Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Eżerċita l-​fidi—Iddeċiedi bil-​għaqal!

Eżerċita l-​fidi—Iddeċiedi bil-​għaqal!

‘Ibqaʼ itlob bil-​fidi, bla ma tiddubita xejn.’—ĠAKBU 1:6.

GĦANJIET: 81,  70

1. X’wassal lil Kajjin biex jieħu deċiżjoni ħażina, u x’kien ir-​riżultat?

KAJJIN kellu deċiżjoni importanti ħafna x’jieħu. Hu setaʼ jiddeċiedi li jikkontrolla s-​sentimenti midinba tiegħu. Dan kien se jġib riżultati tajbin. Jew setaʼ jħalli s-​sentimenti tiegħu jikkontrollaw l-​azzjonijiet tiegħu, u dan kien se jġib riżultati ħżiena. Il-​Bibbja tgħidilna li Kajjin ħa d-​deċiżjoni l-​ħażina. Id-​deċiżjoni tiegħu wasslet għall-​mewt taʼ ħuh Abel u rrovinat il-​ħbiberija li Kajjin kellu mal-​Ħallieq tiegħu.—Ġenesi 4:3-​16.

2. Għala hu importanti li nieħdu deċiżjonijiet tajbin?

2 B’mod simili, ilkoll kemm aħna jkollna nagħmlu għażliet u nieħdu deċiżjonijiet fil-​ħajja. Xi deċiżjonijiet huma serji ħafna, u oħrajn mhumiex. Xorta waħda, ħafna mid-​deċiżjonijiet tagħna jistaʼ jkollhom effett kbir fuq ħajjitna. Meta nieħdu deċiżjonijiet tajbin, għandu mnejn ikollna inqas problemi u ħajja iktar paċifika. Imma meta nieħdu deċiżjonijiet ħżiena, ħajjitna tistaʼ tkun mimlija problemi u diżappunti.—Proverbji 14:8.

3. (a) Biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin, fiex irid ikollna fidi? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 X’se jgħinna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin? Jeħtieġ ikollna fidi f’Alla, jiġifieri nafdaw li jrid jgħinna u jagħtina l-​għerf li għandna bżonn biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Jeħtieġ ukoll li jkollna fidi fil-​Kelma tiegħu, jiġifieri li nafdaw il-​pariri tiegħu. (Aqra Ġakbu 1:5-​8.) Hekk kif nersqu eqreb lejn Ġeħova u nħobbu l-​Kelma tiegħu iktar u iktar, dan se jgħinna biex nafdaw li hu jaf x’inhu l-​aħjar għalina. Imbagħad, se naraw x’tgħid il-​Kelma tiegħu qabel ma nieħdu deċiżjonijiet. Imma kif nistgħu ntejbu l-​abbiltà tagħna li nieħdu deċiżjonijiet tajbin? U għandna qatt inbiddlu d-​deċiżjonijiet li nieħdu?

ILKOLL GĦANDNA BŻONN NIEĦDU DEĊIŻJONIJIET

4. Adam liema deċiżjoni kellu jieħu, u x’kienu r-​riżultati?

4 Sa mill-​bidu tal-​istorja umana, in-​nies kellhom jieħdu deċiżjonijiet importanti. L-​ewwel raġel, Adam, kellu jiddeċiedi jekk jismax mill-​Ħallieq tiegħu, Ġeħova, jew minn martu, Eva. Adam iddeċieda li jismaʼ minn Eva, li wasslitu biex jieħu deċiżjoni ħażina ħafna. Minħabba f’hekk, Ġeħova neħħa lil Adam mill-​ġnien tal-​Għeden, u dan iktar tard miet. Illum, aħna wkoll qed insofru minħabba d-​deċiżjoni ħażina taʼ Adam.

