L-Għerf taʼ Ġeħova Jidher fil-Ħolqien
“Il-kwalitajiet inviżibbli tiegħu . . . jintgħarfu mill-affarijiet li nħolqu.”—RUM. 1:20.
1. Illum liema effett għandu l-għerf tad-dinja fuq ħafna nies?
IL-KELMA “għerf” tintuża spiss u kultant għal nies li ma jistħoqqilhomx. Xi wħud jgħidu li individwu huwa għaref jekk sempliċement ikun akkumula ħafna għarfien. Madankollu, l-hekk imsejħin intellettwali tad-dinja ma joffru ebda gwida taʼ min jafdaha sabiex jinstab is-sinifikat veru tal-ħajja. Għal kuntrarju, dawk li jħallu lilhom infushom jiġu influwenzati minn uħud bħal dawn jispiċċaw “mitfugħin ’l hemm u ’l hawn qisu mill-mewġ u mtajrin minn kull riħ taʼ tagħlim.”—Efes. 4:14.
2, 3. (a) Għala Ġeħova “biss hu għaref”? (b) L-għerf t’Alla kif inhu differenti mill-għerf tad-dinja?
2 Kemm hu differenti dan għal dawk li jiksbu l-għerf veru, li s-Sors tiegħu hu Alla Ġeħova! Il-Bibbja tgħidilna li Ġeħova “biss hu għaref.” (Rum. 16:27) Hu jaf dak kollu li hemm xi tkun taf dwar l-univers, inkluż il-mod kif inhu magħmul u l-istorja tiegħu. Il-liġijiet fiżiċi tan-natura—li n-nies jistrieħu fuqhom għar-riċerka tagħhom—huma kollha magħmulin minn Ġeħova. B’hekk, hu ma jimpressjonax ruħu mill-invenzjonijiet tal-bniedem, u ma jaffaxxinax ruħu mill-hekk imsejħa opinjoni superjuri tal-filosofija tal-bniedem. “L-għerf taʼ din id-dinja hu bluha għal Alla.”—1 Kor. 3:19.
3 Il-Bibbja tgħidilna li Ġeħova “jagħti l-għerf” lill-qaddejja tiegħu. (Prov. 2:6) Kuntrarju għall-filosofiji tal-bniedem, l-għerf li jiġi minn Alla m’huwiex vag. Minflok, ipoġġi l-enfasi fuq id-dehen u huwa bbażat fuq l-għarfien eżatt u l-abbiltà li wieħed jifhem. (Aqra Ġakbu 3:17.) L-appostlu Pawlu baqaʼ mbellah bl-għerf taʼ Ġeħova. Hu kiteb: “O kemm huma profondi r-rikkezzi u l-għerf u l-għarfien t’Alla! Kemm ma jistgħux jinkixfu l-ġudizzji tiegħu, u kemm huma bla tarf triqatu!” (Rum. 11:33) Minħabba li Ġeħova huwa l-iktar wieħed għaref, aħna fiduċjużi li l-liġijiet tiegħu jiggwidawna lejn l-aqwa mod taʼ ħajja. Wara kollox, Ġeħova jaf iktar minn kwalunkwe wieħed minna dak li għandna bżonn sabiex inkunu henjin.—Prov. 3:5, 6.
Ġesù—“Ħaddiem tas-Sengħa”
4. X’inhu mod wieħed kif nistgħu naraw l-għerf taʼ Ġeħova?
4 L-għerf taʼ Ġeħova, flimkien mal-kwalitajiet mill-aqwa tiegħu, jistaʼ jidher fl-affarijiet li għamel. (Aqra Rumani 1:20.) Mill-akbar ħaġa sa l-iżgħar ħaġa, l-għemejjel taʼ Ġeħova jirrivelaw aspetti tal-personalità tiegħu. Inħarsu fejn inħarsu—’il fuq lejn is-smewwiet jew lejn il-ħamrija taħt saqajna—insibu evidenza abbundanti li hemm Ħallieq li hu mimli għerf u mħabba. Nistgħu nitgħallmu ħafna dwaru billi nikkunsidraw l-affarijiet li għamel.—Salm 19:1; Is. 40:26.
5, 6. (a) Minbarra Ġeħova, min kien involut fil-ħolqien? (b) X’se nikkunsidraw, u għala?
