Il-Meravilji tal-Ħolqien Jeżaltaw lil Ġeħova
Il-Meravilji tal-Ħolqien Jeżaltaw lil Ġeħova
ALLA ĠEĦOVA huwa eżaltat ħafna iktar minn kemm jistgħu jimmaġinaw il-bnedmin imperfetti. L-għemejjel tal-ħolqien tiegħu fuq l-art u fis-smewwiet iġibulu tifħir u jħalluna meraviljati.—Salm 19:2-5 (19:1-4, NW).
Bħala l-Ħallieq u s-Sovran Universali, Ġeħova żgur li jixraqlu jiġi mismugħ meta jitkellem. Imma kemm nibqgħu mgħaġġbin kieku kellu jkellimna, lilna sempliċi bnedmin, hawnhekk fuq l-art! Ejja ngħidu li jkellem lilek, forsi permezz t’anġlu. Żgur li tkun trid toqgħod attent. Ir-raġel rett Ġob żgur li semaʼ bl-akbar attenzjoni meta Alla indirizzah xi 3,500 sena ilu. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li Alla qal lil Ġob dwar l-art u s-smewwiet fiżiċi?
Min Qiegħed Sisien l-Art, u Min Jikkontrolla l-Baħar?
Minn ġot-tempesta, Alla jistaqsi lil Ġob dwar l-art u l-baħar. (Ġob 38:1-11) Ebda arkitett uman ma ddeċieda dwar kemm għandha tkun kbira l-art u mbagħad għen biex tiġi fformata. Meta jqabbel l-art maʼ bini, Alla jistaqsi lil Ġob: “Min qiegħed ras il-għareb tagħha?” (NW) Ebda bniedem! L-ulied anġeliċi t’Alla osservawh u ferħu hekk kif Ġeħova ħalaq din il-pjaneta.
Il-baħar għadu jibda meta mqabbel m’Alla, il-Wieħed li jlibbsu b’mod figurattiv. Dan “b’qawwa ħareġ mill-ġuf.” Alla jagħmel fruntieri għall-baħar bħallikieku bil-bibien imsakkrin, u l-marea hija regolata mill-ġibdiet tal-qamar u x-xemx.
The World Book Encyclopedia tgħid: “Ir-riħ jikkaġuna ħafna mill-mewġ taʼ l-oċean, minn ċafċif żgħir sa mewġ enormi taʼ l-uragani li jkunu ogħla minn 30 metru. . . . Wara li jieqaf ir-riħ, il-mewġ jibqaʼ jivvjaġġa fil-wiċċ taʼ l-oċean u jistaʼ jmur distanzi twal ’il bogħod minfejn ikun beda. Ibatti u jitwal. Imbagħad, il-mewġ jilħaq ix-xatt, fejn ir-ragħwa bajda tiegħu tinkiser fuq ix-xtajta.” Il-baħar jobdi l-kmand t’Alla: “Sa hawn biss tasal u mhux aktar, ma taqbiżx minn hawn il-qawwa taʼ mwieġek.”
Min Jagħmel iż-Żerniq?
Imbagħad Alla jistaqsi lil Ġob dwar l-effett tad-dawl u affarijiet oħra. (Ġob 38:12-18) Ebda bniedem ma jistaʼ jikkmanda l-proċess kontinwu tal-lejl u n-nhar. Id-dawl taʼ fil-għodu b’mod figurattiv jaqbad l-art mit-truf tagħha u jfarfar minnha l-ħżiena. Il-midinbin jistgħu jagħmlu affarijiet ħżiena fid-“dlam.” (Ġob 24:15, 16) Imma ż-żerniq ixerred ’l hawn u ’l hemm lil ħafna wħud li jagħmlu l-ħażen.
F’id Alla, id-dawl taʼ fil-għodu hu bħal siġill, jew timbru, li minħabba fih l-art tieħu forma mill-isbaħ. Bid-dawl tax-xemx nistgħu naraw ħafna kuluri, u għalhekk il-globu jidher bħallikieku mlibbes bi ħwejjeġ mill-isbaħ. Ġob m’għamel xejn minn dan u ma mexiex f’qiegħ il-baħar biex jikteb inventarju dwar it-teżori li fih. Saħansitra sa llum ir-riċerkaturi għad għandhom għarfien limitat dwar il-ħajja fl-oċeani!
Min Għandu Mħażen taʼ Borra u Silġ?
Ebda bniedem ma stieden f’daru lid-dawl jew lid-dlam jew daħal fl-imħażen tal-borra u s-silġ li Alla jżomm għal “jiem it-taqbid u l-gwerra.” (Ġob 38:19-23) Meta Ġeħova uża s-silġ kontra l-għadu f’Gibgħon, “mietu aktar bil-ġebel tas-silġ milli wlied Iżrael qatlu bix-xabla.” (Ġożwè 10:11) Hu jistaʼ juża s-silġ taʼ daqs li ma nafux bih biex jeqred lill-ħżiena mmexxijin minn Gog, jew Satana.—Eżekjel 38:18, 22.
