KAPITLU WIEĦED U GĦOXRIN
Issielet Kontra l-Biża’ u d-Dubji
1-3. Pietru x’kien ra f’jum li fih seħħew ħafna affarijiet, u x’tip taʼ lejl kien qed jesperjenza?
PIETRU beda jgħarrex fis-swidija tal-lejl hu u jitħabat bil-moqdief f’idejh. Kien hemm bħal daqsxejn taʼ dija li kien qed jara fuq ix-xefaq min-naħa tal-Lvant. Tgħid kienet sinjal li sa fl-aħħar kien beda jbexbex? Ħass qtugħ taʼ laħam f’dahru u fi spallejh għax kien ilu sigħat sħaħ jaqdef. Ir-riħ li kien qanfidlu xagħru kollu kien qalleb l-ilmijiet tal-Baħar tal-Galilija. Il-mewġ beda jħabbat b’kemm kellu saħħa mal-pruwa tad-dgħajsa tas-sajd, u b’hekk ir-raxx kiesaħ xarrbu għasra. Iżda hu kompla jaqdef.
2 Lura fuq ix-xatt, Pietru u sħabu kienu ħallew lil Ġesù waħdu. Dakinhar kienu raw lil Ġesù jitmaʼ folla taʼ eluf taʼ nies bil-ġuħ bi ftit ħobż u ħut. Ir-reazzjoni tan-nies kienet li jipprovaw jagħmlu lil Ġesù sultan, iżda hu ma riedx jiċċappas mal-politika. Hu ried ukoll jgħallem lis-segwaċi tiegħu biex ma jinvolvux ruħhom fil-politika. Beda jevita l-folol u jħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu jitilgħu fuq id-dgħajsa u jerħulha għan-naħa l-oħra tax-xatt sakemm hu jitlaʼ fuq il-muntanja waħdu biex jitlob.—Mk. 6:35-45; aqra Ġwanni 6:14-17.
3 Kien kważi qamar kwinta u l-lejl kien daħal sew xħin id-dixxipli ħarġu bid-dgħajsa; issa l-qamar kien qed jgħib bil-mod il-mod fix-xefaq fuq in-naħa tal-Lvant. Xorta waħda kien irnexxielhom jivvjaġġaw ftit kilometri biss. Minħabba dak il-qdif kollu, ir-riħ ivenven bla heda, u l-mewġ, kien diffiċli li jitħaddtu bejniethom. Wisq probabbli, Pietru kien mitluf fi ħsibijietu.
Fi żmien sentejn, Pietru kien tgħallem ħafna minn Ġesù, imma xorta kien għad kellu ħafna x’jitgħallem
4. Pietru għala hu eżempju tajjeb għalina x’nimitaw?
4 Kemm ħsibijiet! Kienu għaddew iktar minn sentejn, li matulhom seħħew ħafna affarijiet, mindu Pietru kien iltaqaʼ maʼ
Ġesù taʼ Nazaret għall-ewwel darba. Kien tgħallem ħafna affarijiet imma xorta kien għad fadallu ħafna x’jitgħallem. Peress li kien lest li jagħmel dan—li jissielet kontra ostakli bħalma huma d-dubji u l-biżaʼ—hu sar eżempju li jispikka għalina x’nimitaw. Ejja naraw għala.“Sibna ’l-Messija”!
5, 6. Pietru x’tip taʼ ħajja kien jgħix?
5 Pietru qatt ma kien se jinsa l-jum li fih iltaqaʼ maʼ Ġesù. Ħuh Indrì kien tah l-aħbar mill-isbaħ: “Sibna ’l-Messija.” B’dan il-kliem, ħajjet Pietru bdiet tinbidel. Qatt iktar ma kellha terġaʼ tkun l-istess.—Ġw. 1:41.
6 Pietru kien jgħix f’Kafarnahum, belt fuq ix-xatt tat-Tramuntana taʼ għadira tal-ilma ħelu li jisimha l-Baħar tal-Galilija. Hu u Indrì kellhom negozju tas-sajd bi sħab maʼ Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew. Flimkien maʼ Pietru u martu kienu jgħixu wkoll il-kunjata tiegħu u ħuh, Indrì. Sabiex imantni lil din il-familja permezz tas-sajd żgur li kien jeħtieġ xogħol iebes, enerġija, u abbiltajiet prattiċi. Nistgħu nimmaġinaw il-bosta ljieli twal taʼ ħidma—l-irġiel jitfgħu x-xbieki kbar bejn żewġ dgħajjes u jtellgħu abbord kwalunkwe ħuta li jaqbdu mill-għadira. Nistgħu nġibu quddiem għajnejna wkoll ġranet sħaħ taʼ xogħol iebes hekk kif il-ħut jibda jintgħażel u jinbiegħ, u x-xbieki jiġu msewwijin u mnaddfin.
