ĠIE DISINJAT?
Tarf il-ġewnaħ milwi ’l fuq tal-għasafar li jtiru fl-għoli
META jkun itir, ajruplan ġett joħloq tidwir mgħaġġel fl-arja fit-truf tal-ġwienaħ. Din l-arja li tobrom, imsejħa vortiċi, toħloq frizzjoni, u b’hekk iżżid il-konsum tal-fjuwil. Teffettwa ħażin ukoll lill-ajruplani li jkunu qed isegwu fil-qrib. B’hekk, ajruplani li jkunu se jitilqu mill-istess runway iridu jħallu biżżejjed ħin bejniethom biex il-vortiċi jisfaw fix-xejn.
Inġiniera tal-ajruplani skoprew mod kif inaqqsu dawn il-problemi. Is-soluzzjoni tagħhom? Ġwienaħ żgħar vertikali li ġew ispirati mir-rix f’tarf il-ġewnaħ milwi ’l fuq t’għasafar li jtiru fl-għoli, bħall-kuċċarda prima, l-ajkli, u ċ-ċikonji.
Ikkunsidra: Waqt it-titjir, ir-rix f’tarf il-ġwienaħ taʼ dawn l-għasafar kbar jiltewa ’l fuq sakemm ikun kważi vertikali. Dan jagħmel bilanċ tajjeb bejn kemm il-ġwienaħ ikunu kapaċi jtellgħu l-għasfur iktar ’il fuq u l-inqas tul tal-ġwienaħ. Itejjeb ukoll l-aċċelerazzjoni u l-veloċità. L-inġiniera ddisinjaw ġwienaħ t’ajruplani b’forma simili. Billi użaw apparat innovattiv biex isir magħruf x’effett ikollha l-arja li tgħaddi b’veloċità minn fuq il-ġwienaħ, sabu li jekk tarf il-ġwienaħ jiġi milwi preċiżament skont ’il fejn tkun sejra l-arja, l-aċċelerazzjoni u l-veloċità tal-ajruplan jitjiebu—illum b’sa 10 fil-mija jew iżjed. Ir-raġuni? Il-ġwienaħ żgħar vertikali jnaqqsu l-frizzjoni billi jnaqqsu l-vortiċi. Iżjed minn hekk, il-ġwienaħ żgħar vertikali joħolqu wkoll imbottatura li “tagħmel tajjeb għal ftit mill-frizzjoni li s-soltu jkollu l-ajruplan,” tgħid l-Encyclopedia of Flight.
B’hekk, il-ġwienaħ żgħar vertikali jippermettu lill-ajruplani jtiru iżjed ’il bogħod, jitgħabbew b’iżjed piż, ikollhom ġwienaħ iqsar—li jagħmluha iżjed faċli biex jipparkjaw—u jiffrankaw il-fjuwil. Pereżempju, fl-2010, il-kumpaniji tal-ajru “madwar id-dinja ffrankaw 2 biljun gallun fjuwil tal-ġettijiet” u kkontribwew għal tnaqqis kbir fit-tinġis tal-ajruplani, jgħid rapport tal-aħbarijiet tan-NASA.
Int x’taħseb? Tarf il-ġewnaħ milwi ’l fuq tal-għasafar li jtiru fl-għoli ġie bl-evoluzzjoni? Jew ġie disinjat?