KAPITLU 111
L-appostli jistaqsu għal sinjal
MATTEW 24:3-51 MARKU 13:3-37 LUQA 21:7-38
-
ERBAʼ DIXXIPLI JISTAQSU GĦAL SINJAL
-
TWETTIQ FL-EWWEL SEKLU U IKTAR TARD
-
IRRIDU NIBQGĦU GĦASSA
Huwa nhar it-Tlieta waranofsinhar, u l-11 taʼ Nisan daqt se jkun għadda. Anki l-jiem mimlijin attività taʼ Ġesù hawnhekk fuq l-art dalwaqt se jintemmu. Binhar kien qed jgħallem fit-tempju, u billejl kien qed joqgħod barra l-belt. In-nies, li kmieni filgħodu “kienu jiġu ħdejh fit-tempju biex jisimgħuh,” urew interess kbir. (Luqa 21:37, 38) Imma issa Ġesù qiegħed bilqiegħda fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ m’erbaʼ appostli—Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni.
Dawn l-erbgħa marru ħdejh waħedhom. Huma konċernati dwar it-tempju għax Ġesù għadu kemm bassar li t-tempju se jiġġarraf u mhux se titħalla ġebla fuq oħra. Iżda din mhijiex l-unika ħaġa li għandhom fuq moħħhom. Ġesù iktar qabel kien ħeġġiġhom: “Kunu dejjem għal-lest, għax f’siegħa li ma tobsruhiex ġej Bin il-bniedem.” (Luqa 12:40) Kien tkellem ukoll dwar il-jum “li Bin il-bniedem jiġi rivelat.” (Luqa 17:30) Huma dawn il-kummenti relatati b’xi mod maʼ dak li għadu jgħid dwar it-tempju? L-appostli għandhom kurżità kbira. Huma jistaqsuh: “Għidilna, Dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u tal-konklużjoni tas-sistema?”—Mattew 24:3.
Forsi f’moħħhom għandhom it-tmiem tat-tempju li qed jaraw quddiemhom. Ukoll, jistaqsu dwar il-preżenza taʼ Bin il-bniedem. Huma għandhom mnejn jiftakru li Ġesù rrakkonta tixbiha dwar “raġel nobbli minn twelidu” li ‘vvjaġġa biex jikseb poter bħala sultan u mbagħad reġaʼ lura.’ (Luqa 19:11, 12) U, fl-aħħar, huma qed jaħsbu dwar x’se tinvolvi “l-konklużjoni tas-sistema.”
Fit-tweġiba dettaljata tiegħu, Ġesù jipprovdi sinjal li jidentifika meta se tispiċċa s-sistema Lhudija li kienu fiha, inkluż it-tempju. Imma jipprovdi iktar informazzjoni. Dan is-sinjal se jgħin lill-Kristjani fil-futur ikunu jafu meta qed jgħixu matul il-“preżenza” tiegħu u viċin l-aħħar tas-sistema dinjija kollha kemm hi.
Hekk kif igerbu s-snin, l-appostli jaraw il-profezija taʼ Ġesù titwettaq. Iva, ħafna mill-affarijiet li bassar jibdew iseħħu matul ħajjithom. Għalhekk, dawk il-Kristjani attenti li huma ħajjin 37 sena wara, fis-sena 70 WK, ma jinqabdux fuq sieq waħda meta toqrob il-qerda tas-sistema Lhudija flimkien mat-tempju. Madankollu, mhux dak kollu li jbassar Ġesù jseħħ fil-perijodu qabel is-sena 70 WK u dik is-sena stess. Allura, x’għad irid iseħħ li hu parti mis-sinjal tal-preżenza tiegħu bħala l-Mexxej tas-Saltna? Ġesù jirrivela t-tweġiba lill-appostli.
Ġesù jbassar li se jkun hemm “gwerer u aħbarijiet taʼ gwerer” u li “ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna.” (Mattew 24:6, 7) Jgħid ukoll li se “jkun hemm terremoti kbar, u f’post wara l-ieħor ikun hemm mard li jittieħed u nuqqas taʼ ikel.” (Luqa 21:11) Ġesù jwissi lid-dixxipli tiegħu: “[Se] jmiddu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom.” (Luqa 21:12) Se jqumu profeti foloz u dawn se jiżvijaw lil ħafna. Se jiżdied il-ksur tal-liġi, u se tibred l-imħabba tal-biċċa l-kbira tan-nies. Barra minn hekk, hu jgħid li “l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14.