7. Pietru x’semaʼ dwar Ġesù, u din l-aħbar għala kienet eċċitanti?
7 Il-Bibbja tgħidilna li Indrì kien dixxiplu taʼ Ġwanni l-Għammied. Pietru żgur li ta widen b’interess kbir għar-rapporti taʼ ħuh dwar il-messaġġ taʼ Ġwanni. Darba minnhom, Indrì ra lil Ġwanni jipponta lejn Ġesù taʼ Nazaret u jgħid: “Ara, il-Ħaruf t’Alla!” Minnufih, Indrì sar segwaċi taʼ Ġesù u b’ħerqa qal lil Pietru b’din l-aħbar eċċitanti: Il-Messija kien wasal! (Ġw. 1:35-40) Wara r-ribelljoni fl-Għeden madwar 4,000 sena qabel, Alla Ġeħova kien wiegħed li se jiġi individwu speċjali biex jipprovdi tama vera għall-umanità. (Ġen. 3:15) Indrì kien iltaqaʼ proprju maʼ dan l-individwu li kellu jsalva lill-umanità—il-Messija nnifsu! Anki Pietru mar jiġri jiltaqaʼ maʼ Ġesù.
8. X’kien ifisser l-isem li Ġesù ta lil Pietru, u xi wħud għala għadhom jiddubitaw dwar din l-għażla tal-isem?
8 Sa dakinhar, Pietru kien magħruf bl-isem taʼ Xmun, jew Simegħon. Imma Ġesù ħares lejh u qal: “‘Int Xmun bin Ġwanni; int tissejjaħ Kefa’ (isem li bil-Grieg hu tradott Pietru).” (Ġw. 1:42) “Kefa” huwa nom li jfisser “ġebla,” jew “blata.” Bla dubju, il-kliem taʼ Ġesù kien profetiku. Hu bassar li Pietru kellu jsir bħal blata—influwenza stabbli, soda, u taʼ min joqgħod fuqha fost is-segwaċi taʼ Kristu. Pietru hekk kien iqis lilu nnifsu? Ma tantx. Anki xi wħud illum li jaqraw ir-rakkonti tal-Evanġelju ma jaħsbux li Pietru kien stabbli u taʼ min joqgħod fuqu. Xi wħud qalu li l-karattru tiegħu, bħalma hu deskritt fil-Bibbja, jidher li ma kienx stabbli jew kostanti—kien qisu pinnur.
9. Ġeħova u Ibnu lejn xiex iħarsu, u għala taħseb li għandna nafdaw fil-ħarsa tagħhom?
9 Pietru kellu n-nuqqasijiet tiegħu wkoll. Ġesù kien konxju taʼ dan. Imma Ġesù, bħal Missieru, Ġeħova, kien dejjem ifittex it-tajjeb fin-nies. Ġesù ra ħafna potenzjal f’Pietru u Hu pprova jgħinu juri dawn il-kwalitajiet bl-aqwa mod possibbli. Ġeħova u Ibnu jfittxu t-tajjeb fina llum ukoll. Jistaʼ jkun li nsibuha bi tqila biex nemmnu li huma jistgħu jsibu ħafna kwalitajiet tajbin fina. Madankollu, jeħtieġ li nafdaw fil-ħarsa tagħhom u nagħtu prova li aħna lesti li niġu mħarrġin u magħġunin, bħalma kien Pietru.—Aqra l-1 Ġwanni 3:19, 20.
“Tibqax Beżgħan”
10. Pietru x’għandu mnejn ra b’għajnejh stess, iżda lejn xiex reġaʼ lura?
10 X’aktarx li Pietru akkumpanja lil Ġesù fl-ippritkar li segwa wara. B’hekk, setaʼ forsi jara lil Ġesù jwettaq l-ewwel miraklu tiegħu, dak li jibdel l-ilma f’inbid fit-tieġ taʼ Kana. Iktar importanti minn hekk, kien semaʼ l-messaġġ meraviljuż u mimli tama taʼ Ġesù dwar is-Saltna t’Alla. Xorta waħda, minkejja l-affarijiet sbieħ li semaʼ u ra, Pietru ma baqax jivvjaġġa maʼ Ġesù u reġaʼ lura għax-xogħol tas-sajd tiegħu. Iżda xi xhur wara, Pietru reġaʼ ltaqaʼ maʼ Ġesù—u did-darba Ġesù stiednu jqattaʼ ħafna mill-ħin tiegħu jipprietka miegħu.