Silġ li kien fih daqs bajda qatel 25 ruħ u weġġaʼ 200 oħra fiċ-ċentru tal-Provinċja Henan, fiċ-Ċina, f’Lulju 2002. Dwar tempesta bis-silġ fl-1545, l-iskultur Taljan Benvenuto Cellini kiteb: “Darba minnhom konna distanza taʼ ġurnata ’l bogħod mill-belt taʼ Lyons . . . meta s-sema beda jriegħed u jfaqqaʼ bil-qawwi. . . . Wara r-ragħad, is-sema għamel ħoss tant qawwi u tal-biżaʼ li ħsibt li kien wasal l-aħħar jum, allura waqqaft iż-żiemel għal ftit, waqt li xita taʼ silġ bdiet nieżla mingħajr qatra ilma. . . . Is-silġ sar kull waħda daqs lumija kbira. . . . It-tempesta baqgħet qawwija għal xi ħin, imma fl-aħħar waqfet. . . . Urejna l-grif u t-tbenġil lil xulxin; imma mil ’il bogħod minfejn konna, rajna xena taʼ diżastru sħiħ li kien ħafna akbar minn dak li esperjenzajna aħna, u li mhux possibbli tiddeskrivih. Is-siġar kollha kienu mneżżgħin mill-weraq u maqsumin; l-annimali taʼ l-għelieqi kienu mejtin; ħafna mir-rgħajja wkoll kienu nqatlu; rajna kwantitajiet kbar taʼ silġ tant kbir li lanqas kont taqbdu f’żewġ idejn.”—Autobiography (Book II, 50), Harvard Classics, il-31 Volum, paġni 352-3.
X’se jiġri meta Ġeħova jiftaħ l-imħażen tiegħu taʼ borra u silġ kontra l-għedewwa tiegħu? Żgur li ma jistgħux isalvaw meta jintuża l-borra jew is-silġ biex titwettaq ir-rieda tiegħu.
Xogħol Idejn Min Huma x-Xita, in-Nida, il-Ġlata, u s-Silġ?
Imbagħad, Ġeħova jistaqsi lil Ġob dwar ix-xita, in-nida, il-ġlata, u s-silġ. (Ġob 38:24-30) Alla hu l-Wieħed li jagħmel ix-xita, u anki “d-deżert li ħadd ma jgħix fih” igawdi minn din il-barka. Ix-xita, is-silġ, u l-ġlata ma joriġinawx mill-bnedmin u lanqas ma għandhom xi missier uman.
In-Nature Bulletin jistqarr: “L-iktar karatteristika stramba u forsi l-iktar importanti [tas-silġ] hi li l-ilma jespandi hekk kif jiffriża . . . Il-kisja tas-silġ li tifforma u tifflowtja fil-wiċċ taʼ għadira fix-xitwa tagħmilha possibbli għall-ħxejjex u l-annimali tal-baħar (il-ħut, eċċ.) biex jibqgħu
ħajjin fl-ilma taʼ taħt. Li kieku . . . l-ilma jiċkien hekk kif ikun qed jagħqad u jibbies, kieku s-silġ ikun itqal mill-ilma u jegħreq fil-qiegħ. Imbagħad, kieku jifforma iktar silġ fil-wiċċ sakemm l-għadira tiffriża għalkollox. . . . F’postijiet iktar kesħin tad-dinja, ix-xmajjar, il-vaski, l-għadajjar, u saħansitra l-oċeani kieku jiffriżaw b’mod permanenti.”Kemm aħna grati li l-ilmijiet ma jiffriżawx għalkollox! U żgur li napprezzaw xogħol idejn Ġeħova, ix-xita u n-nida li jagħtu l-ħajja lill-veġitazzjoni taʼ l-art.
Min Għamel il-Liġijiet tas-Sema?
Imbagħad Alla jistaqsi lil Ġob dwar is-sema. (Ġob 38:31-33) Il-kwiekeb tat-Trajja ġeneralment huma identifikati bħala Pleadi, grupp li jikkonsisti f’sebaʼ kwiekeb kbar u għadd t’oħrajn iżgħar xi 380 sena tad-dawl ’il bogħod mix-xemx. Il-bniedem m’għandux “il-ħila [jgħaqqad] il-kwiekeb tat-Trajja,” billi jiġbor flimkien lil dan il-grupp. Ebda bniedem ma jistaʼ ‘jħoll minn xulxin l-istilel tal-Ġgant,’ ġeneralment identifikati bħala grupp taʼ kwiekeb imsejjaħ Orjun. Huma kif inhuma identifikati llum il-kwiekeb Mażarot u Orsa, il-bniedem ma jistax jikkontrollahom u jiggwidahom. Il-bnedmin ma jistgħux jibdlu “l-liġijiet tas-sema,” il-liġijiet li jmexxu l-univers.