5 Ġeħova ma kienx waħdu meta “ħalaq is-smewwiet u l-art.” (Ġen. 1:1) Il-Bibbja turi li ħafna qabel ma nbeda l-ħolqien taʼ l-affarijiet fiżiċi, hu ħalaq individwu spirtu li permezz tiegħu ġew ifformati “l-affarijiet l-oħrajn kollha.” Dan l-individwu spirtu kien l-Iben uniġenitu t’Alla—“l-ewwel imwieled mill-ħolqien kollu”—li iktar tard għex fuq l-art bħala l-bniedem Ġesù. (Kol. 1:15-17) Bħal Ġeħova, Ġesù għandu l-għerf. Fil-fatt, fi Proverbji kapitlu 8, hu rappreżentat bħala l-għerf personifikat. Dan il-kapitlu fil-Bibbja jirreferi wkoll għal Ġesù bħala l-“ħaddiem tas-sengħa” t’Alla.—Prov. 8:12, 22-31.
6 B’hekk, il-ħolqien fiżiku jirrivela l-għerf kemm taʼ Ġeħova u kemm taʼ Ġesù, il-Ħaddiem tas-Sengħa tiegħu. Fih lezzjonijiet taʼ valur għalina. Ejja nikkunsidraw erbaʼ eżempji t’affarijiet maħluqin li fi Proverbji 30:24-28 huma deskritti bħala “għorrief bl-istint.” a
Lezzjoni fil-Bżulija
7, 8. Liema fatti dwar in-nemla jaffaxxinawk?
7 Meta neżaminaw id-disinn u l-attivitajiet tagħhom, anki l-affarijiet li huma msejħin “l-iżgħar affarijiet fuq l-art” jipprovdu lezzjonijiet għalina. Per eżempju, ikkunsidra l-għerf bl-istint li għandha n-nemla.—Aqra Proverbji 30:24, 25.
8 Xi riċerkaturi jemmnu li għal kull bniedem hemm minn taʼ l-inqas 200,000 nemla, u lkoll kemm huma jkunu beżlin jaħdmu fuq u taħt il-wiċċ taʼ l-art. In-nemel huwa organizzat f’kolonji, u f’ħafna mill-kolonji jistgħu jinstabu tliet tipi taʼ nemel: irġejjen, irġiel, u ħaddiema. Kull grupp jikkontribwixxi bil-mod tiegħu biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-kolonja. Nemla waħda partikulari, in-nemla li tqattaʼ l-weraq u li tinsab l-Amerika t’Isfel, tistaʼ tissejjaħ ġardinar tas-sengħa. Dan l-insett żgħir jiffertilizza, jittrapjanta, u jiżbor il-ġonna tiegħu tal-fungu b’tali mod li jipproduċi l-iktar ammont taʼ ikel possibbli. Ir-riċerkaturi sabu li dan il-“ġardinar” tas-sengħa jaġġusta l-isforzi tiegħu skond l-ammont taʼ ikel li jkollha bżonn il-kolonja. b
9, 10. Kif nistgħu nimitaw il-bżulija tan-nemla?
9 Hemm x’nitgħallmu min-nemel. Jgħallmuna li hu meħtieġ sforz diliġenti jekk nixtiequ nipproduċu riżultati tajbin. Il-Bibbja tgħidilna: “Mur għand in-nemla, ja għażżien; innota drawwietha u sir għaref. Għalkemm m’għandha l-ebda kmandant, uffiċjal jew ħakkiem, hi tipprepara l-ikel tagħha fis-sajf; tiġbor il-provvisti taʼ l-ikel fil-ħsad.” (Prov. 6:6-8) Kemm Ġeħova u kemm Ġesù, il-Ħaddiem tas-Sengħa tiegħu, huma beżlin. “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa,” qal Ġesù, “u jien nibqaʼ naħdem.”—Ġw. 5:17.
10 Bħala imitaturi t’Alla u taʼ Kristu, aħna wkoll għandna nkunu beżlin. Hu x’inhu l-inkarigu tagħna fl-organizzazzjoni t’Alla, ilkoll kemm aħna għandu jkollna ‘ħafna x’nagħmlu fix-xogħol tal-Mulej.’ (1 Kor. 15:58) Għalhekk, nagħmlu tajjeb li nsegwu t-twissija li ta Pawlu lill-Kristjani f’Ruma: “Titnikkrux f’xogħolkom. Kunu mħeġġin bl-ispirtu. Tjassru għal Ġeħova.” (Rum. 12:11) L-isforzi tagħna biex nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova m’humiex għalxejn, għax il-Bibbja tassigurana: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-imħabba li wrejtu għal ismu.”—Ebr. 6:10.
