GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻWIEĠ
Meta t-tfal ma jibqgħux jgħixu d-dar
L-ISFIDA
Il-koppji spiss jiffaċċjaw l-ikbar sfidi tagħhom wara li t-tfal jilħqu l-età tagħhom u jitilqu mid-dar. Meta ma jibqaʼ ħadd mit-tfal id-dar, il-koppja jistgħu jibdew iħossuhom bħal żewġ min-nies li ma jafux lil xulxin. “Nagħti pariri lil ħafna nies li ma jkunux jafu kif jerġgħu jingwalawha mal-persuna l-oħra fiż-żwieġ,” jikteb espert tal-familji M. Gary Neuman. “Ladarba t-tfal ma jibqgħux jgħixu d-dar, [il-ġenituri] ftit li xejn ikollhom fuq xiex jitkellmu.” *
Jiddeskrivi dan, sa ċertu punt, iż-żwieġ tiegħek? Jekk iva, tistaʼ ttejjeb ir-relazzjoni tiegħek. Imma l-ewwel, ikkunsidra xi fatturi li forsi huma l-kaġun għala bħala koppja tbegħedtu minn xulxin.
GĦALA JIĠRI DAN
Għal snin sħaħ, it-tfal kienu jiġu l-ewwel. Ħafna ġenituri, b’intenzjoni tajba, ipoġġu l-bżonnijiet taʼ wliedhom qabel il-bżonnijiet taż-żwieġ tagħhom. B’hekk, tant jidraw l-irwol tagħhom taʼ missier u omm li jinsew x’inhu l-irwol tagħhom bħala raġel u mara miżżewġin—fatt li jkun jidher pjuttost ovvju ladarba t-tfal jitilqu. “Meta t-tfal kienu għadhom magħna, almenu konna nagħmlu affarijiet flimkien,” tgħid mara miżżewġa taʼ 59 sena. Imma wara li telqu t-tfal mid-dar, hi tammetti, “il-prijoritajiet tagħna kienu differenti.” Darba minnhom hi waslet biex tgħid lil żewġha, “Qegħdin f’saqajn xulxin.”
Xi koppji ma jkunux preparati biex jaddattaw għal din il-fażi ġdida tal-ħajja. “Għal ħafna koppji, huwa bħallikieku għadhom kif iżżewġu,” jgħid il-ktieb Empty Nesting. Peress li ħafna mill-koppji jħossu li ma tantx għad għandhom affarijiet komuni bejniethom, jibdew ifittxu dak li jinteressahom b’mod individwali, u b’hekk isiru iktar bħal uħud li jgħixu fl-istess dar milli miżżewġin.
L-aħbar tajba hi li int tistaʼ tevita n-nassa—u saħansitra tgawdi l-benefiċċji—taʼ din il-paġna ġdida tal-ħajja. Il-Bibbja tistaʼ tgħin f’dan ir-rigward. Ejja naraw kif.
DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL
Kun determinat li taċċetta l-bidla. Dwar tfal li kibru, il-Bibbja tgħid: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu.” (Ġenesi 2:24) Bħala ġenitur, il-mira tiegħek kienet li tħarreġ ’l uliedek għal dan iż-żmien, jiġifieri tgħinhom jiżviluppaw abbiltajiet li se jkollhom bżonn bħala adulti. Meta tħares lejha b’dan il-mod, li t-tfal jitilqu mid-dar hi xi ħaġa li għandek għal xiex tkun kburi biha.—Prinċipju Bibliku: Marku 10:7.
M’għandniex xi ngħidu, int se tibqaʼ ġenitur għal uliedek. Però, issa int iktar bħal wieħed li jagħti l-pariri milli wieħed li jżomm għajnejh fuqhom. Din ir-relazzjoni ġdida tippermettilek iżżomm rabta mill-qrib maʼ wliedek waqt li l-attenzjoni prinċipali tagħtiha lil martek jew lil żewġek. *—Prinċipju Bibliku: Mattew 19:6.
Iftaħ qalbek dwar dak li qed jinkwetak. Tkellem mal-persuna l-oħra fiż-żwieġ dwar kif din il-bidla fil-ħajja qed teffettwak, u kun lest biex tismaʼ kif tħossha l-persuna l-oħra wkoll. Kun paċenzjuż u pprova ifhem. Għandu mnejn jieħu ż-żmien biex tissaħħaħ ir-relazzjoni taʼ bejnietkom, imma l-isforz li jsir ikun worth it.—Prinċipju Bibliku: 1 Korintin 13:4.
Sib affarijiet ġodda li tistgħu tagħmlu flimkien. Tkellem dwar miri li tixtiequ tilħqu flimkien jew dwar affarijiet interessanti li tixtiequ tiskopru bħala koppja. Peress li rabbejt it-tfal, għandek għerf taʼ min joqgħod fuqu. Għax ma tużahx biex tgħin lil ħaddieħor?—Prinċipju Bibliku: Ġob 12:12.
Erġaʼ kkonferma mħabbtek. Aħseb dwar il-kwalitajiet li kienu ġibdukom lejn xulxin. Bħala koppja, aħsbu minn xiex għaddejtu flimkien u dwar il-problemi li għelibtu. Din il-paġna ġdida f’ħajtek tistaʼ tkun waħda tajba. Fil-fatt, bi sforz min-naħa tat-tnejn, issa għandkom l-opportunità li ttejbu ż-żwieġ tagħkom u terġgħu ssaħħu dik l-imħabba li għaqqditkom flimkien fil-bidu nett.
^ par. 4 Mill-ktieb Emotional Infidelity.
^ par. 12 Jekk għadek qed trabbi t-tfal, ftakar li int “ġisem wieħed” mal-persuna l-oħra fiż-żwieġ. (Marku 10:8) It-tfal iħossuhom aktar protetti meta jaraw li r-relazzjoni tal-ġenituri tagħhom hi waħda b’saħħitha.