11, 12. (a) Pietru x’tip taʼ lejl taʼ ħidma għadda? (b) Hu u jismaʼ lil Ġesù jgħallem, Pietru x’setaʼ kien għaddej minn moħħu?
11 Pietru kien għadu kif għadda lejl skuraġġanti taʼ ħidma. Għal darba wara l-oħra, is-sajjieda kienu niżżlu x-xbieki tagħhom iżda kienu tellgħuhom vojta. Pietru żgur li uża l-esperjenza u s-sengħa tiegħu biex isib il-ħut billi pprova jistad f’diversi nħawi tal-għadira biex jara fejn il-ħut ikun qed imiss. Bla dubju, kien hemm drabi meta, bħal ħafna sajjieda oħrajn, xtaq li setaʼ jgħarrex fis-swidija tal-baħar biex isib xi ġliba ħut jew biex b’xi mod iġiegħel il-ħut jidħol ġox-xbieki tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, dawn il-ħsibijiet setgħu biss iżidulu l-frustrazzjoni. Dan ma kienx sempliċi sfog jew passatemp għal Pietru; in-nies kienu jiddependu minnu biex jaqbad il-ħut. Fl-aħħar wasal ix-xatt b’idu f’idu.
Ix-xbieki riedu jiġu mnaddfin. Għalhekk, kien medhi jnaddaf ix-xbieki xħin wasal Ġesù.Pietru qatt ma kien jixbaʼ jismaʼ lil Ġesù jiżviluppa t-tema prinċipali tal-ippritkar tiegħu—is-Saltna t’Alla
12 Folla nies kienet qed tross fuq Ġesù u tixtarr b’ħerqa kull kelma li jlissen. Peress li kien hemm ċorma nies, Ġesù telaʼ fuq id-dgħajsa taʼ Pietru u talbu jaqlaʼ ftit ’il barra mill-art. B’leħen ċar li jwassal, Ġesù beda jgħallem lill-folla. Pietru ta widen b’attenzjoni kbira, sewwasew bħalma għamlu dawk li kienu fuq ix-xatt. Hu qatt ma kien jixbaʼ jismaʼ lil Ġesù jiżviluppa t-tema prinċipali tal-ippritkar tiegħu—is-Saltna t’Alla. Xi privileġġ li tgħin lill-Kristu jxerred dan il-messaġġ taʼ tama madwar l-art kollha! Imma kienet din xi ħaġa realistika? Pietru kif kien se jmantni lil familtu? Forsi Pietru reġaʼ ħaseb dwar il-lejl twil li kien għadu kif għadda u li ma renda ebda frott.—Lq. 5:1-3.
13, 14. Ġesù liema miraklu wettaq għal Pietru, u Pietru kif irreaġixxa?
13 Meta spiċċa jitkellem, Ġesù qal lil Pietru: “Oħroġ ’il barra fejn hu fond, u itfgħu x-xbieki tagħkom ħa taqbdu qabda ħut.” Pietru kien mimli dubji. Hu qal: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn, imma għall-kelma tiegħek se nitfaʼ x-xbieki.” Pietru kien għadu kif ħasel ix-xbieki. Żgur li l-aħħar ħaġa li kellu aptit jagħmel kienet li jerġaʼ jitfagħhom—speċjalment issa li l-ħut lanqas biss kien se jmiss! Xorta waħda, hu għamel kif qallu u forsi għamel sinjal lil sħabu li kienu f’dgħajsa oħra biex isegwuhom.—Lq. 5:4, 5.
14 Pietru ħass toqol mhux mistenni hu u jtellaʼ x-xbieki. Ġab għajnejh wara widnejh. Beda jiġbed b’iktar saħħa u ma damx ma setaʼ jara qabda kbira taʼ ħut jissara fix-xbieki! Bħal donnu qabdu ferħ taʼ ġenn u għamel sinjal lill-irġiel fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jagħtuh daqqa t’id. Xħin għamlu hekk, kien ovvju li dgħajsa waħda ma setgħetx tesaʼ dan il-ħut kollu. Imlew iż-żewġ dgħajjes, iżda kien hemm wisq—id-dgħajsa bdiet tegħreq minħabba l-piż tqil. Pietru baqaʼ skantat. Hu kien ra l-qawwa taʼ Kristu fl-azzjoni qabel, imma dan l-eżempju kien taʼ benefiċċju għalih u għal familtu. Kuntrarju għal Pietru, Ġesù kellu s-setgħa li saħansitra jġiegħel li l-ħut jidħol fix-xbieki! Pietru beda jħossu beżgħan. Niżel għarkopptejh u qal: “Tbiegħed minni, għax jien raġel midneb, Mulej.” Kif setaʼ qatt ikun jistħoqqlu li jissieħeb maʼ Wieħed li kellu l-awtorità minn Alla biex juża din is-setgħa b’dan il-mod?—Aqra Luqa 5:6-9.