Għalkemm il-profezija taʼ Ġesù titwettaq f’ċerti aspetti qabel u matul il-qerda taʼ Ġerusalemm mir-Rumani, jistaʼ jkun li Ġesù qed jinkludi twettiq akbar li kellu jseħħ iktar tard? Qed tara evidenza li l-profezija importanti taʼ Ġesù qed ikollha t-twettiq prinċipali tagħha fi żmienna?
Ħaġa waħda li Ġesù jinkludi fis-sinjal tal-preżenza tiegħu hi li se tidher “il-ħaġa moqżieża li ġġib ħerba.” (Mattew 24:15) Fis-sena 66 WK, il-ħaġa moqżieża hi l-“kampijiet taʼ l-armati” taʼ Ruma, bl-istendardi idolatrużi tagħhom. Ir-Rumani jdawru lil Ġerusalemm u jdgħajfu parti mis-swar minn taħt. (Luqa 21:20) B’hekk, “il-ħaġa moqżieża” hi wieqfa fejn mhux suppost tkun, f’post li l-Lhud iqisuh bħala “post qaddis.”
Ġesù jkompli jbassar: “Ikun hemm tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn.” Fis-sena 70 WK, ir-Rumani qerdu lil Ġerusalemm. Din ir-rebħa li teqred il-“belt qaddisa” tal-Lhud inkluż it-tempju tagħhom, tassew hi tribulazzjoni kbira għax jinqatlu ħafna eluf taʼ nies. (Mattew 4:5; 24:21) Il-belt u l-Lhud qatt ma esperjenzaw qerda bħal din, li ġġib tmiem għall-mod organizzat taʼ qima li kienu ilhom sekli sħaħ isegwu. Allura, kwalunkwe twettiq akbar tal-kliem profetiku taʼ Ġesù li se jseħħ fil-futur żgur li se jkun tal-biżaʼ.
HEMM BŻONN IL-FIDI MATUL IL-JIEM IMBASSRIN
Id-diskussjoni taʼ Ġesù mal-appostli tiegħu dwar is-sinjal tal-preżenza tiegħu bħala l-Mexxej tas-Saltna t’Alla u dwar it-tmiem tas-sistema dinjija ma tispiċċax hawn. Issa jwissihom biex ma jsegwux “Kristijiet foloz u profeti foloz.” Hu jgħid li xi wħud se jipprovaw “iqarrqu, jekk jistaʼ jkun, saħansitra bil-magħżulin.” (Mattew 24:24) Imma dawn il-magħżulin mhux se jitqarrqu. Kristijiet foloz jistgħu biss jidhru b’mod viżibbli. B’kuntrast, il-preżenza taʼ Ġesù mhix se tkun viżibbli.
Ġesù jirreferi għal tribulazzjoni akbar li se tfaqqaʼ fl-aħħar tas-sistema preżenti meta jgħid: “Ix-xemx tiddallam, u l-qamar ma jagħtix dawl, u l-kwiekeb jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitheżżu.” (Mattew 24:29) L-appostli li qed jisimgħu dan il-kliem li jkexkex ma jafux x’se jiġri eżattament, imma ċertament li se jkun żmien li jqanqal il-biżaʼ.
Dawn il-ġrajjiet xokkanti kif se jeffettwaw lill-umanità? Ġesù jgħid: “In-nies iħosshom ħażin bil-biżaʼ u bl-istennija taʼ dak li jkun ġej fuq l-art abitata; għax il-qawwiet tas-smewwiet jitheżżu.” (Luqa 21:26) Tabilħaqq, Ġesù qed jiddeskrivi dak li se jkun l-iktar żmien diffiċli fl-eżistenza tal-bniedem.
B’mod inkuraġġanti, Ġesù jagħmilha ċara lill-appostli li mhux kulħadd se jkun qed jitniehed meta ‘Bin il-bniedem jiġi b’qawwa u glorja kbira.’ (Mattew 24:30) Hu diġà kien indika li Alla se jintervieni “minħabba l-magħżulin.” (Mattew 24:22) Allura dawn id-dixxipli leali kif għandhom jirreaġixxu għall-iżviluppi xokkanti li Ġesù qed isemmi? Ġesù jinkuraġġixxi lis-segwaċi tiegħu: “Malli jibdew iseħħu dawn l-affarijiet, qumu dritti u għollu raskom ’il fuq, għax ikun qorob il-ħelsien tagħkom.”—Luqa 21:28.
