Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-tagħlim tal-Bibbja—Għerf li jibqaʼ jgħodd

It-tagħlim tal-Bibbja—Għerf li jibqaʼ jgħodd

IMMAĠINA DAN: Int qed iddur mużew mimli monumenti antiki. Ħafna minnhom huma mittiekla u qed jitmermru. Xi wħud għandhom biċċiet kbar neqsin. Imma ħaġa tal-​iskantament hemm wieħed li baqaʼ tali kwali; id-​disinn elaborat tiegħu jidher ċar f’kull dettall. “Hu dan iktar ġdid mill-​oħrajn?” tistaqsi int lill-​gwida tiegħek. “Le,” hu jwieġeb, “hu wieħed mill-​iktar qodma u qatt ma ġie restawrat.” “Kien qiegħed għall-​kenn?” tistaqsi int. “Le,” jgħid il-​gwida tiegħek, “anzi fejn kien kien jaqbel ir-​riħ u qalaʼ ħafna xita. U ħafna vandali pprovaw jagħmlulu l-​ħsara.” Forsi bejnek u bejn ruħek taħseb, ‘Min jaf minn xiex inhu magħmul?’

Sa ċertu punt, il-​Bibbja hi bħal dak il-​monument tal-​għaġeb. Hija ktieb antik ħafna—saħansitra iktar minn ħafna kotba oħra. Naturalment, hemm kotba antiki oħrajn. Imma bħal monumenti antiki li qed jitmermru, ħafna kitbiet antiki ġarrbu ħsara konsiderevoli hekk kif għadda ż-​żmien. Infatti, dak li jgħidu fuq ix-​xjenza ħafna drabi ġie provat li mhuwiex minnu hekk kif kien hemm iktar għarfien. Il-​pariri li jagħtu dwar is-​saħħa spiss jagħmlu iktar ħsara milli ġid. U ħafna kitbiet antiki huma sempliċement biċċiet taʼ dak li darba kienu; partijiet minnhom intilfu jew ġarrbu ħsara kbira.

Imma l-​Bibbja tispikka bħala li hi differenti minn kotba oħrajn. Minkejja li bdiet tinkiteb iktar minn 3,500 sena ilu, baqgħet l-​istess. U għalkemm ġiet attakkata għal darba wara l-​oħra matul is-​sekli—maħruqa, projbita, u disprezzata—dak li tgħid il-​Bibbja baqaʼ eżatt kif kien. Il-​Bibbja mhux talli tagħti prova li għadha tgħodd meta mqabbla maʼ għarfien modern, imma dak li hemm miktub fiha juri kemm kienet avvanzata.—Ara l-​kaxxa “Antikwata jew avvanzata għal żmienha?

VALURI LI GĦANDNA BŻONN ILLUM

Imma għandek mnejn taħseb, ‘Huwa t-​tagħlim tal-​Bibbja verament prattiku għal żmienna?’ Biex twieġeb, saqsi lilek innifsek: ‘X’inhuma l-​agħar problemi li l-​bniedem qed jiffaċċja llum? Liema huma l-​iktar tal-​biżaʼ?’ Forsi taħseb fil-​gwerer, fit-​tinġis, fil-​kriminalità, jew fil-​korruzzjoni. Issa kkunsidra xi tagħlim bażiku tal-​Bibbja. Hekk kif tagħmel dan, saqsi lilek innifsek, ‘Kieku n-​nies jgħixu fi qbil maʼ dawn il-​valuri, ma tkunx id-​dinja post aħjar?’

IMĦABBA GĦALL-​PAĊI

“Henjin dawk li jġibu l-​paċi, għax għad jissejħu ‘wlied Alla.’” (Mattew 5:9) “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha.”—Rumani 12:18.

ĦNIENA, MAĦFRA

“Henjin dawk li jħennu, għax għad jintwerew ħniena.” (Mattew 5:7) “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-​qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova * ħafrilkom mill-​qalb, agħmlu hekk intom ukoll.”—Kolossin 3:13.

ARMONIJA BEJN IR-​RAZEZ

Alla “minn raġel wieħed għamel il-​ġnus kollha tal-​bnedmin, biex jgħammru fuq il-​wiċċ kollu taʼ l-​art.” (Atti 17:26) “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-​sewwa hu aċċettat minnu.”—Atti 10:34, 35.

RISPETT GĦALL-​ART

“Alla Ġeħova ħa lir-​raġel u qiegħdu fil-​ġnien taʼ l-​Għeden biex jikkultivah u jieħu ħsiebu.” (Ġenesi 2:15) Alla se ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-​art.’—Rivelazzjoni 11:18.

MIBEGĦDA GĦAX-​XEWQAT ĦŻIENA U L-​IMMORALITÀ

“Għassu kontra kull xenqa b’għira, għax anki meta wieħed ikollu bl-​abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.” (Luqa 12:15) “Lanqas biss għandhom jissemmew fostkom iż-​żína [jew, l-​immoralità sesswali] u n-​nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta jew ir-​regħba, bħalma jixraq lill-​qaddisin.”—Efesin 5:3.

