Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | GĦANDEK KONTROLL FUQ ĦAJTEK?

L-isfida: Ċirkustanzi li ma tistax tbiddel

L-isfida: Ċirkustanzi li ma tistax tbiddel

ĦAJTEK ġiet kontrollata minn marda kronika? divorzju? mewt taʼ xi ħadd maħbub? Meta tħabbat wiċċek maʼ ċirkustanzi li ma tistax tbiddel, tistaʼ tħoss li ma tistaʼ tagħmel xejn ħlief li tixtieq li s-sitwazzjoni tiegħek tinbidel. Kif jistaʼ jerġaʼ jkollok kontroll fuq ħajtek?

EŻEMPJU BIBLIKU: PAWLU

L-appostlu Pawlu vvjaġġa ħafna bħala missjunarju żeluż tal-ewwel seklu. Imma l-vjaġġi tiegħu waqfu ħesrem meta b’inġustizzja ġie arrestat u kellu jibqaʼ ġo dar taħt il-ħarsien taʼ suldat għal sentejn. Minflok ma ċeda għad-disprament, Pawlu ffoka fuq dak li setaʼ jagħmel. Hu għen u farraġ spiritwalment lil dawk kollha li ġew iżuruh. Ukoll, kiteb diversi ittri li huma issa parti mill-Bibbja.—Atti 28:30, 31.

X’TAGĦMEL ANJA

Bħalma ssemma fl-artiklu taʼ qabel, Anja ma tistax toħroġ mid-dar. “Il-kanċer effettwa kull aspett taʼ ħajti,” tgħid hi. “Bħalissa ma jaqbillix nissogra jkolli infezzjoni, u għalhekk ix-xogħol sekulari tiegħi u l-ħajja soċjali tistaʼ tgħid ma jeżistux.” Anja kif tkampa bis-sitwazzjoni tagħha li ma tistax tinbidel? “Li noħloq rutina ġdida veru għenni,” tgħid hi. “Rajt x’kien l-iktar importanti għalija u għamilt skeda bl-abbiltajiet limitati tiegħi f’moħħi. Dan tani sens taʼ kontroll.”

“Tgħallimt inkun kuntent b’dak li jkolli f’kull ċirkustanza li nsib ruħi fiha.”—Il-kliem taʼ Pawlu f’Filippin 4:11

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Jekk ċirkustanzi li ma tistax tbiddel jidhru li qed jikkontrollawlek ħajtek, ipprova dan li ġej:

  • Iffoka fuq dak li tistaʼ tikkontrolla. Pereżempju, forsi m’għandekx kontroll sħiħ fuq saħħtek, imma tistaʼ tagħmel eżerċizzju, tiekol ikel bnin, u tistrieħ biżżejjed?

  • Iddeċiedi xi trid twettaq fil-ħajja. Ara x’tistaʼ tagħmel sabiex twettaq dik il-mira ftit ftit. Ipprova qattaʼ mqar ftit ħin kuljum f’li taħdem biex twettaq il-miri tiegħek.

  • Agħmel affarijiet li jagħtuk sens taʼ kontroll, anki jekk ikunu żgħar. Naddaf il-mejda tal-kċina u aħsel il-platti. Ilbes pulit. Agħmel l-iżjed faċendi importanti l-ewwel ħaġa filgħodu.

  • Qis il-benefiċċji li jistgħu jiġu miċ-ċirkustanzi tiegħek. Pereżempju, tagħtik is-sitwazzjoni tiegħek iktar dehen dwar kif tistaʼ tkampa bid-diffikultajiet? Tistaʼ tuża dan id-dehen biex tgħin lil ħaddieħor?

L-iktar ħaġa importanti: Forsi ma tkunx tistaʼ tikkontrolla ċ-ċirkustanzi tiegħek, imma forsi tkun tistaʼ tikkontrolla kif tirreaġixxi għalihom.