Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Integrità Tiegħek Tferraħ Qalb Ġeħova

L-Integrità Tiegħek Tferraħ Qalb Ġeħova

“Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.”—PROV. 27:11.

1, 2. (a) Il-​ktieb taʼ Ġob jiddeskrivi liema sfida li qajjem Satana? (b) Kif nafu li Satana baqaʼ jgħajjar lil Ġeħova wara li miet Ġob?

 ĠEĦOVA ħalla lil Satana jġarrab l-​integrità taʼ Ġob, il-​qaddej leali t’Alla. Minħabba f’hekk, Ġob tilef l-​imrieħel tiegħu, lil uliedu, u saħħtu. Imma meta Satana sfida l-​integrità taʼ Ġob, hu ma kellux biss lir-​raġel Ġob f’moħħu. “Ġild għal ġild, u raġel jagħti kulma jkollu għal ruħu,” sostna Satana. Din l-​isfida qajmet kwistjoni li involviet mhux biss lil Ġob imma lil oħrajn ukoll, u baqgħet sejra sa ħafna wara li miet.—Ġob 2:4.

2 Madwar 600 sena wara l-​provi taʼ Ġob, Salamun ġie ispirat jikteb: “Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.” (Prov. 27:11) Jidher ċar li dak iż-​żmien Satana kien għadu jisfida lil Ġeħova. Iktar minn hekk, f’viżjoni li ngħata l-​appostlu Ġwanni, Satana kien qed jidher jakkuża lill-​qaddejja t’Alla wara li tkeċċa mis-​sema xi ftit taż-​żmien wara li ġiet stabbilita s-​Saltna t’Alla fl-​1914. Iva, anki llum, li qegħdin fl-​aħħarnett taʼ din is-​sistema mill-​agħar, Satana għadu qed jisfida l-​integrità tal-​qaddejja t’Alla!—Riv. 12:10.

3. Liema lezzjonijiet imprezzabbli nistgħu nitgħallmu mill-​ktieb taʼ Ġob?

3 Mela kkunsidra tlieta mil-​lezzjonijiet importanti li nitgħallmu mill-​ktieb taʼ Ġob. L-​ewwel, il-​provi taʼ Ġob jgħinuna naraw min hu l-​għadu veru taʼ l-​umanità u s-​sors taʼ l-​oppożizzjoni kontra l-​poplu t’Alla. Dan l-​għadu huwa Satana x-​Xitan. It-​tieni, minkejja kwalunkwe provi li nistgħu niltaqgħu magħhom, jekk ikollna relazzjoni mill-​qrib m’Alla se nkunu nistgħu nżommu l-​integrità tagħna. Il-​tielet, meta jinqalgħu l-​provi u niġu mġarrbin b’xi mod, Alla jappoġġana eżatt bħalma għamel lil Ġob. Illum, Ġeħova jagħmel dan permezz tal-​Kelma tiegħu, l-​organizzazzjoni tiegħu, u l-​ispirtu qaddis tiegħu.

Żomm f’Moħħok Min Hu l-​Għadu Veru

4. Min jaħti għall-​kundizzjonijiet tad-​dinja taʼ llum?

4 Ħafna ma jemmnux li Satana jeżisti. B’hekk, għalkemm għandhom mnejn ikunu mħassbin minħabba l-​kundizzjonijiet tad-​dinja, huma ma jagħrfux x’inhu l-​kaġun veru—Satana x-​Xitan. Veru, il-​bniedem hu responsabbli għal ħafna mill-​gwajijiet taʼ l-​umanità. L-​ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, għażlu li jkunu indipendenti mill-​Ħallieq tagħhom. U minn dakinhar ’il quddiem, il-​ġenerazzjonijiet li ġew wara aġixxew verament mingħajr għaqal. Madankollu, kien ix-​Xitan li qarraq b’Eva u li ġegħelha tirribella kontra Alla. Hu l-​wieħed li żviluppa, fost umanità imperfetta li qed tmut, sistema dinjija li qiegħda fil-​kontroll tiegħu. Minħabba li Satana huwa “l-​alla taʼ din is-​sistema,” is-​soċjetà umana turi l-​istess karatteristiki bażiċi li juri hu—kburija, spirtu ġellied, għira, regħba, qerq, u ribelljoni. (2 Kor. 4:4; 1 Tim. 2:14; 3:6; aqra Ġakbu 3:14, 15.) Karatteristiki bħal dawn wasslu għal konflitti politiċi u reliġjużi, mibegħda, korruzzjoni, u diżordni, li jikkontribwixxu ħafna għall-​miżerja taʼ l-​umanità.

