LEZZJONI 56
Għin Biex il-Kongregazzjoni Tibqaʼ Magħquda
Meta nkunu ma’ ħutna spiritwali, inħossuna bħas-Sultan David: ‘Kemm hu tajjeb u sabiħ li l-aħwa jgħixu flimkien f’unità!’ (Salm 133:1) L-unità, jew li nkunu magħqudin, ma tiġix mix-xejn. Kulħadd irid jagħmel sforz biex nibqgħu magħqudin.
1. X’jagħmel lin-nies t’Alla differenti?
Jekk tmur laqgħa f’pajjiż ieħor, għalkemm ma tifhimx il-lingwa, xorta se tħossok komdu u l-aħwa se jilqgħuk u jħobbuk. Għala? Għax kull fejn tmur se ssib li aħna nistudjaw il-Bibbja bl-istess pubblikazzjonijiet. U nagħmlu minn kollox biex inħobbu lil xulxin. Ngħixu fejn ngħixu, aħna ‘nsejħu isem Ġeħova, biex naqduh spalla ma’ spalla,’ jiġifieri magħqudin flimkien.—Sofonija 3:9.
2. X’tistaʼ tagħmel biex l-aħwa jkunu iżjed magħqudin?
“Ħobbu lil xulxin mill-qalb bil-ħeġġa kollha.” (1 Pietru 1:22) Kif tistaʼ tagħmel hekk? Minflok tħares lejn l-iżbalji t’oħrajn, ħares lejn it-tajjeb tagħhom. Tqattax il-ħin biss m’aħwa li huma bħalek jew li jħobbu l-istess affarijiet, imma pprova sir af ukoll aħwa li huma differenti minnek. Tajjeb li naħdmu iebes biex inneħħu xi ideat ħżiena li jistaʼ jkollna dwar ħaddieħor.—Aqra l-1 Pietru 2:17. a
3. X’se tagħmel meta Kristjan ieħor iweġġgħek?
Għalkemm magħqudin, kollha niżbaljaw. Kultant niddiżappuntaw jew anki nweġġgħu lil xulxin. Il-Bibbja tgħidilna “komplu . . . aħfru lil xulxin.” Imbagħad tkompli tgħid: “Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll.” (Aqra Kolossin 3:13.) Lil Ġeħova kemm-il darba weġġajnieh, imma hu xorta ħafrilna. Allura jistenna li naħfru lil ħutna. Jekk tinduna li weġġajt lil xi ħadd, mur irranġa l-affarijiet miegħu.—Aqra Mattew 5:23, 24. b
TGĦALLEM IŻJED
Ara x’tistaʼ tagħmel biex l-aħwa tal-kongregazzjoni jibqgħu magħqudin u jkollhom il-paċi.
4. Ħobb lil min hu differenti minnek
Aħna rridu nħobbu lill-aħwa kollha. Imma forsi nsibuha diffiċli biex nagħmluha ma’ xi ħadd li hu differenti minna. X’se jgħinna? Aqra Atti 10:34, 35, u mbagħad iddiskuti:
-
Ġeħova jaċċetta lil kull tip taʼ nies. Kif nistgħu nimitawh meta nkunu ma’ dawk li għandhom background differenti minn tagħna?
-
In-nies fejn toqgħod int, kif jittrattaw ħażin lil min hu differenti minnhom? Għala ma tridx taħseb u tagħmel bħalhom?
Aqra t-2 Korintin 6:11-13, u mbagħad iddiskuti:
-
Kif tistaʼ tħobb aktar lil ħutek li għandhom background differenti minn tiegħek?
5. Aħfer mill-qalb u żomm il-paċi
Aħna qatt m’għandna bżonn naħfru lil Ġeħova imma hu xorta jaħfrilna. Aqra Salm 86:5, u mbagħad iddiskuti:
-
X’titgħallem dwar Ġeħova?
-
Għala tapprezza li jaħfer?
-
Liema sitwazzjonijiet jistgħu jagħmluha diffiċli biex inżommu l-paċi m’oħrajn?
Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova u nibqgħu nħobbu lil ħutna? Aqra Proverbji 19:11, u mbagħad iddiskuti:
-
Jekk xi ħadd iqabbiżhielek jew iweġġgħek, x’tistaʼ tagħmel biex is-sitwazzjoni tkun aħjar?
Ara l-VIDJOW, u mbagħad iddiskuti l-mistoqsija.
Kultant inweġġgħu lil oħrajn. X’għandna nagħmlu meta jiġri hekk?-
Fil-vidjow, l-oħt x’għamlet biex tirranġa mal-oħt l-oħra?
6. Fittex it-tajjeb f’ħutek
Meta nsiru nafu lil ħutna, se nsiru nafu t-tajjeb u l-ħażin tagħhom. Kif nistgħu niffokaw fuq it-tajjeb tagħhom? Ara l-VIDJOW, u mbagħad iddiskuti l-mistoqsija.
-
X’se jgħinek tara t-tajjeb f’ħutek?
Ġeħova jiffoka fuq it-tajjeb tagħna. Aqra t-2 Kronaki 16:9a, u mbagħad iddiskuti:
-
Kif tħossok li Ġeħova jiffoka fuq it-tajjeb tiegħek?
ĦAFNA JGĦIDU: “Naħfer iva, imma ninsa qatt.”
-
Għala għandna naħfru mill-qalb?
XI DDISKUTEJNA?
Int tistaʼ tgħin biex il-kongregazzjoni tibqaʼ magħquda billi taħfer u turi li tħobb lill-aħwa kollha.
X’Tgħallimt
-
Kif tistaʼ tħobb lil kulħadd, anki dawk li huma differenti minnek?
-
X’se tagħmel jekk int u Kristjan ieħor ma taqblux fuq xi ħaġa?
-
Għala għandek timita lil Ġeħova meta taħfer lil oħrajn?
ARA IŻJED
Ara kif wieħed mill-eżempji taʼ Ġesù jgħinna ma niġġudikawx lil oħrajn.
Hemm għalfejn niskużaw ruħna anki meta nħossu li m’għamilna xejn ħażin?
“L-Apoloġija—Mod Effettiv biex Tagħmel Paċi” (It-Torri tal-Għassa, 1 taʼ Novembru 2002)
Ara kif xi wħud tgħallmu ma jiġġudikawx lil oħrajn.
Sir af kif tistaʼ ssolvi problema li għandek maʼ xi ħadd qabel ma teffettwa l-paċi tal-kongregazzjoni.
“Irranġa kull nuqqas taʼ qbil bi mħabba” (It-Torri tal-Għassa, Mejju 2016)
a In-Nota fl-Aħħar 6 turi kif l-imħabba taʼ Kristjan twaqqfu milli jmarrad lil ħaddieħor.
b In-Nota fl-Aħħar 7 titkellem dwar kif tieħu ħsieb kwistjonijiet taʼ flus u affarijiet legali.