Protezzjoni mill-Ħsara Spiritwali
11. Iddeskrivi xi karatteristiki tal-fenek tax-xagħri.
11 Il-fenek tax-xagħri huwa annimal relattivament żgħir ieħor li jistaʼ jgħallimna lezzjonijiet importanti. (Aqra Proverbji 30:26.) Jixbah kemxejn lil fenek kbir imma għandu widnejn qosra ġejjin għat-tond u saqajn qosra. Dan l-annimal żgħir jgħix fi nħawi bil-blat. Il-vista tajba tal-fenek tax-xagħri tgħinu ħafna, u l-ħofor u x-xquq fil-postijiet kollhom blat fejn jgħix jipprovdu post taʼ sigurtà mill-predaturi. Il-fenek tax-xagħri huwa disinjat biex jgħix f’komunità magħquda, li tipprovdi protezzjoni u tgħinu ma jħossx bard fix-xitwa. c
12, 13. Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mill-fenek tax-xagħri?
12 X’nistgħu nitgħallmu mill-fenek tax-xagħri? L-ewwel, innota li dan l-annimal ma jħallix lilu nnifsu vulnerabbli għall-attakk. Minflok, hu jieħu vantaġġ mill-vista tajba tiegħu biex jara l-predaturi mill-bogħod, u joqgħod viċin il-ħofor u x-xquq li jistgħu jipprovdu kenn biex isalva ħajtu. B’mod simili, jeħtieġ li jkollna vista spiritwali ċara sabiex inkunu nistgħu naraw il-perikli li hemm fid-dinja taʼ Satana. L-appostlu Pietru wissa lill-Kristjani: “Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa. L-avversarju tagħkom, ix-Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Pt. 5:8) Meta kien fuq l-art, Ġesù baqaʼ għassa, attent għal kull tentattiv li għamel Satana biex ikissirlu l-integrità. (Mt. 4:1-11) Ġesù ħalla eżempju tajjeb għas-segwaċi tiegħu!
13 Mod wieħed kif nistgħu noqogħdu għassa hu li nieħdu vantaġġ mill-protezzjoni spiritwali li Ġeħova jagħmel disponibbli għalina. L-istudju tal-Kelma t’Alla u l-attendenza għal-laqgħat Kristjani m’għandhomx jiġu traskurati. (Lq. 4:4; Ebr. 10:24, 25) Barra minn hekk, bħalma l-fenek tax-xagħri jirnexxilu jibqaʼ ħaj f’komunità magħquda, aħna jeħtieġ li nibqgħu qrib sħabna l-Kristjani sabiex inkunu nistgħu “ninkuraġġixxu lil xulxin.” (Rum. 1:12) Billi nieħdu vantaġġ mill-protezzjoni li jipprovdi Ġeħova nkunu qed nuru li naqblu mas-salmista David, li kiteb: “Ġeħova hu l-blat għoli u l-fortizza tiegħi u Dak li jħarrabni. Alla tiegħi hu l-blata tiegħi. Fih se nistkenn.”—Salm 18:2.
Nipperseveraw Minkejja l-Oppożizzjoni
14. Għalkemm ġurat wieħed għandu mnejn m’huwiex impressjonanti, x’jistaʼ jingħad dwar qatgħa ġurati?
14 Nistgħu nitgħallmu wkoll mill-ġurat. Ġurat wieħed, li hu twil madwar 5 ċentimetri biss, forsi ma tantx iqanqal stagħġib, imma qatgħa ġurati flimkien żgur li tgħaġġbek. (Aqra Proverbji 30:27.) Magħrufin għall-aptit kbir tagħhom, qatgħa minn dawn l-insetti persistenti malajr tistaʼ tħarbat għalqa li tkun lesta għall-ħsad. Il-Bibbja tqabbel il-ħoss taʼ qatgħa insetti riesqa, inkluż il-ġurati, mal-ħoss ikarwat taʼ karrijiet u maċ-ċaqċiq taʼ fjammi li jikkonsmaw it-tiben. (Ġoel 2:3, 5) Il-bniedem ġieli qabbad in-nar biex iwaqqaf qatgħa ġurati milli tavanza, imma ġeneralment dan ikun kollu għalxejn. Għala? L-iġsma tal-ġurati mejtin jitfu l-fjammi, imbagħad il-bqija tal-qatgħa ġurati tibqaʼ għaddejja mingħajr tfixkil. Anki mingħajr sultan jew mexxej, qatgħa ġurati taħdem bħala armata organizzata sew, u jegħlbu tistaʼ tgħid kull ostaklu. d—Ġoel 2:25.
