Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Iskribi tal-Qedem u l-Kelma t’Alla

L-Iskribi tal-Qedem u l-Kelma t’Alla

L-​Iskribi tal-​Qedem u l-​Kelma t’Alla

L-​ISKRITTURA Ebrajka tlestiet lejn l-​aħħar tal-​ħames seklu Q.E.K. Matul is-​sekli li ġew wara, studjużi Lhud, speċjalment is-​Soferim u iktar tard il-​Masoreti, kienu joqogħdu attenti ħafna li jippreservaw l-​eżattezza tat-​test Ebrajk. Madankollu, l-​eqdem kotba tal-​Bibbja jmorru lura għal żmien Mosè u Ġożwè, elf sena qabel iż-​żmien tas-​Soferim. Il-​materjal li fuqu nkitbu dawn il-​kotba kien jitmermer; għalhekk l-​iskrolli bilfors li ġew ikkopjati diversi drabi. X’nafu aħna dwar ix-​xogħol taʼ l-​iskribi f’dak il-​perijodu bikri? Kien hemm uħud li jikkopjaw bis-​sengħa f’Iżrael tal-​qedem?

L-eqdem manuskritti tal-​Bibbja disponibbli llum huma biċċiet mill-​Iskrolli tal-​Baħar il-​Mejjet, li wħud minnhom ġew ikkopjati lura fit-​tielet u fit-​tieni seklu Q.E.K. Il-​Professur Alan R. Millard, studjuż taʼ lingwi mil-​Lvant Qarib u taʼ l-​arkeoloġija, jispjega: “Kopji iktar bikrin taʼ kwalunkwe parti mill-​Bibbja m’humiex disponibbli.” Hu jżid: “Kulturi li huma simili jistgħu juru kif skribi tal-​qedem kienu jaħdmu, u għarfien bħal dan jistaʼ jgħin biex nikkalkulaw il-​valur u s-​sinifikat tat-​test Ebrajk u l-​istorja tiegħu.”

Il-​Bidu tax-​Xogħol taʼ l-​Iskribi

Erbat elef sena ilu kienu qed jinkitbu kitbiet storiċi, reliġjużi, legali, akkademiċi, u letterarji fil-​Mesopotamja. L-​iskejjel taʼ l-​iskribi ffjorixxew, u waħda mill-​kapaċitajiet li kienu jiġu mgħallmin kienet li jżommu qrib kemm jistaʼ jkun mat-​test meta jikkopjawh. Studjużi llum isibu biss bidliet żgħar ħafna fid-​dokumenti Babiloniżi li ġew ikkopjati darba wara l-​oħra għal elf sena jew iktar.

Ix-xogħol taʼ skriba ma kienx isir biss fil-​Mesopotamja. The Oxford Encyclopedia of Archaeology in the Near East tgħid: “Skriba Babiloniż li kien jgħix f’nofs it-​tieni millennju QEK x’aktarx li kien iħossu familjari mal-​metodi użati fi kwalunkwe wieħed miċ-​ċentri għall-​iskribi fil-​Mesopotamja, is-​Sirja, Kangħan, u anki l-​Eġittu.” a

Ix-xogħol taʼ skriba kellu stat speċjali fl-​Eġittu fi żmien Mosè. L-​iskribi kienu kontinwament jikkopjaw xogħlijiet taʼ letteratura. Din l-​attività tidher fit-​tiżjin taʼ l-​oqbra Eġizzjani li għandhom iktar minn erbat elef sena. L-​enċiklopedija li diġà kkwotajna minnha tgħid hekk dwar l-​iskribi tal-​qedem f’dan il-​perijodu bikri: “Sat-​tieni millennju QEK, kienu kkopjaw u ġabru ħafna xogħlijiet taʼ letteratura li spjegaw iċ-​ċivilizzazzjonijiet kbar tal-​Mesopotamja u l-​Eġittu u stabbilew ġabra taʼ regoli għax-​xogħol taʼ skriba.”

Din il-​“ġabra taʼ regoli” inkludiet l-​użu taʼ kolofoni miżjudin mat-​test prinċipali. Il-​kolofoni kien ikun fihom l-​ismijiet taʼ l-​iskriba u taʼ sid it-​tavla, id-​data, is-​sors taʼ l-​oriġinal li minnu ġiet ikkopjata t-​tavla, l-​għadd taʼ linji, u affarijiet bħal dawn. Spiss l-​iskriba kien iżid: “Skond l-​oriġinal, ġie miktub u ċċekkjat.” Dawn id-​dettalji juru li l-​iskribi tal-​qedem kienu konċernati dwar l-​eżattezza.

