Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU SEBGĦA

Hu “Kompla Jikber Quddiem Ġeħova”

Hu “Kompla Jikber Quddiem Ġeħova”

1, 2. X’kienet is-​sitwazzjoni meta Samwel kellem lin-​nies taʼ Iżrael, u għala kellu bżonn iqanqalhom biex jindmu?

SAMWEL ħares lejn l-​uċuħ tan-​nies tiegħu. Kienu fil-​belt taʼ Gilgal, miġburin flimkien minn dan ir-​raġel leali li kien qeda bħala profeta u mħallef għal għaxriet taʼ snin. Kien għall-​ħabta taʼ Mejju jew Ġunju skont il-​kalendarju taʼ żmienna; l-​istaġun tan-​nixfa kien fl-​aqwa tiegħu. L-​għelieqi tar-​reġjun kienu lewn id-​deheb bil-​qamħ lest għall-​ħsad. Fil-​folla kien hemm skiet perfett. Samwel kif setaʼ jmissilhom qalbhom?

2 In-​nies ma fehmux kemm kienet serja s-​sitwazzjoni tagħhom. Kienu insistew li jkollhom sultan uman biex jaħkem fuqhom. Ma rrealizzawx li kienu wrew diżrispett kbir lejn l-​Alla tagħhom, Ġeħova, u lejn il-​profeta tiegħu. Fi kliem ieħor, huma kienu qed jagħtu daharhom lil Ġeħova bħala s-​Sultan tagħhom! Samwel kif setaʼ jqanqalhom biex jindmu?

It-tfulija taʼ Samwel tistaʼ tgħallimna ħafna dwar li nibnu l-fidi f’Ġeħova minkejja l-influwenzi ħżiena

3, 4. (a) Samwel għala tkellem dwar żgħożitu? (b) L-​eżempju taʼ fidi li ħalla Samwel għala huwa taʼ siwi għalina llum?

3 Samwel beda jkellem lill-​folla u qalilhom: “Jien xjaħt u xagħri sar griż.” Xagħru li kien qed jibjad kompla jagħti ċerta importanza lil kliemu. Imbagħad qal: “Jien imxejt quddiemkom minn żgħożiti sa dan il-​jum.” (1 Sam. 11:14, 15; 12:2) Għalkemm Samwel kien xjaħ, hu ma nesiex żgħożitu. Il-​memorji taʼ dawk iż-​żminijiet kienu għadhom stampati ċari f’moħħu. Id-​deċiżjonijiet li kien ħa lura f’dak iż-​żmien, bħala daqsxejn taʼ tfajjel, kienu wassluh biex jgħix ħajja taʼ fidi f’Alla tiegħu, Ġeħova, u devozzjoni lejh.

4 Samwel kellu jibni u jżomm il-​fidi tiegħu, għalkemm ħafna drabi kien imdawwar minn nies li kienu bla fidi u żleali. Illum huwa daqstant ieħor diffiċli li nibnu l-​fidi peress li qed ngħixu f’dinja mimlija nies bla fidi u korrotti. (Aqra Luqa 18:8.) Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju li beda jħalli Samwel sa minn tfulitu.

“Kien Qed Jaqdi Quddiem Ġeħova, Bħala Tifel”

5, 6. It-​tfulija taʼ Samwel b’liema mod ma kinitx tas-​soltu, imma l-​ġenituri tiegħu għala kienu ċerti li kien f’idejn tajbin?

5 Samwel kellu tfulija mhux tas-​soltu. Ftit wara li ommu qatgħetlu l-​ħalib, meta kellu forsi tliet snin jew ftit iktar, beda jgħix ħajja taʼ servizz fit-​tabernaklu qaddis taʼ Ġeħova f’Silo, iktar minn 32 kilometru ’l bogħod minn raħal twelidu, Rama. Il-​ġenituri tiegħu, Elkana u Ħanna, iddedikawh lil Ġeħova f’tip taʼ servizz speċjali, u b’hekk intgħamel Nażirit għal għomru kollu. * Ifisser dan li Samwel kien ġie mwarrab mill-​ġenituri tiegħu u li ma kienx maħbub minnhom?