15. Ġesù kif għallem lil Pietru li d-dubji u l-beżgħat tiegħu kienu bla bażi?
Lq. 5:10, 11) Dan ma kienx il-ħin li jiddubita jew jibżaʼ. Id-dubji taʼ Pietru dwar kwistjonijiet prattiċi bħalma huma s-sajd ma kellhomx bażi; il-beżgħat tiegħu dwar id-difetti u n-nuqqas t’abbiltajiet li kellu kienu bla bażi wkoll. Ġesù kellu biċċa xogħol kbira x’jagħmel, ministeru li kien se jeffettwa l-futur tal-umanità. Hu kien jaqdi lil Alla li “jaħfer bil-kbir.” (Is. 55:7) Ġeħova kien se jieħu ħsieb il-bżonnijiet taʼ Pietru, kemm fiżiċi u kemm spiritwali.—Mt. 6:33.
15 Bil-ħlewwa, Ġesù qal: “Tibqax beżgħan. Minn issa ’l quddiem tibda taqbad nies ħajjin.” (16. Pietru, Ġakbu, u Ġwanni kif irreaġixxew għall-istedina taʼ Ġesù, u għala kienet l-aqwa deċiżjoni li setgħu jieħdu?
16 Pietru minnufih obda lil Ġesù, bħalma għamlu Ġakbu u Ġwanni. “Daħħlu d-dgħajjes lura lejn l-art, u abbandunaw kollox Lq. 5:11) Pietru kellu fidi f’Ġesù u fil-Wieħed li bagħtu. Kienet l-aqwa deċiżjoni li setaʼ jieħu. Il-Kristjani llum li jegħlbu d-dubji u l-beżgħat tagħhom sabiex jaqdu lil Alla qed juru l-fidi bl-istess mod. Ġeħova dejjem jieħu ħsieb dawk li jafdaw fih.—Salm 22:4, 5.
u marru warajh.” (“Għala Ddubitajt?”
17. Pietru kellu liema memorji tas-sentejn mindu kien iltaqaʼ maʼ Ġesù?
17 Madwar sentejn wara li ltaqaʼ maʼ Ġesù, Pietru qattaʼ lejl sħiħ jaqdef fir-riħ fuq il-Baħar tal-Galilija, bħalma ssemma fil-bidu taʼ dan il-kapitlu. Naturalment, ma nistgħux inkunu nafu x’kien għaddej minn moħħu. Kemm kellu ħsibijiet fuq moħħu! Ġesù kien fejjaq lill-kunjata taʼ Pietru. Kien ta l-Prietka taʼ fuq il-Muntanja. Għal darba wara l-oħra, permezz tat-tagħlim u x-xogħlijiet importanti tiegħu, hu wera li kien il-Magħżul taʼ Ġeħova, il-Messija. Hekk kif gerbu x-xhur, Pietru kien tgħallem jikkontrolla l-beżgħat u d-dubji tiegħu. Ġesù kien saħansitra għażel lil Pietru biex ikun wieħed mit-12-il appostlu! Xorta waħda, Pietru malajr kien se jsir jaf li xorta kellu beżgħat u dubji.
18, 19. (a) Iddeskrivi x’ra Pietru fuq il-Baħar tal-Galilija. (b) Ġesù kif qatagħlu xewqtu lil Pietru?
18 Matul ir-rabaʼ għassa taʼ dak il-lejl, jew f’xi ħin bejn it-tlieta taʼ filgħodu u tlugħ ix-xemx, f’salt wieħed Pietru waqaf jaqdef u qam bilqiegħda dritt. Hemmhekk—fuq il-mewġ—kien hemm xi ħaġa tiċċaqlaq! Tgħid kien ir-raxx tal-mewġ fid-dawl tal-qamar? Le, kienet xi ħaġa solida u dritta ’l fuq. Kien raġel! Iva, raġel miexi fuq wiċċ il-baħar! Hekk kif ir-raġel resaq eqreb, kien donnu bħallikieku kien se jibqaʼ għaddej minn ħdejn id-dgħajsa tagħhom. Imwerwrin, id-dixxipli ħasbu li kienet xi tip taʼ dehra. Ir-raġel tkellem: “Agħmlu kuraġġ, hu jien; tibżgħux.” Kien Ġesù!—Mt. 14:25-28.