15, 16. Il-proklamaturi tas-Saltna fi żmienna kif inhuma bħal qatgħa ġurati?
15 Il-profeta Ġoel qabbel l-attività tal-qaddejja taʼ Ġeħova maʼ l-azzjonijiet tal-ġurati. Hu kiteb: “Bħal irġiel setgħanin jiġru. Bħal gwerriera jitilgħu maʼ sur. U jmorru kull wieħed fi triqatu stess, u ma jbiddlux il-mogħdijiet tagħhom. U ma jimbottawx lil xulxin. Bħal raġel b’saħħtu fi triqtu, jibqgħu sejrin; u jekk xi wħud jaqgħu saħansitra qalb il-vleġeġ, l-oħrajn ma jwarrbux minn triqithom.”—Ġoel 2:7, 8.
16 Kemm tiddeskrivihom tajjeb din il-profezija lill-proklamaturi tas-Saltna t’Alla fi żmienna! Ebda “sur” t’oppożizzjoni ma kellu l-ħila jwaqqaf l-ippridkar tagħhom. Minflok, huma jimitaw lil Ġesù, li ppersista biex jagħmel ir-rieda t’Alla minkejja li kien mibgħud minn ħafna. (Is. 53:3) Veru, xi Kristjani ‘waqgħu qalb il-vleġeġ’ billi ngħataw il-mewt bħala martri minħabba l-fidi tagħhom. Xorta waħda, ix-xogħol taʼ l-ippridkar baqaʼ sejjer, u l-għadd taʼ proklamaturi tas-Saltna jibqaʼ jiżdied. Fil-fatt, il-persekuzzjoni ħafna drabi serviet biex l-aħbar tajba tasal għand nies li ma kinux jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna kieku ma ġarax hekk. (Atti 8:1, 4) Fil-ministeru persunali tiegħek, urejt int perseveranza bħal dik taʼ ġurat—saħansitra meta ffaċċjajt indifferenza u oppożizzjoni?—Ebr. 10:39.
“Żommu Sod maʼ Dak li Hu Tajjeb”
17. Saqajn il-wiżgħa għala jżommu maʼ wiċċ lixx?
17 Daqsxejn taʼ wiżgħa tidher li tisfida l-gravità. (Aqra Proverbji 30:28.) Fil-fatt, ix-xjenzati jistagħġbu bl-abbiltà taʼ din in-naqra taʼ ħlejqa li titlaʼ tiġri mal-ħitan u saħansitra taqsam min-naħa għall-oħra taʼ soqfa lixxi mingħajr ma taqaʼ. Il-wiżgħa kif jirnexxilha tagħmlu dan? Is-sigriet m’huwiex li għandha xi ħaġa li tgħinha teħel maʼ kwalunkwe wiċċ jew li għandha xi tip taʼ kolla. Minflok, kull wieħed mis-swabaʼ tal-wiżgħa għandu bħal kuxxinett b’ħafna linji li fihom eluf taʼ xagħar ħerġin ’il barra. Min-naħa l-oħra, kull waħda minn dawn ix-xagħriet fiha mijiet taʼ fibri li t-tarf tagħhom hu forma taʼ plattina. Il-forza taʼ bejn il-molekuli taʼ kull waħda minn dawn il-fibri hija biżżejjed biex tiflaħ iktar mill-piż tal-wiżgħa—anki meta tkun qed tiġri rasha ’l isfel maʼ xi wiċċ tal-ħġieġ! Meraviljati mill-abbiltà tal-wiżgħa, ir-riċerkaturi jgħidu li materjal sintetiku li sar b’imitazzjoni tas-saqajn tal-wiżgħa jistaʼ jintuża bħala kolla b’saħħitha. e