6 Dażgur li le! Huma kienu jafu li binhom kien se jkun f’idejn tajbin f’Silo. Il-​Qassis il-​Kbir Għeli bla dubju kien jara li kollox ikun miexi ħarir, għax Samwel kien jaħdem mill-​qrib miegħu. Kien hemm ukoll numru taʼ nisa li b’xi mod jew ieħor kienu jagħtu daqqa t’id fit-​tabernaklu, u milli jidher dan kienu jagħmluh b’mod organizzat.—Eżo. 38:8; Mħ. 11:34-​40.

7, 8. (a) Sena wara sena, il-​ġenituri taʼ Samwel kif tawh inkuraġġiment kollu mħabba? (b) Il-​ġenituri llum x’jistgħu jitgħallmu mill-​ġenituri taʼ Samwel?

7 Iktar minn hekk, Ħanna u Elkana qatt ma nsew lill-​ewwel imwieled tagħhom li tant kienu jgħożżu u li t-​twelid tiegħu kien tweġiba għal talba. Ħanna kienet talbet lil Alla biex jagħtiha iben, u wegħditu li lit-​tifel tiddedikah lilu f’ħajja taʼ servizz sagru. Meta kienet iżżur lil Samwel kull sena, Ħanna kienet ittellagħlu libsa bla kmiem li kienet tagħmillu biex jużaha għas-​servizz tiegħu fit-​tabernaklu. It-​tifel ċkejken żgur li kien jgħożżhom dawn iż-​żjajjar. Bla dubju kien jitgħaxxaq bl-​inkuraġġiment u l-​gwida kollhom imħabba tal-​ġenituri tiegħu hekk kif kienu jgħallmuh xi privileġġ kellu li jaqdi lil Ġeħova f’dan il-​post uniku.

8 Il-​ġenituri llum jistgħu jitgħallmu ħafna minn Ħanna u Elkana. Spiss, il-​ġenituri jagħmlu kull sforz biex jipprovdu l-​bżonnijiet materjali taʼ wliedhom filwaqt li jinjoraw il-​bżonnijiet spiritwali. Il-​fatt li l-​ġenituri taʼ Samwel poġġew l-​affarijiet spiritwali l-​ewwel ħalla effett kbir fuq binhom għax permezz t’hekk ġie megħjun isir raġel matur spiritwalment.—Aqra Proverbji 22:6.

9, 10. (a) Iddeskrivi kif kien it-​tabernaklu u kif kien iħossu ċ-​ċkejken Samwel dwar dan il-​post sagru. (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.) (b) Ir-​responsabbiltajiet taʼ Samwel x’setgħu inkludew, u ż-​żgħażagħ illum kif jistgħu jimitaw l-​eżempju tiegħu?

9 Nistgħu nġibu quddiem għajnejna lit-​tifel jimraħ qalb l-​għoljiet madwar Silo hekk kif beda jikber. Kien jitfaʼ ħarstu ’l isfel lejn il-​belt u lejn il-​wied li kien mifrux tul naħa minnhom tal-​belt. U malli kien jilmaħ it-​tabernaklu taʼ Ġeħova, qalbu x’aktarx li kienet tfur bil-​ferħ u jħossu kburi. Dan it-​tabernaklu kien post tassew sagru. * Kien inbena taħt id-​direzzjoni taʼ Mosè nnifsu kważi 400 sena qabel, u kien l-​uniku ċentru fid-​dinja kollha għall-​qima pura lil Ġeħova.

