Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Jehovah fejn għamlu l-​patt m’Abraham, f’Ur jew f’Ħaran?

L-​ewwel rakkont dwar il-​patt li Jehovah għamel m’Abraham jinsab f’Ġenesi 12:1-4 (12:1-3, NW), li jgħid: “Il-​Mulej qal lil Abram: ‘Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-​art li jien nurik. U jien nagħmlek ġens kbir . . . U jitbierku bik it-​tribujiet kollha taʼ l-​art.’” * X’aktarx li Jehovah għamel dan il-​patt m’Abraham waqt li dan kien f’Ur, u reġaʼ kkonfermahulu meta kien f’Ħaran.

Fl-​ewwel seklu, Stiefnu rrefera għall-​kmand taʼ Jehovah lil Abraham biex imur joqgħod f’Kangħan. Waqt li indirizza lis-​Sinedriju, hu qal: “Alla tal-​glorja deher lil Abraham missierna, meta dan kien fil-​Mesopotamja qabel ma mar joqgħod Ħaran, u qallu, ‘Oħroġ minn artek u minn fost niesek u mur fl-​art li se nurik jien.’” (Atti 7:2, 3, korsiv tagħna.) Oriġinarjament Abraham kien minn Ur, u bħalma indika Stiefnu, kien hemmhekk li semaʼ għall-​ewwel darba l-​kmand biex imur Kangħan. (Ġenesi 15:7; Neħemija 9:7) Stiefnu ma semmiex il-​patt t’Alla m’Abraham, imma f’Ġenesi 12:​1-4, dan il-​patt hu marbut mal-​kmand biex imur Kangħan. Għalhekk, huwa raġunevoli li nemmnu li Jehovah għamel il-​patt m’Abraham f’Ur.

Madankollu, jekk naqraw bir-​reqqa r-​rakkont tal-​Ġenesi, dan jissuġġerixxi li Jehovah reġaʼ tenna l-​patt tiegħu lil Abraham f’Ħaran, sewwa sew bħalma hu rrepeta u elabora fuq aspetti tal-​patt f’ħafna okkażjonijiet oħrajn f’Kangħan. (Ġenesi 15:5; 17:1-5; 18:18; 22:16-18) Skond Ġenesi 11:31, 32, Teraħ, missier Abraham, telaq minn Ur għal Kangħan flimkien m’Abraham, Sara, u Lot. Huma waslu Ħaran u baqgħu hemmhekk sakemm miet Teraħ. Iż-​żmien li Abraham dam Ħaran kien biżżejjed biex hu setaʼ jikseb ġid abbundanti. (Ġenesi 12:5) U kien hemm żmien meta Naħor, ħu Abraham, ukoll kien mar joqgħod hemmhekk.

Wara li ssemmi l-​mewt taʼ Teraħ, il-​Bibbja tirrapporta l-​kliem li Jehovah qal lil Abraham u tissokta tgħid: “U telaq Abram kif kien qallu l-​Mulej.” (Ġenesi 12:4) Għaldaqstant, Ġenesi 11:31–12:4 jagħti wieħed x’jifhem li Jehovah qal il-​kliem li nsibu f’Ġenesi 12:1-4 wara l-​mewt taʼ Teraħ. Jekk dan hu l-​każ, Abraham telaq minn Ħaran u mar joqgħod fil-​pajjiż li indikalu Jehovah biex jobdi l-​kmand li kien għadu kif semaʼ, kif ukoll dak il-​kmand li kien semaʼ għall-​ewwel darba snin qabel f’Ur.

Skond Ġenesi 12:1, Jehovah ikkmanda lil Abraham: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek.” Kien hemm żmien meta Ur kienet “art,” jew pajjiż, Abraham, u hemmhekk kienet “dar” missieru. Madankollu, missier Abraham ħa l-​familja tiegħu toqgħod Ħaran, u dak il-​post Abraham beda jsejjaħlu pajjiżu. Meta, wara ħafna snin f’Kangħan, hu bagħat lill-​qaddej tiegħu ‘f’artu u għand niesu’ biex isib mara għal Iżakk, il-​qaddej mar “lejn il-​belt taʼ Naħor” (Ħaran jew xi mkien ieħor viċin). (Ġenesi 24:4, 10) Hemmhekk, il-​qaddej sab lil Rebekka fost il-​qraba t’Abraham, mill-​familja kbira taʼ Naħor.—Ġenesi 22:20-24; 24:15, 24, 29; 27:42, 43.

Fid-​diskors tiegħu lis-​Sinedriju, Stiefnu qal dwar Abraham: “Wara li miet missieru, Alla ġiebu f’din l-​art li fiha issa qed toqogħdu intom.” (Atti 7:4) Dan jindika li Jehovah kellem lil Abraham f’Ħaran. Huwa raġunevoli li nemmnu li f’din l-​okkażjoni Jehovah reġaʼ tenna l-​patt tiegħu m’Abraham kif insibu f’Ġenesi 12:1-4, ladarba l-​patt beda jopera meta Abraham mar joqgħod f’Kangħan. B’hekk, meta nikkunsidraw il-​fatti kollha naslu għall-​konklużjoni li Jehovah x’aktarx li għamel il-​patt tiegħu m’Abraham f’Ur u reġaʼ kkonfermah f’Ħaran.

[Nota taʼ taħt]

^ Jehovah bidel isem Abram għal Abraham f’Kangħan meta dan kellu 99 sena.—Ġenesi 17:1, 5.