Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Grati li nirċievu l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla

Grati li nirċievu l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla

“Aħna lkoll intwerejna qalb tajba mhix mistħoqqa bla tarf.”—ĠWANNI 1:16.

GĦANJIET: 9513

1, 2. (a) Iddeskrivi t-​tixbiha taʼ Ġesù tas-​sid tal-​għalqa tad-​dwieli. (b) Din l-​istorja kif tispjega l-​kwalitajiet tal-​ġenerożità u l-​qalb tajba mhix mistħoqqa?

GĦODWA waħda, kmieni filgħodu, sid għalqa tad-​dwieli mar fis-​suq biex isib ħaddiema ħalli jaħdmu għalih. Offrielhom ċertu ammont taʼ flus, u l-​irġiel aċċettaw l-​offerta. Imma peress li s-​sid kellu bżonn iktar ħaddiema, hu reġaʼ mar fis-​suq diversi drabi matul il-​jum biex isib iktar ħaddiema. Hu offra li jħallas lill-​irġiel kollha ammont xieraq. Fl-​aħħar tal-​ġurnata, is-​sid ġabar lill-​ħaddiema kollha ħalli jħallashom. U kemm jekk ħadmu l-​ġurnata kollha u kemm jekk ħadmu siegħa biss, hu tahom l-​istess ammont taʼ flus. Però, meta l-​irġiel li kienu ħadmu l-​ġurnata kollha bdew jilmentaw, is-​sid qal: ‘Intom ma qbiltux mal-​offerta li għamiltilkom? M’għandix dritt jien nagħti lill-​ħaddiema tiegħi dak li rrid? Jew qed tgħiru għax jien ġeneruż?’—Mattew 20:1-​15.

2 L-​istorja taʼ Ġesù tgħallimna lezzjoni importanti dwar “il-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.” (Aqra t-​2 Korintin 6:1.) Kif? Xi wħud għandhom mnejn jaħsbu li l-​irġiel li ħadmu l-​ġurnata kollha kien ħaqqhom iktar flus mill-​oħrajn. Imma s-​sid wera qalb tajba mhix mistħoqqa lejn il-​ħaddiema li ma ħadmux ġurnata sħiħa. Espert minnhom qal hekk dwar il-​frażi “qalb tajba mhix mistħoqqa” kif tintuża fil-​Bibbja: “L-​idea bażika tal-​kelma hi rigal b’xejn u li mhuwiex mistħoqq, xi ħaġa li tingħata lil raġel li ma ħadimx għaliha u li ma ħaqqux.”

IR-​RIGAL ĠENERUŻ TA’ ĠEĦOVA

3, 4. Ġeħova għala wera l-​qalb tajba mhix mistħoqqa mal-​umanità kollha, u kif għamel dan?

3 Il-​Bibbja tgħidilna li l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla hi “għotja b’xejn.” (Efesin 3:7) Peress li ma nistgħux nobdu lil Ġeħova b’mod perfett, ma jistħoqqilna li nirċievu l-​ebda tip taʼ qalb tajba mingħand Alla. Infatti, jistħoqqilna mmutu. Is-​Sultan Salamun qal: “M’hemm l-​ebda bniedem ġust fuq l-​art li dejjem jagħmel it-​tajjeb u ma jidnibx.” (Ekkleżjasti 7:20) Iktar tard, l-​appostlu Pawlu qal: “Għax kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-​glorja t’Alla,” u “l-​ħlas li jagħti d-​dnub hu l-​mewt.”—Rumani 3:23; 6:23a.

4 Minħabba li Ġeħova tant iħobb lill-​bnedmin, hu bagħat “l-​Iben uniġenitu tiegħu” biex imut għalina. Dan kien l-​akbar att taʼ qalb tajba li qatt kien hawn u li qatt jistaʼ jkun hawn. (Ġwanni 3:16) Pawlu qal li Ġesù issa hu “inkurunat bi glorja u unur talli bata l-​mewt, biex bil-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla jduq il-​mewt għal kull bniedem.” (Ebrej 2:9) Iva, “l-​għotja li jagħti Alla hi l-​ħajja taʼ dejjem bi Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna.”—Rumani 6:23b.

5, 6. X’jirriżulta meta nkunu (a) maħkumin mid-​dnub? (b) immexxijin mill-​qalb tajba mhix mistħoqqa?