Ġeħova tana l-​Kelma tiegħu, li tgħallimna kif nieħdu deċiżjonijiet għaqlin

5. Kif għandna nqisu r-​responsabbiltà li nieħdu deċiżjonijiet?

5 Xi wħud forsi jaħsbu li l-​ħajja tkun iktar faċli li kieku qatt ma kellhom jieħdu deċiżjonijiet. Jistaʼ jkun li tħossok l-​istess. Imma jkun tajjeb li niftakru li Ġeħova ma ħalaqx il-​bnedmin biex ikunu bħal robots, li ma jistgħux jaħsbu jew jagħmlu għażliet. Hu tana l-​Kelma tiegħu, li tgħallimna kif nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Ġeħova jridna nieħdu deċiżjonijiet, u din ir-​responsabbiltà tistaʼ tgħinna. Aħseb dwar l-​eżempji li ġejjin.

6, 7. X’deċiżjoni kellhom jieħdu l-​Iżraelin, u għala kienet diffiċli għalihom biex jiħduha? (Ara l-​ewwel stampa.)

6 Meta kienu qed jgħixu fl-​Art Imwiegħda, l-​Iżraelin kellhom jagħżlu jekk iqimux lil Ġeħova jew jaqdux allat oħra. (Aqra Ġożwè 24:15.) Din setgħet dehret bħala deċiżjoni sempliċi. Madankollu, l-​għażla kienet se twassal jew għall-​ħajja jew għall-​mewt. Fi żmien l-​Imħallfin, l-​Iżraelin baqgħu jagħmlu għażliet ħżiena. Huma waqfu jqimu lil Ġeħova u bdew iqimu allat foloz. (Imħallfin 2:3, 11-​23) Iktar tard, fi żmien il-​profeta Elija, il-​poplu t’Alla kellu jiddeċiedi jekk kienx se jaqdi lil Ġeħova jew lill-​alla falz Bagħal. (1 Slaten 18:21) Din setgħet dehret li kienet għażla faċli x’tagħmel, għax li taqdi lil Ġeħova hu dejjem l-​aħjar. Persuna għaqlija mhux se tkun trid taqdi alla bla ħajja. Imma l-​poplu ma setax jieħu deċiżjoni. Il-​Bibbja tgħid li l-​Iżraelin kienu qed ‘izappu fuq żewġ opinjonijiet differenti.’ B’għaqal, Elija inkuraġġixxa l-​poplu biex jagħżel li jqim lill-​Alla l-​veru, Ġeħova.

7 Għala kien diffiċli għal dawn l-​Iżraelin biex jieħdu deċiżjoni għaqlija? L-​ewwel, huma ma kellhomx fidi f’Ġeħova, u rrifjutaw li jisimgħu minnu. Huma ma fdawx f’Ġeħova, u ma qattgħux ħin jitgħallmu dwaru jew dwar l-​għerf tiegħu. Kieku għamlu dan, dak li tgħallmu kien se jgħinhom jieħdu deċiżjonijiet għaqlin. (Salm 25:12) It-​tieni, l-​Iżraelin kienu influwenzati minn nies taʼ nazzjonijiet oħra. Dawn il-​barranin influwenzaw il-​mod taʼ kif jaħsbu l-​Iżraelin u saħansitra ħadu deċiżjonijiet għalihom. Minħabba f’hekk, l-​Iżraelin bdew jimxu wara dawn il-​barranin u jqimu l-​allat foloz tagħhom. Din kienet xi ħaġa li Ġeħova kien wissa lill-​Iżraelin dwarha ħafna snin qabel.—Eżodu 23:2.

GĦANDHOM OĦRAJN JIEĦDU DEĊIŻJONIJIET GĦALINA?

8. X’lezzjoni importanti nitgħallmu mill-​Iżraelin?

8 L-​eżempju tal-​Iżraelin jgħallimna li jekk irridu nieħdu deċiżjonijiet għaqlin, għandna nużaw il-​Kelma t’Alla. Galatin 6:5 jfakkarna li kull persuna hi responsabbli għall-​għażliet tagħha stess. Bla dubju, m’għandniex nagħtu lil ħaddieħor ir-​responsabbiltà li jieħu deċiżjonijiet għalina. Minflok, kull wieħed u waħda minna għandu jitgħallem dak li Alla jgħid li hu tajjeb u jagħżel li jagħmlu.