Alla stabbilixxa l-liġi li tiggwida s-smewwiet u li tinfluwenza t-temp tad-dinja, il-marea, l-atmosfera, u saħansitra l-eżistenza tal-ħajja stess fuq din il-pjaneta. Ikkunsidra x-xemx. Dwarha, The Encyclopedia Americana (Edizzjoni taʼ l-1996) tgħid: “Ir-raġġi tax-xemx jagħtu s-sħana u d-dawl lid-dinja, jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-ħxejjex, jevaporaw l-ilma mill-oċean u ilmijiet oħra, għandhom irwol fil-produzzjoni tar-riħ, u jagħmlu ħafna iktar funzjonijiet li huma vitali għall-eżistenza tal-ħajja fuq l-art.” L-istess xogħol taʼ referenza jgħid: “Biex dak li jkun japprezza l-kobor tal-qawwa li fih id-dawl tax-xemx, kulma għandu bżonn hu li jirrifletti fuq il-qawwa taʼ l-irjieħ u l-ġibjuni u x-xmajjar u l-qawwa kollha li
hemm f’affarijiet naturali li jqabbdu n-nar bħall-injam, il-faħam, u ż-żejt li m’huma xejn iktar ħlief dawl tax-xemx li ilu maħżun minn pjaneta ċkejkna [id-dinja] 150 miljun kilometru ’l bogħod mix-xemx.”Min Żejjen bid-Dehen lis-Sħab?
Ġeħova jgħid lil Ġob biex jikkunsidra s-sħab. (Ġob 38:34-38) Il-bniedem ma jistax jikkmanda lil sħaba waħda biex tidher u terħi l-ilma tagħha. Imma l-bnedmin kemm jiddependu miċ-ċiklu taʼ l-ilma li stabbilixxa l-Ħallieq!
X’inhu ċ-ċiklu taʼ l-ilma? Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid: “Iċ-ċiklu taʼ l-ilma jikkonsisti f’erbaʼ oqsma differenti: il-ħażna, l-evaporazzjoni, il-preċipitazzjoni, u l-ifformar tax-xmajjar. L-ilma jistaʼ jinħażen temporanjament fl-art; fl-oċeani, fl-għadajjar, u fix-xmajjar; u fil-qċaċet tal-muntanji bis-silġ u fil-glaċieri. Dan jevapora mill-wiċċ taʼ l-art, jinġemaʼ fi sħab, jerġaʼ jaqaʼ lejn l-art bħala preċipitazzjoni (xita jew borra), u eventwalment jew jiġri lejn il-baħar inkella jerġaʼ jevapora fl-atmosfera. Kważi l-ilma kollu fuq l-art għadda miċ-ċiklu taʼ l-ilma għal ammont infinit taʼ drabi.”—Microsoft Encarta Reference Library 2005.
Is-sħab kollu xita hu bħal ġarar taʼ l-ilma fis-sema. Meta Ġeħova jaqlibhom, huma jistgħu jferrgħu tant xita li t-trab isir tajn u ċ-ċapep taʼ tajn jagħqdu flimkien. Alla jistaʼ jipproduċi x-xita jew iżommha lura.—Ġakbu 5:17, 18.
Ix-xita spiss tkun akkumpanjata mis-sajjetti, imma l-bniedem ma jistax iġagħalhom iwettqu x-xewqat tiegħu. Is-sajjetti huma rappreżentati bħala li jirrapportaw lil Alla u jgħidu, “Arana, sejrin”! Compton’s Encyclopedia tgħid: “Is-sajjetti jipproduċu bidliet kimiċi kbar fl-atmosfera. Malli sajjetta tgħaddi minn ġo l-arja, din tiġġenera sħana tremenda li tgħaqqad in-nitroġenu u l-ossiġnu biex tifforma n-nitrati u komponenti oħra. Dawn il-komponenti jaqgħu fl-Art max-xita. B’dan il-mod, l-atmosfera tkun tistaʼ tkompli tgħin biex iġġedded in-nutrimenti li għandha bżonn il-ħamrija biex tipproduċi l-ħxejjex.” Il-bniedem għadu ma jifhimx għalkollox il-misteru tas-sajjetti, imma Alla iva.
Il-Meravilji tal-Ħolqien Iġibu Tifħir lil Alla
Il-meravilji tal-ħolqien tassew jeżaltaw lill-Ħallieq taʼ l-affarijiet kollha. (Rivelazzjoni 4:11) Min jaf kif baqaʼ impressjonat Ġob bil-kliem taʼ Ġeħova dwar l-art, il-pjaneti, u l-kwiekeb fl-ispazju!
Il-meravilji tal-ħolqien li għadna kif ikkunsidrajna m’humiex l-uniċi mistoqsijiet u deskrizzjonijiet preżentati lil Ġob. Madankollu, anki dawn li kkunsidrajna jqanqluna biex nesklamaw: “Alla hu hekk kbir li anqas nifhmuh”!—Ġob 36:26.
[Sorsi tal-Istampa f’paġna 14]
Borra: snowcrystals.net
[Sorsi tal-Istampi f’paġna 15]
Pleadi: NASA, ESA and AURA/Caltech; ħut: U.S. Fish & Wildlife Service, Washington, D.C./William W. Hartley