5 Għala nidinbu u mmutu? Il-​Bibbja tgħid li “bin-​nuqqas taʼ bniedem wieħed il-​mewt saltnet.” Għalhekk, peress li aħna ġejjin minn Adam, aħna imperfetti u mmutu. (Rumani 5:12, 14, 17) Madanakollu, xorta nistgħu nagħżlu li ma nkunux maħkumin, jew kontrollati, mid-​dnub. Dan kif inhu possibbli? Meta nuru fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa, inkunu nistgħu nibbenefikaw mill-​qalb tajba u ġeneruża taʼ Ġeħova. Il-​Bibbja tgħid: “Fejn kotor id-​dnub, kotrot iktar u iktar il-​qalb tajba mhix mistħoqqa. Għal liema għan? Sabiex bħalma d-​dnub saltan mal-​mewt, hekk ukoll il-​qalb tajba mhix mistħoqqa ssaltan bil-​ġustizzja għall-​ħajja taʼ dejjem permezz taʼ Ġesù Kristu.”—Rumani 5:20, 21.

6 Għalkemm għadna midinbin, m’għandniex għalfejn inħallu d-​dnub isaltan fuqna. Allura meta nagħmlu xi ħaġa ħażina, nitolbu lil Ġeħova għall-​maħfra. Pawlu wissiena: “Id-​dnub m’għandux jiddominakom, ladarba m’intomx taħt il-​liġi imma taħt il-​qalb tajba mhix mistħoqqa.” (Rumani 6:14) Għalhekk, kif nistgħu nibbenefikaw mill-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla? Pawlu qal: “Il-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla . . . tgħallimna nwarrbu dak kollu li hu kontra r-​rieda t’Alla u x-​xewqat tad-​dinja u ngħixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla f’din is-​sistema.”—Titu 2:11, 12.

IL-​QALB TAJBA T’ALLA “ESPRESSA B’DIVERSI MODI”

7, 8. Xi tfisser l-​espressjoni li l-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova hi “espressa b’diversi modi”? (Ara l-​ewwel stampi.)

7 L-​appostlu Pietru kiteb: “Bħala prokuraturi mill-​aħjar tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla espressa b’diversi modi, aqdu lil xulxin skond l-​għotja li rċieva kull wieħed minnkom.” (1 Pietru 4:10) Xi tfisser l-​espressjoni li l-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova hi “espressa b’diversi modi”? Ifisser li, ikunu xi jkunu d-​diffikultajiet li nħabbtu wiċċna magħhom fil-​ħajja, Ġeħova se jagħtina dak li għandna bżonn biex nissaportu. (1 Pietru 1:6) Dejjem se jagħtina eżattament dak li għandna bżonn biex inkampaw maʼ kull prova.

Ġeħova dejjem jgħinna nkampaw maʼ kwalunkwe prova jew diffikultà

8 L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Mill-​milja tiegħu aħna lkoll intwerejna qalb tajba mhix mistħoqqa bla tarf.” (Ġwanni 1:16) Peress li Ġeħova juri din il-​qalb tajba b’ħafna modi, aħna nirċievu bosta barkiet. X’inhuma xi ftit minn dawn il-​barkiet?

9. Kif nibbenefikaw mill-​qalb tajba taʼ Ġeħova, u kif nistgħu nuru li aħna grati?

9 Ġeħova jaħfrilna dnubietna. Grazzi għall-​qalb tajba tiegħu, Ġeħova jaħfrilna dnubietna. Imma jagħmel dan biss jekk nindmu u nkomplu niġġieldu kontra x-​xewqat midinba tagħna. (Aqra l-​1 Ġwanni 1:8, 9.) Pawlu spjega lill-​Kristjani midlukin taʼ żmienu kif Ġeħova jaħfer id-​dnubiet. Hu qal: “[Alla] ħelisna mill-​awtorità tad-​dlam u daħħalna fis-​saltna taʼ l-​Iben taʼ mħabbtu, li permezz tiegħu għandna l-​ħelsien tagħna bil-​fidwa, il-​maħfra taʼ dnubietna.” (Kolossin 1:13, 14) Tant aħna grati għall-​ħniena t’Alla li rridu nfaħħruh. U peress li Ġeħova jaħfrilna dnubietna, nistgħu wkoll nirċievu ħafna barkiet meraviljużi oħra.