Iżda, id-dixxipli taʼ Ġesù li qed jgħixu matul dan iż-żmien imbassar kif se jkunu jistgħu jagħrfu kemm hu viċin it-tmiem? Ġesù jagħti tixbiha dwar siġra tat-tin: “Hekk kif il-fergħa ġdida tagħha tkun għadha ratba u toħroġ il-weraq, tkunu tafu li qorob is-sajf. Hekk ukoll intom, meta taraw dan kollu, kunu afu li hu qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom li din il-ġenerazzjoni Mattew 24:32-34.
żgur ma tgħaddix sakemm iseħħ dan kollu.”—B’hekk, meta d-dixxipli tiegħu jaraw il-ħafna aspetti differenti tas-sinjal qed jitwettqu, għandhom jirrealizzaw li qorob it-tmiem. Lid-dixxipli li se jkunu ħajjin matul dan iż-żmien importanti Ġesù jagħtihom din it-twissija:
“Dak il-jum u s-siegħa ma jafhom ħadd, la l-anġli tas-smewwiet u lanqas l-Iben, ħlief il-Missier. Għax bħalma kienu jiem Noè, hekk tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem. Għax bħalma f’dawk il-jiem qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw fiż-żwieġ, sal-jum li Noè daħal fl-arka; u ma tawx kas sakemm ġie d-dilluvju u kinishom ilkoll, hekk tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem.” (Mattew 24:36-39) Il-ġrajja li juża Ġesù bħala xebh—id-Dulluvju storiku taʼ żmien Noè—kellha impatt fuq id-dinja kollha.
L-appostli li qed jisimgħu lil Ġesù fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ bla dubju jagħrfu l-bżonn li jibqgħu għassa. Ġesù jgħid: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-ħajja, u f’daqqa waħda dak il-jum jiġi fuqkom għal għarrieda bħal nassa. Għax jiġi fuq dawk kollha li jgħixu fuq wiċċ l-art kollha. Għalhekk, ibqgħu mqajmin u itolbu bil-ħerqa l-ħin kollu biex jirnexxilkom taħarbu minn dak kollu li għandu jseħħ u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.”—Luqa 21:34-36.
Għal darb’oħra, Ġesù qed juri li dak li qed ibassar mhuwiex limitat għal dak iż-żmien biss. Hu mhuwiex qed jipprofetizza dwar ġrajjiet li kienu se jseħħu fi ftit għaxriet taʼ snin u li kienu se jeffettwaw biss il-belt taʼ Ġerusalemm jew il-ġens Lhudi. Le, hu qed jitkellem dwar żviluppi li se jiġu “fuq dawk kollha li jgħixu fuq wiċċ l-art kollha.”
Hu jgħid li d-dixxipli tiegħu se jkollhom bżonn joqogħdu attenti, jibqgħu għassa, u jkunu lesti. Ġesù jenfasizza din it-twissija b’tixbiha oħra: “Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kien jaf f’liema għassa kien ġej il-ħalliel, kien jibqaʼ mqajjem u ma jħallix daru tinsteraq. Għalhekk, uru li intom lesti wkoll, għax f’siegħa li ma tistennewhiex ġej Bin il-bniedem.”—Mattew 24:43, 44.
Ġesù jkompli billi jagħti lid-dixxipli tiegħu raġuni biex ikunu pożittivi. Hu jassigurahom li meta l-profezija tiegħu tkun qed titwettaq, se jkun hemm “ilsir” għassa u attiv. Ġesù juża sitwazzjoni li l-appostli jistgħu jimmaġinawha faċilment: “Min hu tassew l-ilsir leali u għaqli li sidu ħatru fuq il-qaddejja taʼ daru, biex jagħtihom l-ikel fiż-żmien xieraq? Hieni hu dak l-ilsir li sidu, meta jasal, isibu jagħmel hekk! Tassew ngħidilkom, Hu jaħtru fuq kulma għandu.” Iżda jekk l-“ilsir” jiżviluppa attitudni mill-agħar u ma jittrattax lil oħrajn sew, is-sid se “jikkastigah bl-akbar ħruxija.”—Mattew 24:45-51; qabbel Luqa 12:45, 46.
Madankollu, Ġesù mhuwiex qed jgħid li xi wħud mis-segwaċi tiegħu se jsiru mill-agħar. Allura x’inhi l-lezzjoni li Ġesù jrid jenfasizza lid-dixxipli tiegħu? Hu jridhom jibqgħu għassa u attivi, kif juri b’mod ċar f’tixbiha oħra.