IT-TRIQ LI TWASSAL GĦALL-FERĦ VERU
Skop fil-ħajja
IL-BNEDMIN HUMA UNIĊI F’ĦAFNA MODI—AĦNA NIKTBU, INPINĠU, NIVVINTAW AFFARIJIET, U NAĦSBU DWAR MISTOQSIJIET IMPORTANTI TAL-ĦAJJA BĦAL: Għala jeżisti l-univers? Kif ġejna hawn? X’inhu l-iskop tal-ħajja? X’hemm jistenniena fil-futur?
Xi nies jevitaw li jsaqsu dawn il-mistoqsijiet għax jaħsbu li hu diffiċli wisq biex ikollok tweġiba. Oħrajn jgħidu li għal xejn issaqsi mistoqsijiet bħal dawn għax il-ħajja hi riżultat tal-evoluzzjoni. “Ma jeżisti ebda alla u ebda skop,” sostna William Provine, professur tal-istorja u l-bijoloġija. Hu kompla jgħid: “M’hemmx bażi fundamentali għall-etika u lanqas bażi għal skop fil-ħajja.”
Imma xi nies ma jaċċettawx din il-ħarsa. Huma jaraw univers immexxi minn liġijiet xjentifiċi preċiżi u disinjati tajjeb ħafna. Huma jibqgħu mgħaġġbin meta jaraw id-disinji impressjonanti tan-natura. Fil-fatt, il-bniedem jipprova jimitahom fl-affarijiet li jagħmel. U fil-ħajja taʼ kuljum jaraw disinji elaborati fil-ħolqien li jindikaw li ġejjin minn disinjatur intelliġenti, u mhux minn xi forzi bla gwida.
Raġunar bħal dan qanqal lil xi wħud li kienu jemmnu bl-evoluzzjoni biex jerġgħu jikkunsidraw il-ħarsa tagħhom. Innota ż-żewġ eżempji li ġejjin.
IN-NEWROKIRURGU DR. ALEXEI MARNOV. “L-iskejjel li attendejt kienu jgħallmu l-ateiżmu u l-evoluzzjoni,” jgħid hu. “Kull min kien jemmen f’Alla kien jiġi kkunsidrat li ma jafx il-fatti.” Madankollu, fl-1990, hu beda jaħsibha b’mod differenti.
“Jien dejjem kont nipprova nifhem ir-raġunar loġiku tal-affarijiet, inkluż tal-moħħ uman,” jispjega hu. “Dan l-organu tal-għaġeb bix-xieraq ġie msejjaħ l-iktar struttura komplessa fl-univers li nafu. Imma ġie l-moħħ disinjat biex jikseb l-għarfien u xi abbiltajiet u mbagħad imut? Dan ma jagħmilx sens u mhuwiex raġunevoli. Allura bdejt naħseb: ‘Għala qegħdin hawn? X’inhu l-iskop tal-ħajja?’ Wara li ħsibt bis-serjetà dwar dan, ikkonkludejt li żgur hemm Ħallieq.”
Alexei beda jeżamina l-Bibbja meta beda jfittex x’inhu l-iskop tal-ħajja. Iktar tard, martu, li hija tabiba u li wkoll kienet atea, bdiet tistudja l-Bibbja wkoll—għall-ewwel biex turi lil żewġha li kien żbaljat! Iżda issa, it-tnejn li huma ċerti li Alla jeżisti u jifhmu x’inhu l-iskop tiegħu għall-bniedem bħalma hu spjegat fl-Iskrittura.
IX-XJENTISTA DR. HUABI YIN. Huabi Yin studjat il-fiżika, u għal ħafna snin, għamlet riċerka fuq ix-xemx tagħna. “Kull meta aħna x-xjentisti nistudjaw in-natura,” tgħid Huabi, “dejjem naraw liġijiet preċiżi, u b’hekk kollox jimxi b’ordni liema bħalha. ‘Dawn il-liġijiet kif bdew jeżistu?’ bdejt naħseb bejni u bejn ruħi. ‘Jekk anki sempliċi nar biex issajjar bih għandu jiġi kkontrollat sew, min hu responsabbli għal-liġijiet li jikkontrollaw it-temperatura tax-xemx?’ Maż-żmien, ikkonkludejt li l-ewwel stqarrija tal-Bibbja hi l-iktar tweġiba loġika: ‘Fil-bidu Alla ħalaq is-smewwiet u l-art.’”—Ġenesi 1:1.
Żgur u mhux forsi, ix-xjenza tefgħet dawl fuq ħafna mistoqsijiet bil-“kif” bħal: Kif jaħdmu ċ-ċelluli tal-moħħ? U x-xemx kif tipproduċi s-sħana u d-dawl? Imma bħalma skoprew Alexei u Huabi, il-Bibbja twieġeb mistoqsijiet iktar importanti li jwieġbu “għala” bħal: Għala jeżisti l-univers? Għala hu mmexxi minn liġijiet? U għala neżistu?
Rigward l-art, il-Bibbja tgħid: Alla “ma ħalaqhiex sempliċement għalxejn,” imma “sawwarha biex tkun abitata.” (Isaija 45:18) Iva, Alla għandu skop għall-art, u bħalma se naraw fl-artiklu li jmiss, dan l-iskop u t-tama tagħna għall-futur imorru id f’id.