Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

TITWILLA LEJN Il-PASSAT

Al-Khwarizmi

Al-Khwarizmi

META n-nies jintiżnu jew jaraw kemm ġiethom ix-xirja, ħafna jużaw in-numerali Ħindu-Għarab. Għala “Ħindu-Għarab”? Il-bażi tas-sistema moderna tan-numri li tuża n-numri żero sa disgħa tidher li żviluppat fl-Indja u rnexxielha tidħol fil-Punent permezz taʼ studjużi medjevali li kitbu bl-Għarbi. Wieħed minn taʼ quddiem fosthom kien raġel jismu Muhammad ibn-Musa al-Khwarizmi. Dan ir-raġel, li x’aktarx twieled f’dak li issa jissejjaħ l-Uzbekistan madwar is-sena 780 WK, jissejjaħ l-“eroj kbir tal-matematika Għarbija.” Għala kien imfaħħar daqshekk?

“EROJ TAL-MATEMATIKA GĦARBIJA”

Al-Khwarizmi kiteb dwar l-użu prattiku tad-deċimali kif ukoll issimplifika u għamel popolari metodu biex jissolvew ċerti problemi tal-matematika. Hu spjega l-metodu fil-ktieb tiegħu The Book of Restoring and Balancing. It-terminu al-jabr fit-titlu tiegħu bl-Għarbi Kitab al-jabr wa’l-muqabala huwa s-sors tal-kelma Maltija alġebra. Il-kittieb tax-xjenza Ehsan Masood jgħid li l-alġebra hi meqjusa bħala “l-iktar għodda importanti tal-matematika li qatt inħolqot, u waħda li tappoġġa kull qasam tax-xjenza.” *

“Ġenerazzjonijiet bla għadd taʼ studenti tal-iskola sekondarja jixtiequ li [al-Khwarizmi] ma qagħadx iħabbel rasu,” iċċajta ċertu awtur. Minkejja dan, al-Khwarizmi qal li l-iskop tiegħu kien li jispjega metodi sabiex jissimplifika l-kalkulazzjonijiet fin-negozju, fil-qsim tal-wirt, fl-istħarriġ, u nibqgħu sejrin.

Sekli wara, matematiċi mill-Punent, inkluż Galileo u Fibonacci, kellhom stima kbira lejn al-Khwarizmi minħabba l-ispjegazzjonijiet ċari tiegħu rigward l-użu tal-ekwazzjonijiet. Id-deskrizzjonijiet taʼ al-Khwarizmi wittew it-triq għal iżjed studji fl-alġebra, fl-aritmetika, u fit-trigonometrija. Din tal-aħħar għenet lil studjużi tal-Lvant Nofsani biex jikkalkulaw l-angoli u t-tul tal-ġnub taʼ trijangli u biex javanzaw l-istudji fl-astronomija. *

L-alġebra: “L-iktar għodda importanti tal-matematika li qatt inħolqot”

Dawk li bnew fuq ix-xogħol taʼ al-Khwarizmi żviluppaw metodi ġodda biex jużaw frazzjonijiet deċimali u sabu tekniki ġodda biex jiddeterminaw l-erja u l-volum. Periti u bennejja tal-Lvant Nofsani użaw metodi avanzati bħal dawn ħafna qabel l-istudjużi tal-Punent, li saru midħla tagħhom matul il-Kruċjati. Iktar tard, huma ħadu dan l-għarfien pajjiżhom, bl-għajnuna taʼ priġunieri u immigranti Musulmani edukati.

IL-MATEMATIKA GĦARBIJA TINFIREX

Maż-żmien, ix-xogħlijiet taʼ al-Khwarizmi ġew tradotti għal-Latin. Il-matematiku Taljan Fibonacci (c. 1170-1250), magħruf ukoll bħala Leonardo taʼ Pisa, ġeneralment jingħata l-krettu talli introduċa n-numerali Ħindu-Għarab fil-Punent. Hu tgħallem dwarhom matul il-vjaġġi tiegħu fid-dinja Mediterranja u mbagħad kiteb il-ktieb tiegħu Book of Calculation.

L-ispjegazzjonijiet taʼ al-Khwarizmi ħadu s-sekli biex isiru magħrufin tajjeb. Iżda issa l-metodi tiegħu u l-matematika li għandha x’taqsam magħhom huma l-essenza tax-xjenza u t-teknoloġija, biex ma nsemmux il-kummerċ u l-industrija.

^ par. 5 Fl-alġebra moderna, numri mhux magħrufin huma rappreżentati bl-ittri, bħal x jew y. Eżempju taʼ dan hu l-ekwazzjoni x + 4 = 6. Meta nnaqqsu 4 miż-żewġ naħat tal-ekwazzjoni naraw li x hi ekwivalenti għal 2.

^ par. 7 Astronomi Griegi kienu minn taʼ quddiem fix-xogħol taʼ kalkulazzjoni tal-ġnub u l-angoli taʼ trijangli. Studjużi Iżlamiċi użaw it-trigonometrija biex jiddeterminaw id-direzzjoni lejn Mekka. Meta jitolbu, il-Musulmani jħobbu jduru lejn Mekka. It-tradizzjoni titlob li l-mejtin jindifnu fid-direzzjoni taʼ Mekka u li l-biċċiera Musulmani jduru lejn Mekka meta joqtlu l-annimali għal-laħam.