Jekk inħallu oħrajn jieħdu deċiżjonijiet għalina, inkunu ddeċidejna li nsegwu lilhom

9. Għala hu perikoluż li nħallu oħrajn jieħdu deċiżjonijiet għalina?

9 Kif nistgħu nħallu oħrajn jieħdu deċiżjonijiet għalina? Billi nħalluhom jagħmlulna pressjoni biex nagħmlu għażla ħażina. (Proverbji 1:10, 15) Dan hu perikoluż. Hija r-​responsabbiltà tagħna li nimxu skont il-​kuxjenza tagħna mħarrġa fuq il-​Bibbja. Jekk inħallu oħrajn jieħdu deċiżjonijiet għalina, inkunu ddeċidejna li nsegwu lilhom. Din l-​għażla tistaʼ twassal għal diżastru.

10. Pawlu xi twissija tahom lill-​Galatin?

10 L-​appostlu Pawlu wissa lill-​Galatin biex ma jħallux lil oħrajn jieħdu deċiżjonijiet għalihom. (Aqra Galatin 4:17.) Xi aħwa fil-​Galazja kienu qed jipprovaw jieħdu deċiżjonijiet għal oħrajn fil-​kongregazzjoni. X’kien il-​mottiv tagħhom? Dawn l-​irġiel egoisti riedu lil ħuthom isegwu lilhom minflok lill-​appostli. Huma ma kinux umli, u ma rrispettawx id-​dritt taʼ ħuthom li jieħdu d-​deċiżjonijiet tagħhom stess.

11. Kif nistgħu ngħinu oħrajn meta jkollhom bżonn jieħdu deċiżjonijiet?

11 Ilkoll kemm aħna nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tajjeb tal-​appostlu Pawlu. Hu kien jaf li ħutu kellhom id-​dritt li jieħdu d-​deċiżjonijiet tagħhom stess, u hu rrispetta dan id-​dritt. (Aqra t-​2 Korintin 1:24.) Illum, l-​anzjani jistgħu jimxu fuq dan l-​eżempju meta jagħtu parir dwar kwistjoni li tinvolvi għażla persunali. Hu l-​pjaċir tagħhom li jaqsmu informazzjoni bbażata fuq il-​Kelma t’Alla maʼ ħuthom irġiel u nisa. Xorta waħda, l-​anzjani joqogħdu attenti biex iħallu lil kull Kristjan jieħu d-​deċiżjonijiet tiegħu stess għax wara kollox hu se jkollu jgħix bil-​konsegwenzi. Hawn nitgħallmu lezzjoni importanti: Aħna nistgħu ngħinu lil oħrajn jifhmu l-​parir tal-​Bibbja li japplika għas-​sitwazzjoni tagħhom. Xorta waħda, ħutna għandhom id-​dritt u r-​responsabbiltà li jieħdu d-​deċiżjonijiet tagħhom stess. Meta jagħmlu dan, huma jibbenefikaw. Biċ-​ċar, qatt ma rridu naħsbu li għandna l-​awtorità biex niddeċiedu x’għandhom jagħmlu ħutna.

Anzjani bi mħabba jgħinu lil oħrajn jitgħallmu jieħdu d-​deċiżjonijiet tagħhom stess (Ara paragrafu 11)

TĦALLIX IS-​SENTIMENTI JIKKONTROLLAWLEK ID-​DEĊIŻJONIJIET

12, 13. Għala hu perikoluż li nieħdu deċiżjonijiet meta nkunu rrabjati jew skuraġġiti?

12 Illum, ħafna nies isegwu dak li tgħidilhom qalbhom meta jieħdu deċiżjonijiet. Imma dan jistaʼ jkun perikoluż. Il-​Bibbja twissina biex ma nibbażawx id-​deċiżjonijiet tagħna fuq il-​qalb jew is-​sentimenti imperfetti tagħna. (Proverbji 28:26) Aħna ma nistgħux nafdaw lil qalbna għax “il-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata.” (Ġeremija 17:9) Hemm ħafna eżempji fil-​Bibbja li juru l-​konsegwenzi taʼ dwejjaq li jiġu meta nistrieħu fuq il-​qalb imperfetta. (1 Slaten 11:9; Ġeremija 3:17; 13:10) Allura, x’jistaʼ jiġri jekk insegwu dak li tgħidilna qalbna meta nieħdu deċiżjonijiet?