10. Xi ngawdu grazzi għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla?

10 Jistaʼ jkollna relazzjoni paċifika m’Alla. Aħna imperfetti, u allura minn mindu nitwieldu, aħna għedewwa t’Alla. Iżda Pawlu qal: “Meta konna għedewwa, erġajna tħabbibna m’Alla permezz tal-​mewt taʼ Ibnu.” (Rumani 5:10) Bis-​saħħa tal-​fidwa, nistgħu nerġgħu nitħabbu m’Alla, jiġifieri, nistgħu nkunu fil-​paċi miegħu u nsiru l-​ħbieb tiegħu. Pawlu spjega kif dan hu konness mal-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova meta qal hekk lil ħutu midlukin: “Issa li ġejna dikjarati ġusti minħabba l-​fidi, ħa ngawdu l-​paċi m’Alla permezz tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu, li permezz tiegħu wkoll aħna ksibna l-​mezz biex nersqu bil-​fidi lejn din il-​qalb tajba mhix mistħoqqa li ninsabu fiha issa.” (Rumani 5:1, 2) Kemm aħna grati li ngawdu ħbiberija paċifika maʼ Ġeħova!

Modi taʼ kif tintwera l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla: Il-privileġġ li nisimgħu l-aħbar tajba (Ara paragrafu 11)

11. Il-​midlukin kif iwasslu n-​“nagħaġ oħrajn” lejn is-​sewwa?

11 Nistgħu nsiru ġusti quddiem Alla. Il-​profeta Danjel kiteb li matul iż-​żmien tat-​tmiem, “dawk li għandhom id-​dehen,” jiġifieri l-​midlukin, se “jwasslu lill-​ħafna lejn is-​sewwa.” (Aqra Danjel 12:3.) Il-​midlukin kif jagħmlu dan? Huma jippritkaw l-​aħbar tajba u jgħallmu lil miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn” il-​liġijiet taʼ Ġeħova. (Ġwanni 10:16) Jgħinuhom ikollhom waqfa ġusta, jew sewwa, quddiem Alla, u dan hu possibbli biss minħabba l-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova. Pawlu spjega: “Bħala għotja b’xejn qed jiġu dikjarati ġusti bil-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu [t’Alla] permezz tal-​ħelsien bil-​fidwa mħallsa minn Kristu Ġesù.”—Rumani 3:23, 24.

Il-barka tat-talb (Ara paragrafu 12)

12. It-​talb kif inhu konness mal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla?

12 Nistgħu nersqu qrib t’Alla permezz tat-​talb. Grazzi għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu, nistgħu nitolbu lil Ġeħova. Pawlu jsejjaħ it-​tron taʼ Ġeħova “t-​tron tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa,” u hu jistidinna navviċinawh “bil-​libertà tal-​kelma.” (Ebrej 4:16a) Nistgħu nitolbu lil Ġeħova fi kwalunkwe ħin permezz taʼ Ġesù. Dan tassew hu unur kbir! Pawlu qal: “Għandna din il-​libertà tal-​kelma u nistgħu nersqu bil-​fiduċja permezz tal-​fidi tagħna fih.”—Efesin 3:12.

Għajnuna f’waqtha (Ara paragrafu 13)

13. Il-​qalb tajba t’Alla kif tistaʼ tipprovdilna “għajnuna f’waqtha”?

13 Nistgħu niksbu l-​għajnuna f’waqtha. Pawlu ħeġġiġna nitolbu lil Ġeħova spiss, “sabiex insibu ħniena u qalb tajba mhix mistħoqqa għall-​għajnuna f’waqtha.” (Ebrej 4:16b) Kull meta nkunu qed ngħaddu minn provi jew diffikultajiet f’ħajjitna, nistgħu nitolbu bil-​ħeġġa lil Ġeħova biex jgħinna. U hu jwieġeb it-​talb tagħna avolja mhuwiex obbligat li jagħmel dan. Spiss juża lil ħutna rġiel u nisa biex jgħinna. Ġeħova jwieġeb it-​talb tagħna ħalli “nkunu mimlijin kuraġġ u ngħidu: ‘Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?’”—Ebrej 13:6.

14. Kif nibbenefikaw mill-​qalb tajba taʼ Ġeħova?

14 Nistgħu nirċievu faraġ li jmiss il-​qalb. Hi barka kbira li Ġeħova jfarraġna kull meta jkollna stress emozzjonali. (Salm 51:17) Meta l-​Kristjani f’Tessalonika kienu qed ibatu l-​persekuzzjoni, Pawlu kiteb: “Jalla l-​Mulej tagħna Ġesù Kristu nnifsu u Alla Missierna, li ħabbewna u b’qalb tajba mhix mistħoqqa tawna faraġ dejjiemi u tama sabiħa, ifarrġu lil qlubkom u jissodawkom.” (2 Tessalonikin 2:16, 17) Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li permezz taʼ din il-​qalb tajba, Ġeħova jħobbna u jimpurtah minna!

