Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħares il-Kuxjenza Tiegħek

Ħares il-Kuxjenza Tiegħek

Ħares il-​Kuxjenza Tiegħek

L-​IDEA li tivvjaġġa fuq ajruplan li jkollu kompjuter programmat ħażin twerwrek. Mill-​banda l-​oħra, immaġina li xi ħadd kien bagħbas fis-​sistema li tiggwida l-​ajruplan jew kien iffalsifika apposta l-​informazzjoni tagħha! Bl-​istess mod, f’sens figurattiv, dan hu preċiż dak li xi ħadd qed jipprova jagħmel lill-​kuxjenza tiegħek. Hu determinat li jħassarlek is-​sistema li tiggwidak moralment. Il-​mira tiegħu hi li jpoġġik fuq rotta ħażina biex tiksirha m’Alla!—Ġob 2:2-5; Ġwann 8:44.

Min hu dan il-​kiefer li jrid jaqleb kollox taʼ taħt fuq? Il-​Bibbja ssejjaħlu “s-​Serp tal-​qedem, li hu msejjaħ id-​Demonju u x-​Xitan, il-​qarrieq tad-​dinja kollha.” (Apokalissi 12:9, korsiv tagħna.) Dan daħal fl-​azzjoni fil-​ġnien taʼ Għeden meta uża raġunar qarrieqi, u b’hekk ipperswada lil Eva biex tinjora dak li kienet taf li kien sewwa u tirribella kontra Alla. (Ġenesi 3:1-6, 16-19) Minn dakinhar ’l hawn, Satana kien il-​moħħ wara l-​iżvilupp taʼ istituzzjonijiet sħaħ taʼ qerq biex idaħħal lin-​nies bi ħġarhom f’għadwa m’Alla. Fost dawn l-​istituzzjonijiet, ir-​reliġjon falza hija l-​iktar waħda taʼ min imaqdarha.—2 Korintin 11:14, 15.

Ir-​Reliġjon Falza Tikkorrompi l-​Kuxjenza

Fil-​ktieb Bibliku taʼ l-​Apokalissi, ir-​reliġjon falza tidher bħala mara żienja simbolika msejħa Babilonja l-​Kbira. It-​tagħlim tagħha għawweġ is-​sentimenti morali tan-​nies u ġagħalhom jobogħdu lil dawk li għandhom twemmin differenti u saħansitra jaġixxu b’mod vjolenti kontrihom. Fil-​fatt, skond l-​Apokalissi, Alla jżomm lir-​reliġjon falza bħala li hija l-​iktar responsabbli għad-​demm “tal-​maqtulin kollha fuq l-​art,” inkluż l-​adoraturi t’Alla stess.—Apokalissi 17:1-6; 18:3, 24.

Ġesù wissa lid-​dixxipli tiegħu dwar safejn kellha tasal ir-​reliġjon falza biex tgħawweġ il-​livelli morali taʼ xi wħud meta qal: “Tasal is-​siegħa meta min joqtolkom jaħseb li jkun qiegħed jagħti qima lil Alla.” Kemm huma għomja moralment dawn l-​individwi vjolenti! Ġesù qal: “La għarfu lill-​Missier u lanqas lili.” (Ġwann 16:2, 3, korsiv tagħna.) Ftit wara li Ġesù qal dan il-​kliem, hu nnifsu nqatel fuq id-​direzzjoni taʼ xi mexxejja reliġjużi, li kellhom il-​ħila jwettqu dan id-​delitt bla ma niggżithom il-​kuxjenza tagħhom. (Ġwann 11:47-50) B’kuntrast, Ġesù qal li s-​segwaċi veri tiegħu jiġu identifikati mill-​imħabba li għandhom bejniethom. Imma mħabbithom tinfirex iktar minn hekk, għax huma jħobbu saħansitra lill-​għedewwa tagħhom.—Mattew 5:44-48; Ġwann 13:35.

Mod ieħor kif ir-​reliġjon falza qalbet taʼ taħt fuq il-​kuxjenza taʼ ħafna wħud hu billi tappoġġa kwalunkwe moralità, jew nuqqas tagħha, li tinzerta tkun popolari. Dan tbassar mill-​appostlu Pawlu meta qal: “Għad jiġi żmien meta għat-​tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, iżda widnejhom jikluhom u jiġbru madwarhom qabda mgħallmin skond ma jixtiequ.”—2 Timotju 4:3.