10 Iċ-​ċkejken Samwel sar iħobbu t-​tabernaklu. Fir-​rakkont li kiteb iktar tard naqraw: “Samwel kien qed jaqdi quddiem Ġeħova, bħala tifel, u kien imħażżem b’efod taʼ l-​għażel.” (1 Sam. 2:18) Din il-​libsa sempliċi bla kmiem kienet tagħti x’tifhem li Samwel kien jgħin lill-​qassisin fit-​tabernaklu. Għalkemm ma kienx mill-​klassi tal-​qassisin, Samwel kellu ċerti dmirijiet, bħal pereżempju, li filgħodu jiftaħ il-​bibien li jagħtu għall-​bitħa tat-​tabernaklu u li jassisti lix-​xwejjaħ Għeli. Iżda għalkemm kien jieħu pjaċir bil-​privileġġi tiegħu, maż-​żmien nibtet għamla taʼ ħażen fid-​dar taʼ Ġeħova u din kidditu ferm.

Baqaʼ Nadif Minkejja l-​Korruzzjoni

11, 12. (a) Ħofni u Fineħas liema nuqqas kbir urew? (b) Ħofni u Fineħas liema tip taʼ ħażen u korruzzjoni kienu jipprattikaw fit-​tabernaklu? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

11 Taʼ età żgħira, Samwel ra b’għajnejh stess ħafna ħażen u korruzzjoni sfaċċati. Għeli kellu żewġ subien li kien jisimhom Ħofni u Fineħas. Ir-​rakkont taʼ Samwel jgħid: “Ulied Għeli kienu rġiel m’huma tajbin għal xejn; ma kinux jirrikonoxxu lil Ġeħova.” (1 Sam. 2:12) Dawn iż-​żewġ ħsibijiet imorru id f’id. Ħofni u Fineħas kienu “rġiel m’huma tajbin għal xejn”—għax ma kellhom ebda rispett għal Ġeħova. Kienu jinjoraw għalkollox il-​livelli u l-​ħtiġijiet ġusti tiegħu. Dan in-​nuqqas taʼ rispett wassalhom biex jikkommettu dnubiet oħrajn.

12 Il-​Liġi t’Alla kienet speċifika dwar id-​dmirijiet tal-​qassisin u l-​mod kif kellhom joffru s-​sagrifiċċji fit-​tabernaklu tiegħu. U bir-​raġun! Dawn is-​sagrifiċċji kienu jirrappreżentaw l-​affarijiet kollha li għamel Alla biex jaħfer id-​dnubiet sabiex in-​nies ikunu approvati minnu, u jkun jistħoqqilhom il-​barka u l-​gwida tiegħu. Imma Ħofni u Fineħas wasslu lil sħabhom il-​qassisin biex juru diżrispett kbir lejn l-​offerti. *

13, 14. (a) In-​nies sinċieri kif bla dubju ġew effettwati mill-​ħażen li kien qed isir fit-​tabernaklu? (b) Għeli kif falla, kemm bħala missier u kemm bħala qassis il-​kbir?

13 Immaġina ċ-​ċkejken Samwel li ma riedx jemmen ’l għajnejh meta ra dawn l-​abbużi serji jitħallew isiru qisu xejn mhu xejn. Min jaf kemm ra nies—inkluż il-​fqar, l-​umli, u l-​magħkusin—javviċinaw dak it-​tabernaklu sagru bit-​tama li jsibu ftit faraġ u saħħa spiritwali, iżda li mbagħad jitilqu diżappuntati, imweġġgħin, jew umiljati! U min jaf kif ħassu meta sar jaf li Ħofni u Fineħas injoraw ukoll il-​liġijiet taʼ Ġeħova dwar il-​moralità sesswali, peress li kien qed ikollhom relazzjonijiet maʼ xi wħud min-​nisa li kienu jaqdu fit-​tabernaklu! (1 Sam. 2:22) Forsi kien qed jittama li Għeli jagħmel xi ħaġa dwarha.