19 Pietru wieġbu: “Mulej, jekk inhu int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.” L-ewwel reazzjoni tiegħu kienet waħda taʼ kuraġġ. Mimli eċċitament malli ra dan il-miraklu uniku, Pietru ried ikompli jsaħħaħ il-fidi tiegħu. Ried jesperjenza dan personalment. B’qalb tajba, Ġesù qal lil Pietru biex jersaq lejh. Pietru xxabbat mal-ġenb tad-dgħajsa u niżel fil-baħar immewweġ. Immaġina kif ħassu Pietru meta ħass saqajh fis-sod u mbagħad qam bilwieqfa fuq l-ilma. Min jaf kif baqaʼ mistagħġeb hekk kif beda jersaq lejn Ġesù. Madankollu, malajr kellu reazzjoni oħra.—Aqra Mattew 14:29.
20. (a) Pietru b’liema mod ma baqax jiffoka, u dan għal xiex wassal? (b) Ġesù liema lezzjoni għallmu lil Pietru?
20 Pietru kellu bżonn jibqaʼ jiffoka fuq Ġesù. Kien Ġesù, bis-setgħa taʼ Ġeħova, li kien qed iżomm lil Pietru fuq il-baħar Mt. 14:30, 31.
kollu mewġ minħabba r-riħ. U Ġesù kien qed jagħmel dan għax kien jaf li Pietru kellu fidi fih. Imma Pietru aljena rasu. Naqraw: “X’ħin ra r-riefnu beda jibżaʼ.” Pietru beda jħares lejn dak il-mewġ kollu jħabbat mad-dgħajsa u jtajjar ir-raxx u r-ragħwa mar-riħ. Tatu rasu. X’aktarx li qagħad jimmaġina lilu nnifsu jegħreq f’dik l-għadira. Hekk kif il-biżaʼ tiegħu beda jiżdied, il-fidi tiegħu bdiet tmajna. Ir-raġel li kien ngħata l-isem taʼ Blata għax kien wera kemm jistaʼ jkun sod, beda jegħreq f’kemm ilna ngħidu minħabba l-fidi dgħajfa tiegħu. Pietru kien għawwiem tajjeb imma issa ma kienx qed jistrieħ fuq din l-abbiltà. Hu għajjat: “Mulej, salvani!” Ġesù qabdu minn idu u ġibdu ’l fuq. Imbagħad, waqt li kien għadu f’wiċċ l-ilma, lil Pietru enfasizzalu din il-lezzjoni importanti: “Int taʼ fidi żgħira, għala ddubitajt?”—21. Id-dubji għala huma taʼ periklu, u kif nistgħu nissieltu kontrihom?
21 “Għala ddubitajt?”—kemm kienet mistoqsija xierqa! Id-dubju jistaʼ jkun forza qawwija u distruttiva. Jekk inċedu għad-dubji tistaʼ tiddgħajfilna l-fidi, u b’hekk negħrqu spiritwalment. Jeħtieġ nikkontrollaw id-dubji tagħna! Kif? Billi nibqgħu ffokati fuq dak li hu importanti. Jekk moħħna joqgħod iberren fuq dak li jbeżżagħna, jiskuraġġina, u jaljenana minn Ġeħova u Ibnu, se naraw li d-dubji tagħna se jiżdiedu. Jekk niffokaw fuq Ġeħova u Ibnu, fuq dak li għamlu, qed jagħmlu, u se jagħmlu għal dawk li jħobbuhom, se nkunu nistgħu nikkontrollaw kwalunkwe dubju li jistaʼ jkun taʼ dannu għall-fidi tagħna.
22. Il-fidi taʼ Pietru għala hi taʼ min jimitaha?
22 Hekk kif Pietru mexa wara Ġesù lura fid-dgħajsa, hu ra t-temp ikrah ibatti. Waqgħet ħemda kbira fuq il-Baħar tal-Galilija. Pietru ngħaqad maʼ sħabu d-dixxipli f’li jiddikjara: “Int tassew l-Iben t’Alla.” (Mt. 14:33) Hekk kif bdiet tielgħa x-xemx fuq l-għadira, Pietru ħassu grat ferm. Kien tgħallem ma jħallix il-biżaʼ tiegħu jġiegħlu jiddubita f’Ġeħova u Ġesù. M’għandniex xi ngħidu, kellu jagħmel ħafna bidliet qabel ma sar il-Kristjan sod daqs il-blat li bassar Ġesù. Imma hu kien determinat li jibqaʼ jipprova, u jibqaʼ jagħmel avvanz. Għandek int din id-determinazzjoni? Se tara li l-fidi taʼ Pietru hi taʼ min jimitaha.