Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Min kienu l-pulizija Lhud tat-tempju? X’kien xogħolhom?
Ftit mil-Leviti li ma kinux qassisin kellhom xogħol ieħor, bħal li jaqdu bħala pulizija. Dawn kienu jaħdmu taħt id-direzzjoni tal-kmandant tat-tempju. Il-kittieb Lhudi li jismu Philo jiddeskrivi x’kienu jagħmlu dawn il-pulizija: “Ftit minn dawn il-Leviti kienu jgħassu l-bibien tal-entratura tat-tempju. Oħrajn kienu għassa quddiem is-santwarju, jew il-post qaddis. Dawn kienu jagħmlu ċert li fis-santwarju jidħlu biss dawk li għandhom permess, u li ħadd ma jidħol bi żball. Xi wħud minnhom kienu jduru madwar it-tempju biex jagħmlu l-għassa. Huma kienu jaħdmu b’żewġ shifts, wieħed taʼ billejl u wieħed taʼ binhar.”
Is-Sinedriju, jiġifieri l-qorti tal-Lhud, setaʼ jitlob l-għajnuna taʼ dawn il-pulizija. Dawn kienu l-uniku grupp Lhudi li l-gvern Ruman kien iħallih iġorr l-armi.
L-istudjuż tal-Bibbja Joachim Jeremias jispjega li meta l-pulizija arrestaw lil Ġesù, hu saqsiehom għala ma kinux arrestawh meta kien qed jgħallem fit-tempju. Ġesù ma kienx se jsaqsi dil-mistoqsija li kieku dawn ma kinux parti mill-pulizija tat-tempju. (Mt. 26:55) L-istess studjuż jaħseb li l-pulizija li riedu jarrestaw lil Ġesù xi ftit qabel ma ġara dan, ukoll kienu pulizija tat-tempju. (Ġw. 7:32, 45, 46) Iktar tard, is-Sinedriju bagħat lill-kmandant tat-tempju u lil xi pulizija biex iġibu l-appostli għandu. Aktarx kienu l-pulizija tat-tempju wkoll li ħarġu lill-appostlu Pawlu ’l barra mit-tempju.—Atti 4:1-3; 5:17-27; 21:27-30.