Samwel żgur li ħassu mnikket ferm meta ra l-ħażen taʼ wlied Għeli

14 Għeli kien fl-​aqwa pożizzjoni biex jirranġa l-​problema li kienet qed tinfirex bħal kankru. Bħala qassis il-​kbir, hu kien responsabbli għal dak li kien jiġri fit-​tabernaklu. Bħala missier, hu kellu l-​obbligu li jikkoreġi lil uliedu. Wara kollox, kienu qed jagħmlu ħsara lilhom infushom kif ukoll lil għadd kbir taʼ nies oħra fil-​pajjiż. Madankollu, Għeli falla kemm bħala missier u kemm bħala qassis il-​kbir. Hu ta lil uliedu sempliċement ċanfira ħafifa. (Aqra l-​1 Samwel 2:23-​25.) Imma wliedu kellhom bżonn dixxiplina ħafna iktar ħarxa. Kienu qed jikkommettu dnubiet li għalihom kien jistħoqqilhom il-​kastig tal-​mewt!

15. Ġeħova liema messaġġ qawwi bagħat lil Għeli, u l-​familja t’Għeli kif irreaġixxiet għat-​twissija?

15 Is-​sitwazzjoni tant iggravat li Ġeħova bagħat “bniedem t’Alla,” profeta li ismu mhux magħruf, għand Għeli b’messaġġ qawwi taʼ ġudizzju. Ġeħova qal lil Għeli: “Int tibqaʼ tonora lil uliedek iktar milli lili.” B’hekk, Alla bassar li l-​ulied mill-​agħar t’Għeli kellhom imutu fl-​istess ġurnata u li l-​familja t’Għeli kellha tbati bil-​kbir, saħansitra titlef il-​pożizzjoni privileġġata fil-​klassi tal-​qassisin. Din it-​twissija qawwija ġabet xi bidla f’din il-​familja? Ir-​rakkont juri li Għeli u wliedu baqgħu kif kienu.—1 Sam. 2:27–3:1.

16. (a) Liema affarijiet naqraw rigward il-​progress taċ-​ċkejken Samwel? (b) Spjega għala dawn l-​affarijiet imissulek qalbek.

16 Din il-​korruzzjoni kollha kif effettwat liċ-​ċkejken Samwel? Minn żmien għal żmien, f’dan ir-​rakkont naraw raġġ taʼ dawl—aħbarijiet tajbin dwar li Samwel kien qed jikber u jagħmel progress. Ftakar li fl-​1 Samwel 2:18 qrajna li Samwel b’lealtà “kien qed jaqdi quddiem Ġeħova, bħala tifel.” Saħansitra f’dik l-​età żgħira, Samwel iffoka ħajtu fuq is-​servizz tiegħu lil Alla. F’vers 21 tal-​istess kapitlu naqraw xi ħaġa li tmissilna qalbna saħansitra iktar: “U t-​tifel Samwel kompla jikber quddiem Ġeħova.” Hu u jikber, ir-​rabta maʼ Missieru tas-​sema ssaħħet. Relazzjoni persunali mill-​qrib maʼ Ġeħova hi l-​aqwa protezzjoni kontra kull għamla taʼ korruzzjoni.

17, 18. (a) Iż-​żgħażagħ Kristjani kif jistgħu jimitaw l-​eżempju taʼ Samwel meta jiffaċċjaw il-​korruzzjoni? (b) X’juri li Samwel għamel l-​għażla t-​tajba?

17 Kien ikun faċli għal Samwel biex jirraġuna li ladarba l-​qassis il-​kbir u wliedu setgħu jaqgħu fid-​dnub, hu setaʼ jagħmel dak li jfettillu. Imma l-​korruzzjoni tal-​oħrajn, inkluż dawk f’pożizzjonijiet t’awtorità, qatt m’għandha tkun skuża biex wieħed jidneb. Illum, ħafna żgħażagħ Kristjani jsegwu l-​eżempju taʼ Samwel u jkomplu ‘jikbru quddiem Ġeħova’—anki meta xi wħud madwarhom jonqsu li jagħtu eżempju tajjeb.

