GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IT-TROBBIJA TAT-TFAL
Kif tgħallem lill-adoloxxenti dwar is-sigurtà fuq l-Internet
L-ISFIDA
Ir-rapporti tal-aħbarijiet jagħtuk l-impressjoni li l-Internet huwa kenn għall-bullies, predaturi sesswali, u wħud li jisirqu l-identità taʼ dak li jkun. Bir-raġun li tkun imħasseb: L-adoloxxent tiegħek ikun onlajn spiss u jidher li ma jafx bil-perikli.
Int tistaʼ tgħallem lill-adoloxxent tiegħek dwar is-sigurtà fuq l-Internet. Però, l-ewwel ikkunsidra xi affarijiet li għandek tkun taf dwar x’jiġri onlajn.
X’GĦANDEK TKUN TAF
L-adoloxxenti jistgħu jkollhom aċċess għall-Internet minn mowbajl jew tablet. Ir-regola taʼ li l-kompjuter għandu jitpoġġa f’post fejn jarah kulħadd fid-dar għadha tgħodd. Imma b’tablet jew mowbajl li jistaʼ jaqbad mal-Internet, l-adoloxxent tiegħek jistaʼ jkollu aċċess għad-dinja onlajn iżjed minn qatt qabel—u mingħajr is-superviżjoni tiegħek.
Xi adoloxxenti jqattgħu ħin eċċessiv onlajn. “Jien nixgħel il-kompjuter bl-iskop li niċċekkja l-e-mails għal ħames minuti u nispiċċa nara l-vidjows għal sigħat sħaħ,” tammetti tfajla taʼ 19-il sena. “Għandi bżonn nitrażżan ħafna.”
L-adoloxxenti jistgħu jgħidu dwarhom infushom onlajn iktar milli jmisshom. Nies b’intenzjonijiet ħżiena jistgħu jiġbru flimkien il-kummenti li adoloxxent ikun għamel onlajn u r-ritratti tiegħu biex jitkixxfu fejn jgħix, fejn imur skola, u l-ħinijiet meta ma jkun hemm ħadd id-dar.
Xi adoloxxenti ma jifhmux il-konsegwenzi taʼ dak li jitfgħu fuq l-Internet. Dak li jitfgħu fuq l-Internet jibqaʼ fuq l-Internet. Xi drabi kummenti u ritratti imbarazzanti jinstabu iktar tard—minn, pereżempju, xi maniġer li jkun irid ifittex dwar xi ħadd li jkun applika għax-xogħol.
Minkejja tħassib bħal dan, ftakar: L-internet mhuwiex l-għadu tiegħek. Pjuttost, dak li jwassal għall-inkwiet huwa l-użu mhux għaqli tal-Internet.
DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL
Għallem lill-adoloxxent tiegħek kif jagħmel prijoritajiet u kif jimmaniġġa l-ħin. Li wieħed isir adult responsabbli jinvolvi li jitgħallem ipoġġi l-iktar affarijiet importanti l-ewwel. Il-komunikazzjoni fil-familja, il-ħowmwerk, u l-faċendi huma iktar importanti minn użu tal-Internet mhux ippjanat. Jekk l-ammont taʼ ħin li l-adoloxxent tiegħek iqattaʼ onlajn huwa taʼ tħassib, poġġi l-limiti—anki tuża żveljarin jekk ikun hemm bżonn.—Prinċipju Bibliku: Filippin 1:10.
Għallem lill-adoloxxent tiegħek jaħseb qabel ma jitfaʼ affarijiet fuq l-Internet. Għin lill-adoloxxent jistaqsi mistoqsijiet bħal: Il-kumment li se nagħmel jistaʼ jweġġaʼ ’l xi ħadd? Dan ir-ritratt kif se jeffettwa r-reputazzjoni tiegħi? Se nħossni imbarazzat li kieku l-ġenituri jew adulti oħrajn jaraw dan ir-ritratt jew kumment? X’se jikkonkludu dwari li kieku kellhom jarawh? Jien x’kont naħseb dwar xi ħadd li tefaʼ kumment jew ritratt bħal dan fuq l-Internet?—Prinċipju Bibliku: Proverbji 10:23.
Għallem lill-adoloxxent tiegħek jgħix skont il-valuri—mhux biss skont ir-regoli. Ma tistax toqgħod tgħasses fuq l-adoloxxent tiegħek il-ħin kollu. Barra minn hekk, il-mira tiegħek bħala ġenitur mhix li tikkontrolla lil uliedek imma li tgħinhom ikollhom “is-sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.” (Ebrej 5:14) Għalhekk, minflok ma tenfasizza regoli u kastigi bħala l-fattur ewlieni, inkuraġġixxi lill-adoloxxent juża s-sens morali tiegħu. X’reputazzjoni jrid li jkollu ibnek? Bintek għal liema tip taʼ kwalitajiet trid tkun magħrufa? Il-mira tiegħek għandha tkun li tgħin lill-adoloxxent tiegħek jieħu deċiżjonijiet għaqlin, sew jekk int tkun preżenti u sew jekk le.—Prinċipju Bibliku: Proverbji 3:21.
“It-tfal jafu iktar dwar it-teknoloġija. Il-ġenituri jafu iktar dwar il-ħajja”
L-użu tal-Internet, bħas-sewqan taʼ karozza, jirrikjedi d-dehen—mhux sempliċement abbiltà teknoloġika. Għalhekk, il-gwida tiegħek bħala ġenitur hi kruċjali. Wara kollox, hu kif jgħid Parry Aftab, espert fis-sigurtà fuq l-Internet: “It-tfal jafu iktar dwar it-teknoloġija. Il-ġenituri jafu iktar dwar il-ħajja.”