Il-Professur Millard, li ġie kwotat qabel, jgħid: ‘Wieħed jistaʼ jara li l-​iskribi kellhom metodu li fih xogħolhom kien jiġi ċċekkjat u koreġut, proċess li kellu metodi fissi biex jiġu evitati l-​iżbalji. Uħud minn dawn, partikolarment l-​għadd tal-​linji jew il-​kliem, kienu inklużi fost it-​tradizzjonijiet tal-​Masoreti fil-​bidu tal-​Medju Evu.’ Għalhekk, fi żmien Mosè u Ġożwè, diġà kien hemm drawwa favur il-​ħarsien u l-​eżattezza fil-​kitba taʼ xogħlijiet li diġà kienu jeżistu fil-​Lvant Nofsani.

L-Iżraelin ukoll kellhom skribi kwalifikati? X’juri dak li hemm fil-​Bibbja?

L-​Iskribi f’Iżrael tal-​Qedem

Mosè trabba bħala membru tad-​dar tal-​Fargħun. (Eżodu 2:​10; Atti 7:​21, 22) Skond dawk li jistudjaw dwar l-​Eġittu tal-​qedem, l-​edukazzjoni taʼ Mosè żgur li inkludiet is-​sengħa tal-​qari u l-​kitba skond is-​sistema tal-​kitba Eġizzjana u minn taʼ l-​inqas xi ftit mis-​snajjaʼ taʼ l-​iskribi. Fil-​ktieb tiegħu Israel in Egypt, il-​Professur James K. Hoffmeier jgħid: “Hemm evidenza li tappoġġa t-​tradizzjoni biblika li tgħid li Mosè kellu l-​abbiltà li jniżżel ġrajjiet bil-​miktub, jiġbor informazzjoni dwar vjaġġi, u attivitajiet oħrajn li kienu jagħmlu l-​iskribi.” b

Il-Bibbja tirreferi għal oħrajn f’Iżrael tal-​qedem li kellhom is-​sengħa taʼ skriba. Skond The Cambridge History of the Bible, Mosè “ħatar uffiċjali li kienu jafu jaqraw u jiktbu . . . biex iniżżlu deċiżjonijiet bil-​miktub u biex iżommu rekord tan-​nies bl-​ordni.” Din il-​konklużjoni hija bbażata fuq Dewteronomju 1:​15, li jgħid: “Għalhekk [jien, Mosè] ħadt il-​prinċpijiet tat-​tribujiet tagħkom . . . u qegħedthom kapijiet fuqkom, kapijiet taʼ l-​eluf u kapijiet tal-​mijiet, kapijiet tal-​ħamsinijiet, u kapijiet taʼ l-​għaxriet u uffiċjali oħra għat-​tribujiet tagħkom.” Min kienu dawn l-​uffiċjali?

Il-kelma Ebrajka għal “uffiċjal” tidher diversi drabi fil-​Bibbja b’referenza għal żmien Mosè u Ġożwè. Diversi studjużi jispjegaw li din il-​kelma tfisser “segretarju li jżomm rekord,” “wieħed li ‘jikteb’ jew ‘jiddokumenta,’” u “uffiċjal li kien jassisti l-​imħallef f’xogħol taʼ segretarju.” Il-​fatt li din il-​kelma Ebrajka tidher diversi drabi jindika li ammont kbir mhux ħażin taʼ dawn is-​segretarji kien jeżisti f’Iżrael u dawn l-​uħud kellhom diversi responsabbiltajiet fl-​amministrazzjoni bikrija tal-​ġens.

It-tielet eżempju jikkonċerna l-​qassisin taʼ Iżrael. L-​Encyclopaedia Judaica tgħid li l-​“funzjonijiet reliġjużi u sekulari tagħhom għamluh neċessarju li jkunu jafu jaqraw u jiktbu.” Per eżempju, Mosè kkmanda lil ulied Levi: “Fi tmiem kull sebaʼ snin, . . . taqra din il-​liġi quddiem Iżrael kollu.” Il-​qassisin saru dawk l-​uħud li ħadu ħsieb il-​kopja uffiċjali tal-​Liġi. Huma awtorizzaw u ħarsu l-​kitba taʼ kopji oħrajn.​—Dewteronomju 17:​18, 19; 31:​10, 11.