18 X’kien ir-​riżultat minħabba li Samwel għażel li jobdi lil Ġeħova? Naqraw: “Sadanittant, it-​tifel Samwel kien qed jikber u jingħoġob iktar, sew quddiem Ġeħova u sew quddiem il-​bnedmin.” (1 Sam. 2:26) Għalhekk, Samwel kien maħbub ħafna, għall-​inqas minn dawk li l-​opinjonijiet tagħhom kellhom ikunu importanti għalih. Ġeħova nnifsu kien jgħożż lil dan it-​tifel minħabba l-​fedeltà tiegħu. U Samwel żgur li kien jaf li l-​Alla tiegħu kien se jieħu azzjoni kontra kull ħażen li kien qed isir f’Silo, iżda forsi hu ħaseb dwar meta dan kien se jseħħ. Lejl minnhom, kien hemm tweġiba għal meta l-​ħażen taʼ wlied Għeli kellu jiġi fi tmiemu.

“Tkellem, Għax il-​Qaddej Tiegħek Qed Jismaʼ”

19, 20. (a) Iddeskrivi xi ġralu Samwel darba minnhom tard billejl fit-​tabernaklu. (b) Samwel kif sar jaf minn fejn kien ġej il-​messaġġ, u kif ittrattah lil Għeli?

19 Kien għadu se jibda jbexbex; id-​dawl inemnem tal-​musbieħ kbir tat-​tinda kien għadu ma ntefiex. F’dik il-​ħemda, Samwel semaʼ leħen jgħajjatlu b’ismu. Hu ħaseb li kien Għeli, li issa kien xiħ għakka u kważi tilef id-​dawl t’għajnejh. Samwel qam u “telaq jiġri” lejn ir-​raġel xwejjaħ. Tistaʼ ġġib quddiem għajnejk lit-​tifel jiġri ħafi biex jara x’kellu bżonn Għeli? Kemm hu sabiħ li tara lil Samwel jittratta lil Għeli b’rispett u b’qalb tajba. Minkejja d-​dnubiet kollha tiegħu, Għeli xorta kien għadu l-​qassis il-​kbir taʼ Ġeħova.—1 Sam. 3:2-​5.

20 Samwel qajjem lil Għeli u qallu: “Hawn jien, għax sejjaħtli.” Imma Għeli qal li ma kienx sejjaħlu u bagħat lit-​tifel lura fis-​sodda. Madankollu, reġgħet ġrat l-​istess ħaġa, mhux darba imma darbtejn! Fl-​aħħar, Għeli ntebaħ x’kien qed jiġri. Kienet saret xi ħaġa rari li Ġeħova jibgħat viżjoni jew messaġġ profetiku lin-​nies tiegħu, u huwa faċli nifhmu għala. Iżda Għeli kien jaf li għal darb’oħra Ġeħova reġaʼ tkellem—din id-​darba maʼ dan it-​tifel! Għeli qal lil Samwel biex jerġaʼ jmur lura fis-​sodda u spjegalu kif kellu jwieġeb lil Ġeħova. Samwel obda. Ma damx ma semaʼ leħen jgħajjat: “Samwel, Samwel!” It-​tifel wieġeb: “Tkellem, għax il-​qaddej tiegħek qed jismaʼ.”—1 Sam. 3:1, 5-​10.

