Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Alla Tagħna Jistaʼ Jeħlisna’

‘Alla Tagħna Jistaʼ Jeħlisna’

“Jeħtieġ li Aħna Nobdu lil Alla bħala Ħakkiem Iktar Milli lill-​Bnedmin”

‘Alla Tagħna Jistaʼ Jeħlisna’

L-​AVVENIMENT sar bl-​għan li jqanqal stagħġib kbir. Xbieha enormi tad-​deheb kienet inbniet fuq il-​wita taʼ Dura, milli jidher qrib il-​belt taʼ Babilonja. Ix-​xbieha kellha tiġi inawgurata waqt ċerimonja speċjali li fiha l-​uffiċjali għoljin li kienu se jattendu kienu mistennijin imilu quddiem ix-​xbieha mad-​daqq taʼ diversi strumenti mużikali. Nabukodonosor, is-​Sultan Babiloniż, kien ħareġ digriet li jekk xi ħadd ma jqimx ix-​xbieha kien se jmut ġo forn taʼ nar jaħraq iktar min-​normal. Min kien se jażżarda jonqos milli jobdi d-​digriet?

B’sorpriża għal dawk preżenti, tliet aduraturi taʼ Ġeħova li kellhom il-​biżaʼ t’Alla​—Sidrak, Mesak, u Għabednegu​—ma milux. Huma kienu jafu li jekk jagħmlu hekk kienu se jiksru d-​devozzjoni esklużiva tagħhom lejn Alla Ġeħova. (Dewteronomju 5:​8-​10) Meta ġew mitlubin jispjegaw il-​pożizzjoni soda tagħhom, huma bla biżaʼ wieġbu lil Nabukodonosor: “Jekk inhu tassew hekk, Alla tagħna, li aħna nqimu, jistaʼ jeħlisna minn idejk, O Sultan! U mqar jekk le, kun af, sultan, li allatek m’aħniex se naqduhom, u l-​istatwa tad-​deheb li int waqqaft m’aħniex se nqimuha.”​—Danjel 3:​17, 18.

Meta t-​tliet Ebrej ġew mitfugħin fil-​forn taʼ nar iħeġġeġ, miraklu biss setaʼ jsalvalhom ħajjithom. Alla bagħat anġlu biex jipproteġi lill-​qaddejja leali Tiegħu. Iżda huma kienu diġà għażlu li jirriskjaw ħajjithom minflok ma jonqsu li jobdu lil Ġeħova. a Il-​pożizzjoni tagħhom kienet tixbah lil dik taʼ l-​appostli taʼ Ġesù Kristu li, madwar sitt sekli wara, iddikjaraw quddiem il-​qorti għolja Lhudija: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-​bnedmin.”​—Atti 5:​29.

Lezzjonijiet Importanti Għalina

Sidrak, Mesak, u Għabednegu huma eżempji mill-​aqwa taʼ fidi, ubbidjenza, u lealtà. It-​tliet Ebrej poġġew fidi f’Ġeħova. Il-​kuxjenza tagħhom, imħarrġa minn fuq l-​Iskrittura, ma ħallithomx jipparteċipaw f’ebda att taʼ qima falza jew devozzjoni nazzjonalistika. Bl-​istess mod, il-​Kristjani taʼ żmienna jpoġġu fiduċja sħiħa fl-​Alla l-​veru. Huma jiġu gwidati mill-​kuxjenza tagħhom imħarrġa mill-​Bibbja u jirrifjutaw li jipparteċipaw f’atti taʼ qima falza jew ċerimonji li jiksru l-​liġijiet u l-​prinċipji t’Alla.

It-tliet Ebrej leali fdaw f’Ġeħova u rrifjutaw li jikkompromettu l-​ubbidjenza tagħhom lejh għal xi ħaġa li l-​Imperu Babiloniż offra, bħal rikonoxximent, pożizzjoni soċjali, jew glorja. Dawn l-​irġiel żgħażagħ kienu lesti jsofru u jmutu pjuttost milli jiksru r-​relazzjoni tagħhom m’Alla. Bħal Mosè, li għex qabilhom, huma ‘baqgħu sodi bħallikieku qed jaraw lil Dak li hu inviżibbli.’ (Ebrej 11:27) Kemm jekk Ġeħova jsalvahomx mill-​mewt jew le, it-​tlieta li huma kienu determinati li jżommu l-​integrità tagħhom lejh minflok ma jagħmlu kompromess biex isalvaw ħajjithom. B’mod evidenti, l-​appostlu Pawlu jirreferi għall-​eżempju tagħhom meta jsemmi l-​uħud leali li “rreżistew il-​forza tan-​nar.” (Ebrej 11:34) Fidi u ubbidjenza bħal dawn jintwerew mill-​qaddejja taʼ Ġeħova hekk kif jiffaċċjaw provi taʼ integrità fi żmienna.

Mill-esperjenza taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednegu, aħna nitgħallmu wkoll li Alla jippremja lil dawk leali lejh. Is-​salmista kanta: “Ġeħova . . . lill-​leali tiegħu ma jitlaqhomx.” (Salm 37:​28, NW) Illum ma nistgħux nistennew li Alla jsalvana b’mod mirakoluż, kif għamel mat-​tliet Ebrej. Madankollu, aħna nistgħu nibqgħu ċerti li Missierna tas-​sema se jgħinna fi kwalunkwe għawġ li nistgħu niffaċċjaw. Alla jistaʼ jneħħi l-​problema, jagħtina s-​saħħa biex inkampaw magħha, jew jirxoxtana jekk aħna nżommu l-​integrità tagħna sal-​mewt. (Salm 37:​10, 11, 29; Ġwanni 5:​28, 29) Il-​fidi, l-​ubbidjenza, u l-​lealtà jittrijonfaw kull darba li l-​integrità tagħna tiġi mġarrba u nagħżlu li nobdu lil Alla iktar milli lill-​bnedmin.

[Nota taʼ taħt]

a Ara t-​2006 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Lulju/Awissu.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]

KONT TAF?

• It-​tliet Ebrej kellhom qrib it-​tletin sena meta ffaċċjaw din il-​prova taʼ integrità.

• Milli jidher, il-​forn intgħamel jaħraq kemm jistaʼ jkun.​—Danjel 3:​19.