ONESTÀ, XOGĦOL IEBES

“Nixtiequ nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.” (Ebrej 13:18) “Min kien jisraq ħa ma jisraqx iktar, imma minflok ħa jaħdem iebes.”—Efesin 4:28.

L-​IMPORTANZA TAʼ LI TGĦIN LIL DAWK FIL-​BŻONN

“Ikkonslaw lid-​dipressi, wieżnu lid-​dgħajfin, uru sabar fit-​tul lejn kulħadd.” (1 Tessalonikin 5:14) ‘Ħu ħsieb l-​iltiema u r-​romol fit-​tribulazzjoni tagħhom.’—Ġakbu 1:27.

Il-​Bibbja ma ssemmix biss dawn il-​valuri. Imma b’mod prattiku, tgħallimna ngħożżu prinċipji bħal dawn u napplikawhom fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum. Kieku iktar nies japplikaw it-​tagħlim li ssemma, kieku jkun hawn ħafna inqas problemi fid-​dinja llum. Għalhekk, fir-​realtà, il-​prinċipji tal-​Bibbja huma iktar prattiki u f’waqthom minn qatt qabel! Imma kif tistaʼ tibbenefika mit-​tagħlim tal-​Bibbja issa stess?

KIF TISTAʼ TIBBENEFIKA MIT-​TAGĦLIM TAL-​BIBBJA ISSA

L-​iktar raġel għaref darba qal: “L-​għerf jintwera li hu sewwa minn għemilu.” (Mattew 11:19) Ma taqbilx maʼ dan? L-​għerf juri li hu sewwa bir-​riżultat li jinkiseb meta jiġi applikat. Allura għandu mnejn tirraġuna: ‘Jekk il-​Bibbja hi verament prattika, m’għandux dan jidher f’ħajti jekk napplikaha? Kif inhi utli issa meta nħabbat wiċċi mal-​problemi?’ Ikkunsidra eżempju.

Għal Delphine, * il-​ħajja kienet mimlija u sodisfaċenti. Però, f’daqqa waħda hi għaddiet minn serje taʼ traġedji. It-​tifla tagħha, li kellha 18-​il sena, mietet. Iż-​żwieġ tagħha sfaxxa fix-​xejn. U esperjenzat diffikultajiet finanzjarji. Hi tiftakar: “Ma kontx għadni naf min jien—bla bint, bla raġel, u bla dar. Ħassejtni vojta minn ġewwa—mingħajr identità, mingħajr saħħa, u mingħajr skop għall-​futur.”

Delphine qatt qabel ma rat kemm kien minnu dan il-​kliem: “B’kollox jiemna huma sebgħin sena; u jekk minħabba xi setgħa speċjali jkunu tmenin, xorta jinsistu li jġibu l-​inkwiet u l-​uġigħ; u dawn jgħaddu malajr, u aħna ntiru magħhom.”—Salm 90:10.

Delphine sabet l-​għajnuna fil-​Bibbja matul dan iż-​żmien diffiċli. Dak li għamlet għaliha ħalla impatt pożittiv fuqha. Bħalma se juru t-​tliet artikli li ġejjin, ħafna oħrajn sabu li l-​Bibbja għenithom meta użaw il-​gwida tagħha biex jegħlbu l-​problemi tagħhom. Huma jħossu li l-​Bibbja hi bħal dak il-​monument li ssemma fil-​bidu. Hi differenti ħafna mill-​ħafna kotba li jgħaddi ż-​żmien minn fuqhom u ma jibqgħux validi. Imma l-​Bibbja hi differenti għax hi magħmula minn xi ħaġa oħra? Jistaʼ jkun li fiha l-​ħsibijiet t’Alla u mhux sempliċement tal-​bniedem?—1 Tessalonikin 2:13.

Forsi anki int taħseb li l-​ħajja hi qasira u mimlija problemi. Meta tħoss li ma tistax issib tarf tal-​problemi, lejn xiex iddur għall-​faraġ, l-​appoġġ, u l-​pariri taʼ min joqgħod fuqhom?

Ejja nikkunsidraw tliet modi importanti li fihom il-​Bibbja tistaʼ turi li hi prattika fil-​ħajja. Tistaʼ tgħallmek kif

  1. tevita l-​problemi meta jkun possibbli.

  2. issolvi d-​diffikultajiet li jqumu.

  3. tkampa b’suċċess maʼ sitwazzjonijiet li ma tistax tbiddel.

L-​artikli li ġejjin se jiddiskutu dawn it-​tliet affarijiet.

^ par. 10 Ġeħova hu l-​isem t’Alla kif jidher fil-​Bibbja.—Salm 83:18.

^ par. 24 F’dan l-​artiklu u fit-​tlieta taʼ warajh, xi ismijiet ġew mibdulin.