21. Kif nistgħu nisimgħu minn Ġeħova llum, u għala hu taʼ min jagħmel hekk?

21 Fl-​aħħar, Ġeħova kellu qaddej f’Silo li kien qed jagħti widen. U Samwel dejjem semaʼ minn Ġeħova tul ħajtu kollha. Int dejjem tismaʼ minn Ġeħova? M’għandniex għalfejn nistennew li nisimgħu xi leħen sopranaturali billejl ikellimna. Illum, f’ċertu sens, leħen Alla jinsab dejjem hemm għalina—fil-​Kelma sħiħa tiegħu, il-​Bibbja. Iktar ma nisimgħu minn Alla u nobdu, iktar se tikber il-​fidi tagħna. Dan kien minnu fil-​każ taʼ Samwel.

Minkejja l-biżaʼ tiegħu, Samwel b’lealtà qal lil Għeli dwar il-messaġġ taʼ ġudizzju minn Ġeħova

22, 23. (a) Id-​dikjarazzjoni fil-​messaġġ li Samwel għall-​ewwel beda jibżaʼ jwassal, kif twettqet? (b) Ir-​reputazzjoni taʼ Samwel kif kompliet titjieb?

22 Dak il-​lejl f’Silo seħħet ġrajja sinifikanti fil-​ħajja taʼ Samwel għax kien proprju permezz taʼ din il-​ġrajja li sar jaf lil Ġeħova f’sens speċjali—kien sar il-​profeta u l-​kelliemi t’Alla nnifsu. Għall-​ewwel, it-​tifel beda jibżaʼ jwassal il-​messaġġ taʼ Ġeħova lil Għeli għax kien dikjarazzjoni finali li l-​profezija kontra din il-​familja dalwaqt kienet se titwettaq. Imma Samwel rabba l-​kuraġġ, u Għeli aċċetta b’umiltà l-​ġudizzju divin. Dak kollu li Ġeħova kien qal ma damx ma twettaq: Iżrael iggwerra kontra l-​Filistin, Ħofni u Fineħas inqatlu t-​tnejn li huma fl-​istess ġurnata, u Għeli nnifsu miet malli sar jaf li l-​Arka sagra taʼ Ġeħova kienet inqabdet.—1 Sam. 3:10-​18; 4:1-​18.

23 Madankollu, ir-​reputazzjoni taʼ Samwel bħala profeta leali kompliet titjieb. “Ġeħova wera li kien miegħu,” jgħid ir-​rakkont. Ikompli jżid jgħid li Ġeħova ma ħalla ebda waħda mill-​profeziji taʼ Samwel tfalli.—Aqra l-​1 Samwel 3:19.

“Samwel Sejjaħ lil Ġeħova”

24. Maż-​żmien liema deċiżjoni ħadu l-​Iżraelin, u din għala kienet dnub serju?

24 Imxew l-​Iżraelin fuq l-​eżempju taʼ Samwel u saru nies spiritwali u leali? Le. Maż-​żmien, huma ddeċidew li ma ridux li jkun sempliċi profeta li jiġġudikahom. Riedu jkunu bħal ġnus oħrajn u jkollhom sultan uman jaħkem fuqhom. Ġeħova qal lil Samwel biex jaqtgħalhom xewqithom. Iżda hu kellu juri lill-​Iżraelin kemm kien serju d-​dnub li għamlu. Ma kinux qed jiċħdu lil sempliċi bniedem, imma lil Ġeħova nnifsu! Għalhekk, ġabar lin-​nies f’Gilgal.

Samwel talab bil-fidi, u Ġeħova wieġeb billi bagħat maltempata

25, 26. F’Gilgal, ix-​xwejjaħ Samwel fl-​aħħar kif għen lin-​nies tiegħu jaraw kemm kien serju d-​dnub li għamlu kontra Ġeħova?

25 Ejja mmorru lura għall-​bidu taʼ dan il-​kapitlu meta Samwel ikun se jkellem lill-​Iżraelin ribellużi f’Gilgal. Hemmhekk, ix-​xwejjaħ Samwel fakkar lill-​Iżraelin fir-​rekord leali taʼ integrità tiegħu. Imbagħad naqraw: “Samwel sejjaħ lil Ġeħova.” Hu talab lil Ġeħova biex isseħħ maltempata bir-​ragħad.—1 Sam. 12:17, 18.