5. X’nixtiequ nagħmlu bl-​għarfien prezzjuż li għandna?

5 X’għarfien prezzjuż għandna bħala qaddejja taʼ Ġeħova! Iva, aħna nafu min jaħti għall-​kundizzjonijiet tad-​dinja li dejjem qed jeħżienu. Mela, ma nħossuniex aħna mqanqlin biex nieħdu sehem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa sabiex ninformaw lin-​nies dwar l-​identità tal-​perċimes taʼ l-​inkwiet? U m’aħniex aħna ferħanin li ħadna l-​waqfa favur Ġeħova, l-​Alla l-​veru, u li nispjegaw lil oħrajn kif hu se jtemm lil Satana u l-​gwajijiet taʼ l-​umanità?

6, 7. (a) Min hu responsabbli għall-​persekuzzjoni fuq l-​aduraturi veri? (b) Kif nistgħu nimitaw l-​eżempju t’Eliħu tal-​qedem?

6 Satana huwa responsabbli mhux biss għal ħafna minn niket tad-​dinja imma wkoll għall-​oppożizzjoni li jesperjenza l-​poplu t’Alla. Hu determinat li jġarrabna. Ġesù Kristu qal lill-​appostlu Pietru: “Xmun, Xmun, ara! Satana riedkom f’idejh biex jgħarbilkom bħal qamħ.” (Lq. 22:31) B’mod simili, kull wieħed minna li jsegwi l-​passi taʼ Ġesù se jesperjenza l-​provi b’xi mod jew ieħor. Pietru qabbel lix-​Xitan maʼ “ljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” U Pawlu qal: “Kulmin jixtieq jgħix bid-​devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll.”—1 Pt. 5:8; 2 Tim. 3:12.

7 Kif nistgħu nuru li nżommu f’moħħna min hu l-​għadu veru meta ħu jew oħt jintlaqtu minn xi traġedja? Minflok ma ninqatgħu mill-​ħu li jkun ġie effettwat, aħna naġixxu bħal Eliħu tal-​qedem, li kellem lil Ġob bħala ħabib veru. Aħna nappoġġaw lil ħuna li jkun qed jissielet kontra Satana, l-​għadu komuni tagħna. (Prov. 3:27; 1 Tess. 5:25) Il-​mira tagħna hi li ngħinu lill-​qaddej seħibna biex iżomm l-​integrità tiegħu, jiġri x’jiġri, u b’hekk iferraħ qalb Ġeħova.

8. Satana għala ma rnexxilux iwaqqaf lil Ġob milli jonora lil Ġeħova?

8 L-​ewwel ħaġa li Satana ġiegħel lil Ġob jitlef kienet l-​imrieħel tiegħu. Dawk l-​annimali kienu prezzjużi, wisq probabbli l-​mezz t’għajxien tiegħu. Imma Ġob użahom ukoll għall-​qima. Wara li Ġob kien iqaddes lil uliedu, hu “kien iqum kmieni fil-​għodu u joffri sagrifiċċji tal-​ħruq skond l-​għadd tagħhom kollha; għax Ġob kien jgħid, ‘forsi wliedi dinbu u seħtu lil Alla f’qalbhom.’ Hekk kien jagħmel Ġob dejjem.” (Ġob 1:4, 5) B’hekk, Ġob kien joffri bħala sagrifiċċju annimali lil Ġeħova fuq bażi regulari. Meta bdew il-​provi, dan ma kienx iktar possibbli. Ġob ma kellux iktar “affarijiet prezzjużi” li bihom setaʼ jonora lil Ġeħova. (Prov. 3:9) Imma hu setaʼ jonora lil Ġeħova b’xofftejh—u fil-​fatt hekk għamel!

