Int “Għani m’Alla”?
Int “Għani m’Alla”?
FOST il-bosta parabboli taʼ Ġesù Kristu li jġagħluk taħseb, hemm waħda dwar sid għani li kellu ħafna artijiet. Sabiex jipprova jkollu futur mimli sigurtà u fiż-żgur, sid l-art għamel pjanijiet biex jibni mħażen akbar. Madankollu, fit-tixbiha taʼ Ġesù, ir-raġel jissejjaħ bħala “iblah.” (Luqa 12:16-21) Diversi traduzzjonijiet tal-Bibbja jużaw il-kelma “iblah.” Għala dan il-ġudizzju aħrax?
Milli jidher, il-pjanijiet taʼ dan ir-raġel għani ma kinux jinkludu lil Alla; lanqas ma ta xi kredtu lil Alla għal dak li kienet ipproduċiet l-art. (Mattew 5:45) Minflok, hu ftaħar: “Ruħ, għandek ħafna ġid maħżun għal ħafna snin; strieħ, kul, ixrob, u gawdi.” Iva, hu immaġina li l-isforzi tiegħu kienu se jirriżultaw f’“ħajt taʼ protezzjoni.”—Proverbji 18:11, NW.
Bi twissija kontra spirtu kburi bħal dan, id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Ejjew, issa, intom li tgħidu: ‘Illum jew għada nivvjaġġaw lejn din il-belt u nqattgħu sena hemmhekk, u ninnegozjaw u nagħmlu l-qligħ,’ filwaqt li ma tafux x’se jsir minnkom għada, għax intom ċpar li jidher għal ftit u mbagħad jgħib.”—Ġakbu 4:13, 14.
Dawn il-kelmiet kienu minnhom għax ir-raġel għani msemmi fil-parabbola taʼ Ġesù ntqallu: “Ja iblah! Dan il-lejl jitolbuk ruħek. Min, mela, se jiħodhom l-affarijiet li ħżint?” Bħal ċpar li jisparixxi, ir-raġel għani kien se jmut qabel ma kien se jara x-xewqat tiegħu jitwettqu. Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa minn dan? Ġesù qal: “Hekk jiġrilu min jaħżen teżor għalih innifsu imma ma jkunx għani m’Alla.” Int “għani m’Alla”?