Illum il-​ġurnata, il-​mexxejja reliġjużi jgħarrxu widnejn in-​nies billi jgħidu li s-​sess barra ż-​żwieġ jistaʼ jkun aċċettabbli għal Alla. Oħrajn jagħlqu għajn waħda għall-​atti omosesswali. Fil-​fatt, xi membri tal-​kleru jipprattikaw l-​omosesswalità huma stess. Artiklu fil-​gazzetta Ingliża The Times qal li “tlettax-il membru tal-​kleru li kulħadd jaf li huma omosesswali” ġew eletti għas-​Sinodu Ġenerali tal-​Knisja taʼ l-​Ingilterra. Meta l-​mexxejja tal-​knisja jabbandunaw il-​moralità tal-​Bibbja u l-​knejjes tagħhom jagħlqu għajnejhom għal dan, in-​nies tal-​parroċċa x’livelli se jsegwu? Mhux taʼ b’xejn li miljuni sħaħ huma mħawdin għall-​aħħar.

Kemm hu ferm aħjar li tkun gwidat mill-​veritajiet morali u spiritwali, li huma bħal raġġi taʼ dawl, mgħallmin fil-​Bibbja! (Salm 43:3; Ġwann 17:17) Per eżempju, il-​Bibbja tgħallem li la ż-​żienja u lanqas l-​adulteri “ma jirtu s-​saltna taʼ Alla.” (1 Korintin 6:9, 10) Tgħidilna wkoll li l-​irġiel u n-​nisa li jibdlu “l-​użu naturali fl-​użu kontra n-​natura” jkunu qed “jagħmlu ħwejjeġ bla ġieħ” f’għajnejn Alla. (Rumani 1:26, 27, 32) Dawn il-​veritajiet morali m’humiex l-​invenzjonijiet taʼ bnedmin imperfetti; huma l-​livelli ispirati t’Alla, li qatt ma reġaʼ lura minnhom. (Galatin 1:8; 2 Timotju 3:16) Imma Satana għandu modi oħrajn kif jaqleb il-​kuxjenza taʼ taħt fuq.

Kun Selettiv fid-​Divertiment

Hemm differenza bejn li tisforza lil xi ħadd biex jikkommetti att ħażin għal li ġġagħlu jkun irid jikkommetti att bħal dan. Din hija l-​mira tal-​“Prinċep tad-​dinja,” Satana. Biex idaħħal il-​ħsieb viljakk tiegħu fl-​imħuħ u l-​qlub tal-​boloh jew taʼ dawk li ma jissusspettawx—speċjalment iż-​żgħażagħ, l-​iktar li jistgħu jiġu effettwati faċilment—hu juża affarijiet bħalma huma s-​siti pornografiċi fuq l-​Internet kif ukoll letteratura, films, mużika, u logħob fuq il-​kompjuter li jistgħu ma jkunux xierqa għall-​Kristjani.—Ġwann 14:30; Efesin 2:2.

“Iż-​żgħażagħ [fl-Istati Uniti] jaraw bejn wieħed u ieħor 10,000 att taʼ vjolenza kull sena,” qal rapport fil-​ġurnal Pediatrics, “u l-​programmi tat-​tfal huma l-​iktar vjolenti.” Ir-​rapport irrivela wkoll li “kull sena, l-​adolexxenti jaraw kważi 15,000 referenza, insinwazzjoni, u ċajta sesswali.” Dan ir-​rapport qal ukoll li anki fil-​ħin li l-​iktar jarawh nies, it-​televixin “fih iktar minn 8 inċidenti sesswali kull siegħa, iktar minn erbaʼ darbiet iżjed mill-​1976.” Ma nistagħġbux li dan l-​istudju sab ukoll li “l-​lingwaġġ vulgari qed jiżdied ukoll b’mod drammatiku.” Madankollu, kemm il-​Bibbja kif ukoll għadd kbir taʼ studji xjentifiċi jwissu li kuntatt kontinwu maʼ dan il-​materjal ibiddel lin-​nies għall-​agħar. Mela jekk trid verament li togħġob lil Alla u tibbenefika int stess, agħti kas Proverbji 4:23, li jgħid: “Ħares lil qalbek bir-​reqqa kollha, għax minnha ġejja l-​ħajja.”—Isaija 48:17.