Ikkultiva Relazzjoni mill-​Qrib maʼ Ġeħova

9. X’inhi l-​iktar ħaġa prezzjuża li għandna?

9 Kemm jekk aħna sinjuri u kemm jekk aħna fqar, żgħażagħ jew xjuħ, f’saħħa tajba jew ħażina, nistgħu nikkultivaw relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova. Minkejja l-​provi li niffaċċjaw, relazzjoni mill-​qrib m’Alla se tgħinna nżommu l-​integrità persunali tagħna u nferrħu qalb Ġeħova. Anki xi wħud li kellhom għarfien limitat tal-​verità ħadu waqfa kuraġġuża u żammew l-​integrità tagħhom.

10, 11. (a) Waħda minn ħutna kif irreaġixxiet għall-​provi taʼ l-​integrità? (b) Din l-​oħt liema tweġiba qawwija tatu lil Satana?

10 Ikkunsidra l-​eżempju t’Oħtna Valentina Garnovskaya, waħda minn ħafna Xhieda fir-​Russja li bħal-​leali Ġob żammew l-​integrità tagħhom minkejja provi ħorox. Fl-​1945, meta kellha madwar 20 sena, ħu taha xiehda. Hu reġaʼ mar iżurha darbtejn oħra biex ikellimha dwar il-​Bibbja, imma mbagħad qatt ma reġgħet ratu. Minkejja dan, Valentina bdiet tippriedka lill-​ġirien tagħha. Minħabba f’hekk, ġiet arrestata u sentenzjata tmien snin f’kamp. Fl-​1953 inħelset u eżatt wara reġgħet bdiet ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Għal darb’oħra ġiet arrestata u mitfugħa l-​ħabs—din id-​darba għal għaxar snin. Wara li qattgħet diversi snin f’kamp wieħed, intbagħtet f’kamp ieħor. F’dak il-​kamp, kien hemm xi aħwa nisa li kellhom kopja tal-​Bibbja. Darba minnhom, oħt uriet il-​Bibbja lil Valentina. X’mument kommoventi kien dan! Immaġina, l-​unika Bibbja oħra li Valentina qatt rat kienet dik li kellu f’idejh dak il-​ħu li kien taha xiehda fl-​1945!

11 Fl-​1967 Valentina nħelset u fl-​aħħar setgħet tissimbolizza d-​dedikazzjoni tagħha lil Ġeħova permezz tal-​magħmudija fl-​ilma. Hi użat il-​libertà tagħha sabiex tieħu sehem b’mod żeluż fil-​ministeru sa l-​1969. Madankollu, dik is-​sena hi reġgħet ġiet arrestata, u din id-​darba ngħatat sentenza taʼ tliet snin ħabs. Xorta waħda, Valentina baqgħet tippriedka. Qabel ma mietet fl-​2001, hi kienet għenet lil 44 persuna jitgħallmu l-​verità. Hi kienet qattgħet 21 sena f’ħabsijiet u kampijiet. Kienet lesta ċċedi kollox, inkluż il-​libertà tagħha, sabiex iżżomm l-​integrità. Fl-​aħħar taʼ ħajjitha, Valentina qalet: “Qatt ma kelli post tiegħi fejn ngħix. Dak kollu li kelli kien joqgħod f’bagalja waħda, imma kont ferħana u kuntenta li naqdi lil Ġeħova.” Xi tweġiba qawwija tat Valentina lil Satana, li sostna li l-​bnedmin ma jibqgħux leali lejn Alla meta jiffaċċjaw il-​provi! (Ġob 1:9-11) Nistgħu nibqgħu ċerti li hi ferrħet qalb Ġeħova u li hu jħares ’il quddiem bil-​ħerqa għaż-​żmien meta jerġaʼ jġib lura għall-​ħajja, permezz taʼ l-​irxoxt, lil Valentina u lill-​oħrajn kollha li mietu leali.—Ġob 14:15.