18. Kif nistgħu naċċertaw ruħna li dejjem ‘inżommu sod maʼ dak li hu tajjeb’?
18 X’nistgħu nitgħallmu mill-wiżgħa? Il-Bibbja twissina: “Stmerru dak li hu ħażin, żommu sod maʼ dak li hu tajjeb.” (Rum. 12:9) L-influwenzi ħżiena li huma mifruxin fid-dinja taʼ Satana jistgħu jġegħluna nitilfu l-qabda soda li jkollna mal-prinċipji t’Alla. Per eżempju, sħubija maʼ dawk li ma jżommux mal-liġijiet t’Alla—sew jekk fl-iskola u sew jekk ix-xogħol jew permezz taʼ xi divertiment li ma jogħġobx lil Alla—tistaʼ teffettwa d-determinazzjoni tagħna biex nagħmlu dak li hu tajjeb. Tħallix li jiġrilek hekk! Il-Kelma t’Alla twissi: “Issirx għaref f’għajnejk stess.” (Prov. 3:7) Minflok, segwi l-parir għaqli li Mosè ta lill-poplu t’Alla fil-qedem: “Minn Ġeħova Alla tiegħek għandek tibżaʼ. Lilu għandek taqdi, u miegħu għandek tintrabat.” (Dt. 10:20) Billi nintrabtu maʼ Ġeħova nkunu qed nimitaw lil Ġesù, li dwaru ntqal: “Int ħabbejt il-ġustizzja, u bgħadt il-ksur tal-liġi.”—Ebr. 1:9.
Lezzjonijiet mill-Ħolqien
19. (a) Liema kwalitajiet taʼ Ġeħova tara int fil-ħolqien? (b) L-għerf divin kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalina?
19 Bħalma rajna, il-kwalitajiet taʼ Ġeħova jidhru ċar fl-affarijiet li għamel, u l-ħolqien tiegħu jipprovdi wkoll lezzjonijiet taʼ valur għalina. Iktar ma niskopru dwar l-għemejjel taʼ Ġeħova, iktar se nibqgħu mistagħġbin b’għerfu. Jekk nagħtu attenzjoni għall-għerf divin, il-ferħ tagħna se jiżdied issa u se niġu mħarsin fiż-żminijiet li ġejjin. (Ekk. 7:12) Iva, se nesperjenzaw personalment kemm hi vera l-assiguranza li nsibu fi Proverbji 3:13, 18, li jgħid: “Hieni l-bniedem li sab l-għerf, u l-bniedem li jikseb id-dixxerniment. Huwa siġra tal-ħajja għal dawk li jaqbdu miegħu, u dawk li jibqgħu jżommuh sod jissejħu henjin.”
[Noti taʼ taħt]
a Iż-żgħar b’mod partikulari għandhom mnejn jieħdu pjaċir ifittxu r-referenzi fin-noti taʼ taħt li ġejjin u mbagħad jikkummentaw fuq ir-riċerka tagħhom meta dan l-artiklu jiġi diskuss fl-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa tal-kongregazzjoni.
b Għal iktar informazzjoni fuq in-nemla li tqattaʼ l-weraq, ara l-ħarġiet taʼ Stenbaħ! taʼ Jannar-Marzu, 1997, paġna 31 u tat-8 taʼ Ġunju, 2002, paġna 25.
c Għal iktar informazzjoni dwar il-fenek tax-xagħri, ara l-Awake! tat-8 taʼ Settembru, 1990, paġni 15-16.
d Għal iktar informazzjoni dwar il-ġurat, ara l-Awake! tat-22 t’Ottubru, 1976, paġna 11.
e Għal xi informazzjoni dwar il-wiżgħa, ara l-Awake! t’April 2008, paġna 26.
Tiftakar Int?
Liema lezzjonijiet prattiċi nitgħallmu . . .
• min-nemla?
• mill-fenek tax-xagħri?
• mill-ġurat?
• mill-wiżgħa?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 16]
Bieżel int bħan-nemla li tqattaʼ l-weraq?
[Stampi f’paġna 17]
Il-fenek tax-xagħri jsib protezzjoni f’komunità magħquda. Tagħmel l-istess int?
[Stampi f’paġna 18]
Bħall-ġurati, il-ministri Kristjani juru perseveranza
[Stampa f’paġna 18]
Bħalma l-wiżgħa żżomm sod maʼ l-uċuħ, il-Kristjani jżommu sod maʼ dak li hu tajjeb
[Sors]
Stockbyte/Getty Images