Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | KIF TIBBENEFIKA IKTAR MILL-QARI TAL-BIBBJA

Għala għandek taqra l-​Bibbja?

Għala għandek taqra l-​Bibbja?

“Jien kont naħseb li l-​Bibbja hi tqila wisq biex tifhimha.”—Jovy

“Ħsibt li kont se niddejjaq naqraha.”—Queennie

“Meta rajt kemm il-​Bibbja hi ktieb oħxon, qtajt qalbi naqraha.”—Ezekiel

Ġieli għaddielek minn moħħok li taqra l-​Bibbja imma żżomm lura minħabba li tħossok bħal dawn l-​uħud? Għal ħafna, li jaqraw il-​Bibbja tidher biċċa xogħol iebsa. Imma xi ngħidu jekk issir taf li l-​Bibbja tistaʼ tgħinek biex ikollok ħajja iktar hienja u sodisfaċenti? U xi ngħidu jekk issir taf li hemm xi metodi li jistgħu jagħmlu l-​qari iktar interessanti? Se tkun lest li tara dak li l-​Bibbja qed toffrilek?

Ikkunsidra ftit kummenti minn dawk li meta bdew jaqraw il-​Bibbja sabu li kienet taʼ ġid għalihom.

Ezekiel, li għandu fuq l-​20 sena, jgħid: “Fil-​passat, kont qisni xi ħadd li jsuq karozza mingħajr ma jkollu destinazzjoni f’moħħu. Imma l-​qari tal-​Bibbja għenni biex ikolli ħajja sinifikanti. Fiha pariri prattiċi li nistaʼ nużahom fil-​ħajja taʼ kuljum.”

Frieda, li wkoll għandha fuq l-​20 sena, tispjega: “Jien kienu jitilgħuli malajr. Imma peress li naqra l-​Bibbja, tgħallimt nikkontrolla lili nnifsi. Dan għamilhieli iktar faċli biex ningwalaha m’oħrajn, allura issa għandi iktar ħbieb.”

Eunice li għandha fuq il-​50 sena tgħid hekk dwar il-​Bibbja, “Qed tgħinni nsir persuna aħjar u nbiddel id-​drawwiet tiegħi li mhumiex daqstant tajbin.”

Bħalma saru jafu dawn il-​qarrejja u miljuni oħrajn, li taqra l-​Bibbja jistaʼ jgħinek biex ikollok ħajja iktar pjaċevoli. (Isaija 48:17, 18) Fost affarijiet oħrajn, il-​qari tal-​Bibbja jistaʼ jgħinek biex (1) tieħu deċiżjonijiet tajbin, (2) tagħmel ħbieb taʼ veru, (3) tkampa mal-​istress, u (4) titgħallem il-​verità dwar Alla, li hi l-​iktar ħaġa importanti. Il-​pariri tal-​Bibbja ġejjin mingħand Alla, allura dejjem jaqbillek issegwihom. Alla qatt ma jagħti pariri ħżiena.

L-​importanti hu li tibda. Liema suġġerimenti prattiċi jistgħu jgħinuna biex jagħmluhielna iktar faċli u nieħdu iktar pjaċir?