13 Ġeħova tana l-​kmand biex inħobbuh b’qalbna kollha u biex inħobbu l-​proxxmu tagħna bħalna nfusna. (Mattew 22:37-​39) Imma jeħtieġ noqogħdu attenti. L-​iskritturi fil-​paragrafu taʼ qabel juruna li hu perikoluż li nħallu s-​sentimenti tagħna jikkontrollaw il-​mod taʼ kif naħsbu u l-​azzjonijiet tagħna. Pereżempju, hu diffiċli għal persuna rrabjata biex tieħu deċiżjoni tajba. (Proverbji 14:17; 29:22) Ukoll, hu diffiċli għal xi ħadd skuraġġit biex jagħmel għażla għaqlija. (Numri 32:6-​12; Proverbji 24:10) Aħna għandna nħallu l-​liġi t’Alla tiggwida l-​mod taʼ kif naħsbu. (Rumani 7:25) Meta nieħdu deċiżjonijiet importanti, m’għandniex inħallu s-​sentimenti tagħna jikkontrollaw dak li nagħmlu.

META GĦANDEK TIBDEL ID-​DEĊIŻJONIJIET TIEGĦEK

14. Kif nafu li hu xieraq li nibdlu xi deċiżjonijiet?

14 Jeħtieġ li nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Xorta waħda, persuna għaqlija taf li xi drabi jistaʼ jkollha terġaʼ tikkunsidra deċiżjoni li ħadet fil-​passat u forsi tibdilha. Alla Ġeħova ħallielna eżempju perfett. Innota x’għamel għan-​Ninwin fi żmien Ġona: “L-​Alla l-​veru ra l-​għemejjel tagħhom, li kienu daru lura minn triqithom il-​ħażina; u b’hekk l-​Alla l-​veru ddispjaċieh mill-​gwaj li kien qal li se jġib fuqhom; u ma ġabux.” (Ġona 3:10) Meta Ġeħova ra li n-​Ninwin kienu nbidlu u waqfu jagħmlu dak li kien ħażin, hu aġġusta d-​deċiżjoni tiegħu. Dan wera li hu raġunevoli, umli, u ħanin. Kuntrarju għal ħafna bnedmin, Ġeħova ma jiħux deċiżjonijiet bla ħsieb, saħansitra meta jkun irrabjat.

Meta Ġeħova ra li n-​Ninwin kienu nbidlu u waqfu jagħmlu dak li kien ħażin, hu aġġusta d-​deċiżjoni tiegħu

15. Għala jistaʼ jkollna bżonn nibdlu deċiżjoni?

15 Jistaʼ jkun hemm drabi meta jkun tajjeb li nerġgħu nikkunsidraw deċiżjoni, bħal meta ċ-​ċirkustanzi jinbidlu. Ftakar li Ġeħova xi drabi bidel id-​deċiżjonijiet tiegħu. (1 Slaten 21:20, 21, 27-​29; 2 Slaten 20:1-​5) Każ ieħor biex naġġustaw deċiżjoni jistaʼ jkun meta nirċievu informazzjoni ġdida. Aħseb dwar l-​eżempju tas-​Sultan David. Hu ħa deċiżjoni dwar in-​neputi taʼ Sawl, Mefiboset, ibbażata fuq informazzjoni żbaljata li ngħatatlu. Iktar tard, meta David irċieva informazzjoni eżatta, hu bidel id-​deċiżjoni tiegħu. (2 Samwel 19:24-​29) Xi drabi, jistaʼ jkun għaqli li nagħmlu l-​istess.

16. (a) Liema suġġerimenti huma t’għajnuna għal meta nkunu qed nieħdu deċiżjonijiet? (b) Għala għandna nerġgħu nqisu deċiżjonijiet li diġà ħadna, u kif nistgħu nagħmlu dan?