Ikkunsidra kif saret l-​ewwel kopja tal-​Liġi. Matul l-​aħħar xahar taʼ ħajtu, Mosè qal lill-​Iżraelin: “Meta taqsmu x-​xmara tal-​Ġordan għall-​art li se jagħtik il-​Mulej, Alla tiegħek, inti twaqqaf ġebel kbir, u tkaħħlu bil-​ġir, u tikteb fuqu l-​kliem taʼ din il-​liġi.” (Dewteronomju 27:​1-4) Wara l-​qerda taʼ Ġeriko u Għaj, l-​Iżraelin inġabru ħdejn il-​Muntanja Għebal, f’nofs l-​Art Imwiegħda. Hemmhekk Ġożwè tabilħaqq kiteb kopja “tal-​liġi taʼ Mosè” fuq il-​ġebel t’artal. (Ġożwè 8:​30-​32) Dawn l-​iskrizzjonijiet setgħu jeżistu biss għax kien hemm min kien jaf jaqra u jikteb. Dan jindika li l-​Iżraelin tal-​bidu kellhom il-​kapaċità u s-​sengħa li jippreservaw it-​testi sagri tagħhom b’eżattezza.

L-​Eżattezza taʼ l-​Iskrittura

Wara żmien Mosè u Ġożwè, inkitbu diversi skrolli oħrajn bl-​Ebrajk, u saru kopji tagħhom miktubin bl-​idejn. Hekk kif dawn il-​kopji ddeterjoraw jew ġarrbu l-​ħsara minħabba l-​effetti taʼ l-​umdità jew il-​moffa, imbagħad kellhom isiru kopji ġodda. Dan il-​proċess taʼ kkopjar dam għaddej għal sekli sħaħ.

Minkejja l-​attenzjoni kbira taʼ dawk li kkopjaw il-​Bibbja, xi żbalji ma setgħux jiġu evitati milli jidħlu fit-​test. Imma l-​iżbalji taʼ dawn l-​uħud bidlu b’mod sinifikanti t-​test tal-​Bibbja? Le. Meta tqis kollox, dawn l-​iżbalji huma insinifikanti u ma jeffettwawx l-​eżattezza tal-​Bibbja b’mod ġenerali, kif ġie provat minn eżaminar taʼ manuskritti tal-​qedem.

Għall-Kristjani, il-​ħarsa taʼ Ġesù Kristu lejn il-​kotba Bibliċi tal-​bidu tikkonferma l-​eżattezza tal-​kitba fl-​Iskrittura Mqaddsa. Espressjonijiet bħal “Ma qrajtux fil-​ktieb taʼ Mosè?” u “Mhux Mosè takom il-​Liġi?” juru li Ġesù kkunsidra l-​kopji miktubin bl-​idejn li kienu disponibbli meta hu kien fuq l-​art bħala li kienu taʼ min joqgħod fuqhom. (Marku 12:26; Ġwanni 7:​19) Iktar minn hekk, Ġesù kkonferma l-​integrità taʼ l-​Iskrittura Ebrajka kollha kemm hi meta qal: “Kulma hemm miktub dwari fil-​liġi taʼ Mosè u fil-​Profeti u fis-​Salmi jrid jitwettaq.”​—Luqa 24:44.

Għalhekk, għandna raġuni tajba għala nistgħu nkunu fiduċjużi li l-​Iskrittura Mqaddsa ġiet mgħoddija b’eżattezza minn żmien il-​qedem. Huwa eżatt kif qal il-​profeta Isaija ispirat minn Alla: “Il-​ħaxix jinxef, u l-​ward jidbiel, iżda l-​kelma tal-​Mulej tibqaʼ għal dejjem.”​—Isaija 40:8.

[Noti taʼ taħt]

a Ġożwè, li kien jgħix f’nofs it-​tieni millennju Q.E.K., isemmi belt Kangħanija msejħa Kirjat-sefer, li tfisser “Belt tal-​Ktieb” jew “Belt taʼ l-​Iskriba.”​—Ġożwè 15:​15, 16.

b Hemm referenzi għall-​fatt li Mosè niżżel bil-​miktub affarijiet legali f’Eżodu 24:​4, 7; 34:​27, 28; u f’Dewteronomju 31:​24-​26. F’Dewteronomju 31:22 naqraw li niżżel għanja bil-​miktub, u f’Numri 33:2 hemm referenza għad-​dokument li għamel dwar ir-​rotta li ħadu fix-​xagħri.

[Stampa f’paġna 18]

Skriba Eġizzjan fuq xogħlu

[Stampa f’paġna 19]

L-​eqdem kotba tal-​Bibbja jmorru lura sa żmien Mosè