Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 PAJJIŻI U POPLI

Żjara f’El Salvador

Żjara f’El Salvador

KWAŻI 500 sena ilu, meta l-Ispanjoli waslu f’dik li llum hi El Salvador, it-tribù prinċipali fl-inħawi sejjaħ it-territorju tiegħu Cuscatlán—isem li jfisser “Art tal-Ġawhra.” Illum, il-maġġoranza tan-nies f’El Salvador huma dixxendenti taʼ tribujiet indiġeni u taʼ nies Ewropej li marru jgħixu hemmhekk.

Is-Salvadoreni huma magħrufin li jaħdmu iebes u li huma dħulin. Huma qalbhom tajba wkoll u rispettużi. In-nies jilqgħu lil xulxin bl-edukazzjoni qabel ma jibdew konversazzjoni jew meta jidħlu f’ħanut billi jgħidu, “Buenos días” (bonġu) jew “Buenas tardes” (wara nofsinhar it-tajjeb). Infatti, is-Salvadoreni fi nħawi mwarrbin u fi rħula żgħar jarawha ħaġa kerha li jinjoraw lil xi ħadd għaddej u ma jsellmulux.

Waħda mill-ikliet li s-Salvadoreni togħġobhom l-iktar hi l-pupusa—ftira rqiqa ċatta magħmula mid-dqiq tal-qamħirrum (jew ross) mimlija bil-ġobon u l-fażola, kif ukoll majjal jew mili ieħor. Il-pupusas spiss jiġu servuti biz-zalza tat-tadam u l-curtido—taħlita taʼ kaboċċi, karrotti, basal, u ħall jaħraq. Għalkemm hemm min jikolha bil-furketta u s-sikkina, tradizzjonalment il-pupusa tittiekel bl-idejn.

Il-Pupusa hi waħda mill-ikliet l-iktar popolari f’El Salvador

 KONT TAF? El Salvador ġie msejjaħ l-art tal-vulkani. Fih iktar minn 20 vulkan, li wħud minnhom għadhom attivi. Il-Kaskata Los Tercios tgelgel fuq kolonni għoljin taʼ blat li ġie fformat b’attività vulkanika.

Hemm iktar minn 38,000 Xhud taʼ Ġeħova f’El Salvador, u huma organizzati f’xi 700 kongregazzjoni. Huma jgħallmu l-Bibbja lil xi 43,000 ruħ bl-Ispanjol, l-Ingliż, u l-Lingwa tas-Sinjali taʼ El Salvador.