Ħafna mill-​mużika popolari wkoll tikkorrompi l-​kuxjenza. Kantant li l-​kanzunetti tiegħu telgħu sparati fil-​quċċata tal-​klassifiki f’għadd taʼ pajjiżi tal-​Punent jagħmel “sforz speċjali biex jixxokkja lin-​nies,” iwissi rapport fil-​gazzetta Awstraljana The Sunday Mail. L-​artiklu jgħid li “l-​kanzunetti tiegħu jigglorifikaw id-​drogi, l-​inċest u l-​istupru” u li hu “jkanta dwar li joqtol lil martu u jitfaʼ ġisimha f’għadira.” Kliem ieħor li jsemmi huwa vili wisq biex jiġi ripetut hawnhekk. Madankollu, permezz tal-​mużika tiegħu kiseb premju prestiġjuż. Tixtieq int li tiżraʼ f’moħħok u f’qalbek ħsibijiet li jagħmlulek ħsara bħal dawk li ssemmew hawn fuq, anki jekk ikunu mżejnin bil-​mużika? Nittamaw li le, għax dawk li jaġixxu hekk iniġġsu l-​kuxjenza tagħhom u fl-​aħħar mill-​aħħar joħolqu ġo fihom “qalb imħassra” li tagħmilhom għedewwa t’Alla.—Lhud 3:12; Mattew 12:33-35.

Għalhekk kun għaqli meta tagħżel id-​divertiment. Il-​Bibbja tħeġġiġna: “F’dan għandkom taħsbu: f’kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-​imħabba, f’kull ma jistħoqqlu l-​ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma ħaqqu t-​tifħir; f’dan kollu aħsbu.”—Filippin 4:8.

Maʼ Min Tagħmilha Jeffettwalek il-​Kuxjenza

Meta kienu tfal, Neil u Franz gawdew sħubija bnina maʼ Kristjani sinċieri. * Imma, maż-​żmien, qal Neil, “bdejt nagħmilha maʼ kumpanija ħażina.” Ir-​riżultat aħħari kien kriminalità u ħabs, u taʼ dan tgħidx kemm iddispjaċieh. L-​istorja taʼ Franz hija simili. “Kont naħseb li stajt nagħmilha maż-​żgħażagħ tad-​dinja mingħajr ma niġi effettwat minnhom,” qal b’dispjaċir. “Imma bħalma jgħid Galatin 6:7, ‘Alla ma jidħak bih ħadd. Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad.’ Li jien kont żbaljat u Jehovah kellu raġun tgħallimtu għad-​dannu tiegħi stess. Se nqattaʼ għomri l-​ħabs minħabba l-​ħażen li wettaqt.”

Nies bħal Neil u Franz ġeneralment ma jsirux kriminali mil-​lejl għan-​nhar; għall-​ewwel, forsi lanqas biss jgħaddilhom minn moħħhom li jsiru hekk. It-​triq għan-​niżla donnha sseħħ pass pass, u l-​ewwel pass spiss ikun il-​kumpanija ħażina. (1 Korintin 15:33) Wara dan, jistaʼ jiġi l-​abbuż tad-​drogi jew taʼ l-​alkoħol. Fil-​fatt, il-​kuxjenza ġiet deskritta b’mod xieraq bħala dik il-​“parti mill-​personalità li tistaʼ tinħall fl-​alkoħol.” Minn hemmhekk, ma tantx ikun baqaʼ għall-​kriminalità jew l-​immoralità.

