 23) Ġeħova għadu jixtieq li l-miżżewġin ikunu ferħanin.

Meta tiżżewweġ, għandek mnejn taħseb li kollox se jkun ward u żahar. Imma, fir-realtà, anki raġel u mara li verament iħobbu lil xulxin se jkollhom xi problemi. (1 Korintin 7:28) F’dan il-browxer se ssib prinċipji tal-Bibbja li, jekk tapplikahom, jistgħu jagħmlu ż-żwieġ u l-familja tiegħek ferħana.—Salm 19:8-11.

1 AĊĊETTA L-IRWOL LI TAK ĠEĦOVA

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: Ir-raġel hu l-kap tal-familja.—Efesin 5:23.

Jekk int raġel miżżewweġ, Ġeħova jistenna li int tieħu ħsieb martek b’tenerezza. (1 Pietru 3:7) Hu għamilha bħala sieħba li taqbel għal miegħek u jridek tittrattaha b’dinjità u mħabba. (Ġenesi 2:18) Għandek tant tħobb lil martek li tkun lest li tpoġġi dak li jogħġob lilha qabel dak li jogħġob lilek.—Efesin 5:25-29.

Jekk int mara miżżewġa, Ġeħova jistenna li int tirrispetta minn qalbek lil żewġek u tgħinu jwettaq l-irwol tiegħu. (1 Korintin 11:3; Efesin 5:33) Appoġġa d-deċiżjonijiet tiegħu, u aħdem id f’id miegħu b’qalbek kollha. (Kolossin 3:18) Meta tagħmel hekk, se tkun sabiħa f’għajnejn żewġek u f’għajnejn Ġeħova.—1 Pietru 3:1-6.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Saqsi lill-persuna l-oħra fiż-żwieġ kif tistaʼ tkun raġel jew mara aħjar. Ismaʼ b’attenzjoni, u agħmel ħiltek biex titjieb

  • Kun paċenzjuż. Jieħu ż-żmien biex it-tnejn li intom titgħallmu kif tferrħu lil xulxin

2 URU LI TASSEW JIMPURTAKOM MIS-SENTIMENTI TAʼ XULXIN

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: L-imseħbin fiż-żwieġ jeħtieġ li jfittxu l-interessi taʼ xulxin. (Filippin 2:3, 4) Ittratta lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek bħala li hi prezzjuża, u ftakar li Ġeħova jirrikjedi li l-qaddejja tiegħu jkunu “ġentili maʼ kulħadd.” (2 Timotju 2:24) “Hemm min jitkellem bla ma jaħsibha qisu b’daqqiet taʼ sejf, imma lsien l-għorrief hu fejqan.” Għalhekk, agħżel kliemek bil-għaqal. (Proverbji 12:18) L-ispirtu taʼ Ġeħova se jgħinek titkellem b’qalb tajba u bi mħabba.—Galatin 5:22, 23; Kolossin 4:6.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Itlob lil Alla biex jgħinek tibqaʼ kalm u biex iżżomm moħħ miftuħ qabel ma tiddiskuti affarijiet serji mar-raġel jew il-mara tiegħek

  • Aħseb sew x’se tgħid u kif se tgħidu

3 AĦSBU BĦALA TEAM

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: Meta tiżżewġu, intom issiru “ġisem wieħed.” (Mattew 19:5) Imma xorta waħda għadkom żewġ individwi u jistaʼ jkollkom opinjonijiet differenti. Allura għandkom bżonn titgħallmu tkunu ħaġa waħda fil-ħsibijiet u s-sentimenti tagħkom. (Filippin 2:2) L-unità hi importanti ħafna meta tieħdu deċiżjonijiet. Il-Bibbja tgħid: “Bil-pariri l-pjanijiet jiġu stabbiliti fis-sod.” (Proverbji 20:18) Ħallu l-prinċipji tal-Bibbja jiggwidawkom hekk kif tieħdu deċiżjonijiet importanti flimkien.—Proverbji 8:32, 33.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL:

  • Tagħtix biss informazzjoni jew opinjonijiet lir-raġel jew il-mara tiegħek, imma iftaħ qalbek magħha

  • Tkellem mal-persuna l-oħra fiż-żwieġ qabel ma tieħu deċiżjoni importanti

^ par. 4 Ġeħova hu l-isem t’Alla bħalma turina l-Bibbja.