26 Maltempata bir-​ragħad? Fl-​istaġun tan-​nixfa? Din kienet xi ħaġa stramba għall-​aħħar! Il-​ftit xettiċiżmu jew twaqqigħ għaċ-​ċajt li setaʼ kien hemm fost in-​nies ma damx wisq. F’salt wieħed, l-​ajru swied. Ir-​riħ beda jvenven qalb il-​qamħ fir-​rabaʼ. Ir-​ragħad beda jfaqqaʼ u jidwi maʼ kullimkien. Infetħu bibien is-​sema u x-​xita bdiet nieżla bil-​qliel. In-​nies kif irreaġixxew? “In-​nies kollha beżgħu ferm minn Ġeħova u minn Samwel.” Fl-​aħħar, raw kemm kien serju d-​dnub li għamlu.—1 Sam. 12:18, 19.

27. Ġeħova kif iħossu dwar dawk li jimitaw il-​fidi taʼ Samwel?

27 Ma kienx Samwel, iżda l-​Alla tiegħu, Ġeħova, li kien qanqal lil dawn in-​nies ribellużi. Minn żgħożitu sa xjuħitu, Samwel poġġa l-​fidi f’Alla tiegħu. U Ġeħova ppremjah. Ġeħova għadu l-​istess sal-​ġurnata tal-​lum. Hu jappoġġa lil dawk li jimitaw il-​fidi taʼ Samwel.

^ par. 5 In-​Nażiriti kienu taħt ħalfa li la jixorbu xorb alkoħoliku u lanqas jaqtgħu xagħarhom. Ħafna minnhom kienu jagħmlu din il-​ħalfa għal żmien limitat biss, iżda xi ftit minnhom, bħal pereżempju Sansun, Samwel, u Ġwanni l-​Battista, kienu Nażiriti għal għomorhom kollu.

^ par. 9 Is-​santwarju kien struttura rettangolari—bażikament tinda kbira fuq qafas tal-​injam. Madankollu, kien magħmul minn materjali mill-​ifjen—ġlud tal-​bumerin, drappijiet b’rakkmu mill-​isbaħ, u injam taʼ kwalità għolja miksi bil-​fidda u d-​deheb. Is-​santwarju kien jinsab f’bitħa rettangolari li kien fiha artal grandjuż għas-​sagrifiċċji. Maż-​żmien, mid-​dehra nbnew kmamar oħrajn tul il-​ġnub tat-​tabernaklu għall-​użu tal-​qassisin. Milli jidher, Samwel kien jorqod f’waħda minn dawn il-​kmamar.

^ par. 12 Ir-​rakkont jipprovdi żewġ eżempji taʼ diżrispett. L-​ewwel nett, il-​Liġi kienet tispeċifika liema biċċiet mill-​offerta tas-​sagrifiċċju kellhom jittieklu mill-​qassisin. (Dt. 18:3) Iżda fit-​tabernaklu, il-​qassisin mill-​agħar kienu qed jagħmlu xi ħaġa differenti għall-​aħħar. Kienu qed iġiegħlu lill-​qaddejja tagħhom jaqbdu u jdaħħlu furketta fil-​kaldarun fejn il-​laħam kien ikun qed jagħli, u jieħdu kwalunkwe biċċa tajba għall-​ikel li kienu jtellgħu! It-​tieni nett, meta n-​nies kienu jġibu s-​sagrifiċċji biex jinħarqu fuq l-​artal, il-​qassisin mill-​agħar kienu jġiegħlu lil xi qaddej jhedded lil dak li jkun u jesiġi li jagħtih il-​laħam nej, saħansitra qabel ma x-​xaħam tas-​sagrifiċċji kien jiġi offrut lil Ġeħova.—Lev. 3:3-​5; 1 Sam. 2:13-​17.