12. Liema rwol għandha l-​imħabba fir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova?

12 Il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova hi bbażata fuq l-​imħabba tagħna għalih. Aħna nammiraw il-​kwalitajiet t’Alla u nagħmlu dak kollu li nistgħu sabiex ngħixu fi qbil maʼ l-​iskopijiet tiegħu. Kuntrarju għal dak li jsostni x-​Xitan, aħna nagħtu l-​imħabba tagħna lil Ġeħova għax irridu u mingħajr kundizzjoni. Din l-​imħabba mill-​qalb issaħħaħna biex inżommu l-​integrità fil-​provi. Min-​naħa tiegħu, Ġeħova se “jgħasses it-​triq tal-​leali tiegħu.”—Prov. 2:8; Salm 97:10.

13. Ġeħova kif iqisu dak li nagħmlu għalih?

13 L-​imħabba tqanqalna biex nonoraw l-​isem taʼ Ġeħova, minkejja kemm aħna nistgħu nħossuna limitati. Hu jara l-​motivi tajbin tagħna u ma jiġġudikaniex jekk ma nkunux nistgħu nagħmlu kulma nkunu nixtiequ nagħmlu. M’huwiex biss dak li nagħmlu li jgħodd imma wkoll ir-​raġuni għala nagħmluh. Għalkemm Ġob kien imnikket u kien issaporta ħafna, hu tkellem maʼ dawk li kienu qed jakkużawh dwar l-​imħabba tiegħu għall-​mogħdijiet taʼ Ġeħova. (Aqra Ġob 10:12; 28:28.) Fl-​aħħar kapitlu taʼ Ġob, Alla esprima r-​rabja tiegħu għal Elifaż, Bildad, u Sofar minħabba li huma ma kinux tkellmu l-​verità. Fl-​istess ħin, Ġeħova indika li kien japprova lil Ġob billi erbaʼ darbiet irrefera għalih bħala “l-​qaddej tiegħi” u billi qallu biex jinterċedi għan-​nom tal-​farraġa foloz. (Ġob 42:7-9) Jalla aħna wkoll naġixxu b’tali mod li Ġeħova japprovana.

Ġeħova Jappoġġa lill-​Qaddejja Leali Tiegħu

14. Ġeħova kif għen lil Ġob jikkoreġi l-​ħsieb tiegħu?

14 Ġob żamm l-​integrità tiegħu avolja kien imperfett. Kultant, meta kien ikun taħt pressjoni estrema, hu ma kienx jara l-​affarijiet sew. Per eżempju, hu qal lil Ġeħova: “Ngħajjatlek għall-​għajnuna, imma ma twiġibnix . . . Bil-​qawwa kollha taʼ idek tattakkani.” Iktar minn hekk, Ġob poġġa importanza żejda fuq li jiġġustifika lilu nnifsu meta qal: “Jien m’iniex ħati” u “m’hemm ebda vjolenza f’idejja, u t-​talba tiegħi hi safja.” (Ġob 10:7; 16:17; 30:20, 21) Minkejja dan, Ġeħova b’qalb tajba għen lil Ġob billi qajjem serje taʼ mistoqsijiet li dawru l-​attenzjoni minn fuq Ġob. Dawn għenu wkoll lil Ġob jara iktar ċar kemm Alla hu superjuri u kemm il-​bniedem hu insinifikanti. Ġob aċċetta d-​direzzjoni u kkoreġa lilu nnifsu.—Aqra Ġob 40:8; 42:2, 6.

15, 16. Illum, Ġeħova b’liema modi jipprovdi l-​għajnuna lill-​qaddejja tiegħu?