16 Il-​Bibbja tgħid li m’għandniex ngħaġġlu meta nkunu qed nieħdu deċiżjonijiet importanti. (Proverbji 21:5) Għandna nieħdu l-​ħin biex naħsbu sew dwar il-​fatti kollha ħalli nkunu nistgħu nieħdu deċiżjoni għaqlija. (1 Tessalonikin 5:21) Qabel ma jiddeċiedi x’jagħmel, kap taʼ familja għandu jieħu l-​ħin biex ifittex fl-​Iskrittura u pubblikazzjonijiet Kristjani. Ikun tajjeb ukoll li jismaʼ l-​opinjoni jew il-​ħarsa tal-​membri l-​oħra tal-​familja. Ftakar li Alla ħeġġeġ lil Abraham biex jismaʼ minn martu. (Ġenesi 21:9-​12) L-​anzjani wkoll għandhom jieħdu l-​ħin biex jagħmlu riċerka. Meta informazzjoni ġdida turi li jeħtieġ ibiddlu waħda mid-​deċiżjonijiet li diġà ħadu, huma ma jibżgħux li se jitilfu r-​rispett t’oħrajn. Anzjani raġunevoli u modesti għandhom ikunu lesti li jaġġustaw il-​mod taʼ kif jaħsbu u d-​deċiżjonijiet tagħhom meta jkun hemm bżonn. U jkun tajjeb għalina lkoll li nsegwu l-​eżempju tagħhom. Dan se jgħin lill-​kongregazzjoni tkun fil-​paċi u tibqaʼ magħquda.—Atti 6:1-​4.

AGĦMEL DAK LI DDEĊIDEJT LI TAGĦMEL

17. X’jistaʼ jgħinna jkollna suċċess meta nieħdu deċiżjonijiet?

17 Xi deċiżjonijiet se jkunu iktar serji minn oħrajn. Pereżempju, li niddeċiedu jekk niżżewġux jew lil min niżżewġu hi deċiżjoni serja ħafna. Deċiżjoni serja oħra hi meta nibdew il-​ministeru full-​time. Qabel ma nieħdu deċiżjonijiet importanti bħal dawn, hemm bżonn naħsbu sew dwar is-​sitwazzjoni u nitolbu għall-​għajnuna taʼ Ġeħova. Dan jistaʼ jieħu ż-​żmien, imma jekk irridu nieħdu deċiżjoni għaqlija, għandna nafdaw f’Ġeħova, nisimgħu mit-​tagħlim tiegħu, u nsegwu d-​direzzjoni li jagħtina. (Proverbji 1:5) Ġeħova tana l-​aqwa pariri fil-​Kelma tiegħu. Allura hu importanti li nagħmlu riċerka u nitolbu għall-​gwida taʼ Ġeħova. Hu jistaʼ jagħtina l-​kwalitajiet li għandna bżonn biex nieħdu deċiżjonijiet li huma fi qbil mar-​rieda tiegħu. Qabel ma nieħdu deċiżjonijiet importanti, għandna dejjem nistaqsu lilna nfusna: ‘Din id-​deċiżjoni se turi li nħobb lil Ġeħova? Se ġġib ferħ u paċi lill-​familja tiegħi? U se turi li jien paċenzjuż u qalbi tajba?ʼ

18. Ġeħova għala jistenna li nieħdu d-​deċiżjonijiet tagħna?

18 Ġeħova ma jisforzaniex biex inħobbuh u naqduh. Minflok, hu tana l-​libertà ħalli nagħmlu din l-​għażla. Hu jirrispetta r-​responsabbiltà u d-​dritt tagħna li nagħżlu jekk naqduhx. (Ġożwè 24:15; Ekkleżjasti 5:4) Però, hu jistenna minna li nagħmlu dak li ddeċidejna nagħmlu skont il-​Kelma tiegħu. Meta jkollna fidi fid-​direzzjonijiet taʼ Ġeħova u napplikaw il-​prinċipji li tana, aħna nkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. U se nuru li aħna sodi f’kulma nagħmlu.—Ġakbu 1:5-​8; 4:8.