Allura, għala għandek tieħu dak l-​ewwel pass? Pjuttost, assoċja maʼ nies għorrief li verament iħobbu lil Alla. Dawn se jgħinuk issaħħaħ il-​kuxjenza sabiex din tkun tistaʼ tiggwidak b’mod xieraq u teħilsek minn ħafna wġigħ. (Proverbji 13:20) Għalkemm għadhom il-​ħabs, Neil u Franz issa jaraw il-​kuxjenza tagħhom bħala rigal mingħand Alla li trid tiġi mħarrġa b’mod xieraq u, tabilħaqq, miżmuma b’għożża. Barra minn hekk, qegħdin jaħdmu iebes biex jibnu relazzjoni tajba m’Alla tagħhom, Jehovah. Kun għaref, u tgħallem mill-​iżbalji tagħhom.—Proverbji 22:3.

Ħu Ħsieb il-​Kuxjenza Tiegħek

Aħna nuru li nkunu rridu nieħdu ħsieb il-​kuxjenza tagħna meta nkabbru l-​imħabba tagħna lejn Alla u l-​fidi fih, flimkien maʼ biżaʼ bnin minnu. (Proverbji 8:13; 1 Ġwann 5:3) Il-​Bibbja tirrivela li kuxjenza li ma tkunx influwenzata minn dawn il-​kwalitajiet spiss ma tkunx stabbli moralment. Per eżempju, Salm 14:1 jitkellem dwar dawk li jgħidu f’qalbhom: “M’hemmx Alla!” Dan in-​nuqqas taʼ fidi kif jeffettwaha l-​kondotta tagħhom? Il-​vers jissokta: “Tħassru l-​bnedmin, għamlu ħwejjeġ taʼ min jistmellhom.”

In-nies li m’għandhomx fidi vera f’Alla lanqas għandhom tama soda għal futur aħjar. Għaldaqstant, huma jkollhom it-​tendenza li jgħixu għall-​preżent, biex jissodisfaw ix-​xewqat tal-​laħam tagħhom. Il-​filosofija tagħhom hi: “Nieklu u nixorbu, għax għada mmutu!” (1 Korintin 15:32) Mill-​banda l-​oħra, dawk li jżommu għajnejhom fuq il-​premju taʼ ħajja eterna ma jiġux imħajrin jiżvijaw minħabba l-​pjaċiri tal-​mument li toffri d-​dinja. Il-​kuxjenza mħarrġa tagħhom, bħal kompjuter taʼ l-​ajruplan li jkun preċiż, iżżommhom eżatt fuq il-​mogħdija t’ubbidjenza leali lejn Alla.—Filippin 3:8.

Biex il-​kuxjenza tiegħek tibqaʼ qawwija u preċiża, din teħtieġ gwida regulari mill-​Kelma t’Alla. Il-​Bibbja tgħidilna li din il-​gwida hija disponibbli meta, b’lingwaġġ ħaj, hi tgħid: “Minn warajk jisimgħu widnejk kliem li jwissik u jgħidlek: ‘Din hi t-​triq; għaddi minnha, sew jekk tikser lejn il-​lemin, sew lejn ix-​xellug.’” (Isaija 30:21) Għalhekk, warrab il-​ħin kuljum biex taqra l-​Bibbja. Dan se jsaħħek u jinkuraġġik meta tkun qed titqabad biex tagħmel dak li hu sewwa jew meta s-​sħab iswed taʼ l-​inkwiet u l-​ansjetà jkun imdendel fuqek. Ibqaʼ ċert li Jehovah se jiggwidak moralment u spiritwalment jekk tpoġġi l-​fiduċja sħiħa tiegħek fih. Tabilħaqq, imita lis-​salmista li kiteb: “Nżomm il-​Mulej dejjem quddiemi, għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek.”—Salm 16:8; 55:23 (55:22, NW).

[Nota taʼ taħt]

^ L-ismijiet ġew mibdulin.

[Stampi f’paġna 5]

Ir-​reliġjon falza, deskritta fil-​Bibbja bħala “Babilonja l-​Kbira,” hija responsabbli li mewtet il-​kuxjenza taʼ ħafna nies

[Sors]

Qassis ibierek lit-​truppi: Ritratt taʼ l-​Armata Amerikana

[Stampi f’paġna 6]

Li toqgħod tara l-​vjolenza u l-​immoralità se jagħmel ħsara lill-​kuxjenza tiegħek

[Stampa f’paġna 7]

Gwida regulari mill-​Kelma t’Alla se tħarislek il-​kuxjenza