15. Grazzi għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, x’tama għandna?

15 Għandna t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem. Peress li aħna midinbin, m’għandna l-​ebda tama mingħajr l-​għajnuna taʼ Ġeħova. (Aqra Salm 49:7, 8.) Imma Ġeħova tana tama meraviljuża. X’inhi? Ġesù qal: “Din hi r-​rieda taʼ Missieri, li kulmin jara lill-​Iben u jeżerċita l-​fidi fih ikollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 6:40) Għalhekk, għandna t-​tama li ngħixu għal dejjem minħabba l-​qalb tajba taʼ Ġeħova. Pawlu qal: “Intweriet il-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla li ġġib is-​salvazzjoni lil kull xorta taʼ bnedmin.”—Titu 2:11.

IDDAWWARX IL-​QALB TAJBA T’ALLA FI SKUŻA BIEX TIDNEB

16. Xi Kristjani tal-​bidu kif ħadu vantaġġ mill-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla?

16 Aħna nirċievu ħafna barkiet minħabba l-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova. Madanakollu, m’għandniex nieħdu vantaġġ mill-​qalb tajba tiegħu, jiġifieri ndawruha fi skuża biex nidinbu. Fost il-​Kristjani tal-​bidu, kien hemm xi wħud li pprovaw “idawru l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla . . . fi skuża għall-​kondotta laxka.” (Ġuda 4) Dawn il-​Kristjani żleali milli jidher ħasbu li setgħu jidinbu u li Ġeħova dejjem kien se jaħfrilhom. Saħansitra pprovaw iġiegħlu lil ħuthom jingħaqdu magħhom f’li jidinbu. Anki llum il-​ġurnata, kull min jagħmel hekk ikun qed “jiddisprezza bla mistħija l-​ispirtu tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa.”—Ebrej 10:29.

17. Pietru liema parir sod ta?

17 Satana qed iqarraq b’xi Kristjani llum. Dan jagħmlu billi jġegħelhom jaħsbu li jistgħu jidinbu u li Ġeħova se jaħfrilhom kif ġieb u laħaq. Huwa minnu li Ġeħova hu lest li jaħfer lil midinbin li jindmu; però, jistenna li aħna niġġieldu kontra x-​xewqat midinba tagħna. Ġeħova nebbaħ lil Pietru biex jikteb: “Għalhekk, maħbubin, billi għandkom dan l-​għarfien bil-​quddiem, oqogħdu għassa li ma tmorrux tinġarru magħhom bl-​iżball taʼ nies li jisfidaw il-​liġi, u titilfu s-​sodizza tagħkom. Le, imma ibqgħu ikbru fil-​qalb tajba mhix mistħoqqa u fl-​għarfien dwar il-​Mulej u s-​Salvatur tagħna Ġesù Kristu.”—2 Pietru 3:17, 18.

IL-​QALB TAJBA T’ALLA ĠĠIB MAGĦHA RESPONSABBILTAJIET

18. Minħabba l-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova, liema responsabbiltajiet għandna?

18 Aħna grati ferm għall-​qalb tajba li Ġeħova juri b’mod ġeneruż. Għaldaqstant, għandna nużaw l-​għotjiet tagħna biex nonoraw lil Ġeħova u ngħinu lil oħrajn. Hu d-​dmir tagħna li nagħmlu dan. Kif nistgħu nużaw dawn l-​għotjiet? Pawlu jgħid: “Allura, ladarba għandna għotjiet differenti skond il-​qalb tajba mhix mistħoqqa li ntwerejna . . . jekk inhu ministeru, ħa nkunu medhijin b’dan il-​ministeru; jew min jgħallem, ħa jkun medhi bit-​tagħlim; jew min iwiddeb, ħa jkun medhi bit-​twiddib; . . . min juri ħniena, ħa juriha bil-​ferħ.” (Rumani 12:6-​8) Għalhekk, minħabba din il-​qalb tajba taʼ Ġeħova, għandna r-​responsabbiltà li nistinkaw fil-​ministeru, biex ngħallmu l-​Bibbja lil oħrajn, biex inħeġġu lil ħutna, u biex naħfru lil kull min forsi jweġġagħna.

19. Liema responsabbiltà li għandna se neżaminaw fl-​artiklu li jmiss?

19 Bħala wħud li ġejna mberkin mill-​qalb tajba taʼ Ġeħova, għandna nitqanqlu nagħmlu l-​almu tagħna biex nagħtu “xiehda bir-​reqqa dwar l-​aħbar tajba tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.” (Atti 20:24) Se neżaminaw din ir-​responsabbiltà fl-​artiklu li jmiss.