15 Ġeħova joffri gwida soda b’qalb tajba lill-​qaddejja tiegħu llum ukoll. Iktar minn hekk, aħna ngawdu benefiċċji importanti. Per eżempju, Ġesù Kristu pprovda sagrifiċċju bħala fidwa, u b’hekk stabbilixxa l-​pedament għall-​maħfra tad-​dnubiet. Fuq il-​bażi taʼ dan is-​sagrifiċċju, jistaʼ jkollna relazzjoni mill-​qrib m’Alla minkejja l-​imperfezzjoni tagħna. (Ġak. 4:8; 1 Ġw. 2:1) Meta niffaċċjaw il-​provi, aħna nitolbu wkoll għall-​appoġġ u l-​għajnuna li ssaħħaħ taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla. Ukoll, aħna għandna l-​Bibbja kompleta, u jekk naqrawha u nimmeditaw fuq dak li fiha, nippreparaw lilna nfusna għall-​provi tal-​fidi. L-​istudju jgħinna biex nifhmu l-​kwistjonijiet tas-​sovranità universali u l-​integrità persunali.

16 Iżjed minn hekk, aħna nibbenefikaw bil-​kbir mill-​fatt li aħna parti mill-​fratellanza taʼ madwar id-​dinja li Ġeħova jipprovdilha l-​ikel spiritwali permezz taʼ l-​“ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45-47) F’kull waħda minn madwar 100,000 kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, jinżammu laqgħat li jgħallmuna u jsaħħuna sabiex niffaċċjaw il-​provi tal-​fidi li jistgħu jinqalgħu. Dan jistaʼ jidher mill-​esperjenza taʼ Sheila, Xhud żagħżugħa li tgħix il-​Ġermanja.

17. Uri kemm hu għaqli li żżomm sod mat-​tagħlim taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova llum.

17 Darba minnhom fl-​iskola, il-​klassi taʼ Sheila tħalliet mingħajr superviżjoni għal ftit ħin. L-​istudenti tal-​klassi ddeċidew li jesperimentaw bil-​Ouija board. Sheila mill-​ewwel telqet mill-​klassi, u b’dak li semgħet iktar tard ferħet li kienet għamlet hekk. Waqt li kienu qed jużaw il-​Ouija board, xi wħud mill-​istudenti bdew iħossu l-​preżenza tad-​demonji u telqu jiġru bil-​paniku. Imma x’kien li għen lil Sheila tiddeċiedi li titlaq mill-​klassi daqshekk malajr? “Ftit qabel ma ġara dan, f’laqgħa fis-​Sala tas-​Saltna konna ddiskutejna l-​perikli tal-​Ouija boards. Għalhekk, kont naf x’kelli nagħmel,” tispjega Sheila. “Ridt nogħġob lil Ġeħova, eżatt bħalma tgħid il-​Bibbja fi Proverbji 27:11.” Imnalla Sheila kienet preżenti fil-​laqgħa u semgħet il-​programm b’attenzjoni!

18. Personalment, x’int determinat li tagħmel?

18 Jalla kull wieħed minna jkun determinat li jżomm mill-​qrib maʼ l-​istruzzjoni li nirċievu mill-​organizzazzjoni t’Alla. Permezz taʼ l-​attendenza regulari għal-​laqgħat, il-​qari tal-​Bibbja, l-​istudju taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja, it-​talb, u s-​sħubija maʼ Kristjani maturi, aħna nieħdu l-​gwida u l-​appoġġ li għandna bżonn. Ġeħova jridna nirbħu, u hu għandu fiduċja li aħna se nibqgħu leali. Xi privileġġ għandna li nonoraw l-​isem taʼ Ġeħova, inżommu l-​integrità, u nferrħu qalb Ġeħova!

Tiftakar Int?

• Satana għal liema kundizzjonijiet u provi huwa responsabbli?

• X’inhi l-​iktar ħaġa prezzjuża li għandna?

• X’inhi l-​bażi tal-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova?

• Liema huma xi modi li bihom Ġeħova jappoġġana llum?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 8]

Tħossok int imqanqal biex taqsam maʼ ħaddieħor l-​għarfien prezzjuż li għandek?

[Stampa f’paġna 9]

Nistgħu ngħinu lill-​aduraturi sħabna jżommu l-​integrità tagħhom

[Stampa f’paġna 10]

Valentina kienet lesta li tissagrifika kollox biex iżżomm l-​integrità