Vjaġġ Twil Premjat
Vjaġġ Twil Premjat
FIR-REPUBBLIKA Demokratika tal-Kongo jasal rapport dwar żewġ aħwa nisa mid-demm li ddeċidew li jagħmlu vjaġġ twil f’żona mifnija bil-gwerra. Dan għamluh sabiex jattendu l-Konvenzjoni Distrettwali “Agħtu Glorja lil Alla” fil-belt taʼ Lisala. Minbarra t-tagħlim spiritwali u s-sħubija Kristjana li kienu qed jistennew li jgawdu fil-konvenzjoni, huma kienu qed iħarsu ’l quddiem biex jiltaqgħu mar-rappreżentanti mill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova ġo Kinxasa. Minħabba l-gwerra ċivili li kien hemm fil-pajjiż, kienu ilhom snin sħaħ ma jaraw lil xi ħadd mill-fergħa, u għalhekk riedu jieħdu din l-opportunità biex jagħmlu dan.
Permezz taʼ dgħajsa qisha kenura, iż-żewġ aħwa nisa telqu mill-belt tagħhom Basankusu u vvjaġġaw lejn Lisala. Dan kien vjaġġ taʼ madwar 300 kilometru li fih kellhom jgħaddu minn foresta u jaqsmu żewġ xmajjar. Huma damu jivvjaġġaw għal tliet ġimgħat sħaħ. Ladarba t-tnejn li huma jaqdu fil-ministeru full-time, waħda ilha taqdi 3 snin u l-oħra 19-il sena, huma ħadu l-opportunità sabiex jaqsmu l-aħbar tajba tas-Saltna maʼ oħrajn fil-vjaġġ tagħhom. Huma qattgħu 110 sigħat jippridkaw lil dawk li kien jiltaqgħu magħhom fit-triq, u qassmu 200 fuljett u 30 rivista.
Huma u jaqsmu x-xmajjar kellhom jgħaddu minn bejn annimali li huma komuni għal dawk l-inħawi, bħall-ippopotami u l-kukkudrilli. Ma setgħux jaqsmu x-xmara bil-lejl—perikli bħal dawn ma tistax tevitahom fid-dlam! Huma kellhom jgħaddu wkoll minn postijiet fejn il-militar kien jiċċekkja lil min jgħaddi.
Għalkemm dan kien vjaġġ twil u taʼ strapazz, l-aħwa kienu kuntenti li għamlu dan l-isforz. It-tnejn kienu grati u ferħanin li attendew il-konvenzjoni f’Lisala. Qlubhom faru biż-żelu għall-verità, u tassew ħassewhom inkuraġġiti meta ssieħbu mas-7,000 ħu u oħt li attendew. Wara l-konvenzjoni, reġgħu ffaċċjaw l-istess sfidi hekk kif ivvjaġġaw lura d-dar, fejn sabu lill-familji tagħhom qawwijin u sħaħ.