Żgħażagħ—Ħallu l-Kelma t’Alla Tiggwidakom
Żgħażagħ—Ħallu l-Kelma t’Alla Tiggwidakom
“Ikseb l-għerf, ikseb l-abbiltà li tifhem.”—PROV. 4:5.
1, 2. (a) X’għen lill-appostlu Pawlu jkampa mat-taqbida li kellu ġewwa fih? (b) Kif tistaʼ tikseb l-għerf u l-abbiltà li tifhem?
“META nixtieq nagħmel dak li hu sewwa, dak li hu ħażin ikolli fija.” Taf min qal dan il-kliem? Ħadd ħlief l-appostlu Pawlu. Għalkemm Pawlu kien iħobb lil Ġeħova, kien hemm waqtiet meta sabha diffiċli biex jagħmel dak li hu sewwa. Kif ħassu dwar din it-taqbida li kellu ġewwa fih? Hu kiteb: “Bniedem miżerabbli li jien!” (Rum. 7:21-24) Tistaʼ tifhem kif ħassu Pawlu? Tħossha diffiċli kultant li tagħmel dak li hu sewwa? Iġiegħlek dan tħossok frustrat bħalma kien iħossu Pawlu? Jekk iva, taqtax qalbek. Pawlu ttratta l-isfidi li ffaċċja b’suċċess, u int tistaʼ wkoll.
2 Pawlu rnexxa għax ħalla lilu nnifsu jiġi gwidat minn “kliem mimli saħħa.” (2 Tim. 1:13, 14) Minħabba f’hekk, hu kiseb l-għerf u l-abbiltà li jifhem li kien hemm bżonn biex ikampa maʼ sfidi u jieħu deċiżjonijiet tajbin. Alla Ġeħova jistaʼ jgħinek tikseb l-għerf u l-abbiltà li tifhem. (Prov. 4:5) Hu pprovda l-aqwa pariri possibbli fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. (Aqra t-2 Timotju 3:16, 17.) Ikkunsidra kif tistaʼ tibbenefika mill-prinċipji misjubin fl-Iskrittura meta tittratta mal-ġenituri tiegħek, meta timmaniġġa l-flus, u meta tkun waħdek.
Ħalli l-Kelma t’Alla Tiggwidak fil-Familja
3, 4. Għala taf issibha taʼ sfida li tobdi r-regoli tal-ġenituri tiegħek, imma l-ġenituri għala jagħmlu r-regoli?
3 Issibha taʼ sfida li tgħix fi qbil mar-regoli tal-ġenituri tiegħek? Għala forsi tħossok hekk? Raġuni waħda taf tkun li int tixtieq iktar libertà. Dan hu normali u parti milli tikber u ssir adult. Iżda, waqt li tkun għadek id-dar, int għandek id-dmir li tobdi l-ġenituri.—Efes. 6:1-3.
4 Jistaʼ jkun eħfef għalik li tobdi r-regoli u l-ħtiġijiet tal-ġenituri tiegħek jekk tikseb il-ħarsa xierqa lejn dawn l-affarijiet. Veru, xi kultant tistaʼ tħossok bħalma ħassitha Brielle, a li għandha 18-il sena, li qalet dwar il-ġenituri tagħha: “Insew għalkollox xi jfisser li tkun daqsi. Ma jridunix ngħid x’naħseb, nieħu deċiżjoni, jew inkun adulta.” Bħal Brielle, int forsi tħoss li l-ġenituri tiegħek ma jagħtukx il-libertà li taħseb li jistħoqqlok. Minkejja dan, il-ġenituri jagħmlu r-regoli l-iktar għax jimpurtahom minnek. Iktar minn hekk, ġenituri Kristjani jafu li jridu jagħtu kont lil Ġeħova għall-mod taʼ kif jieħdu ħsiebek.—1 Tim. 5:8.
5. Kif tistaʼ tibbenefika jekk tobdi l-ġenituri?
5 Fil-fatt, li tobdi r-regoli tal-ġenituri jistaʼ jitqabbel maʼ li tħallas lura dejn li għandek mal-bank—iktar ma tkun taʼ min jafdak fil-pagamenti, iktar il-bank se jkun lest li jsellfek iżjed flus. Bl-istess mod, int għandek dejn mal-ġenituri tiegħek li jsarraf f’rispett u ubbidjenza. (Aqra Proverbji 1:8.) Iktar ma tkun ubbidjenti, iktar il-ġenituri tiegħek se jkunu lesti li jagħtuk iżjed libertà. (Lq. 16:10) M’għandniex xi ngħidu, jekk il-ħin kollu tikser ir-regoli, tiħodhiex bi kbira jekk il-ġenituri jnaqqsu l-libertà tiegħek jew ineħħuha għalkollox.
6. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ jobdu?
6 Mod wieħed kif il-ġenituri jistgħu jgħinu lil uliedhom jobdu r-regoli li jagħmlu hu permezz tal-eżempju tagħhom. Il-fatt li huma stess lesti li jobdu dak li Ġeħova jistenna minnhom għandu juri li r-regoli t’Alla huma raġunevoli. Dan se jagħmilha iktar faċli għaż-żgħażagħ biex iħarsu bl-istess mod lejn ir-regoli tal-ġenituri. (1 Ġw. 5:3) Iktar minn hekk, il-Bibbja ssemmi drabi meta Ġeħova saħansitra ta l-opportunità lill-qaddejja tiegħu biex jesprimu ruħhom dwar ċerti kwistjonijiet. (Ġen. 18:22-32; 1 Slat. 22:19-22) Hemm drabi meta l-ġenituri jistgħu jagħtu lil uliedhom iċ-ċans li jgħidu x’jaħsbu huma fuq diversi suġġetti?
7, 8. (a) Liema sfida jiffaċċjaw xi żgħażagħ? (b) X’jistaʼ jgħinek tibbenefika mid-dixxiplina?
7 Iż-żgħażagħ jistgħu wkoll jiffaċċjaw l-isfida taʼ li jittrattaw maʼ dak li huma jqisuh bħala kritika mhix ġusta min-naħa tal-ġenituri. Xi kultant forsi ħassejtek bħal raġel żagħżugħ li jismu Craig, li qal: “Ommi kienet qisha xi pulizija—dejjem tfittixli x-xagħra fl-għaġina.”
8 Il-korrezzjoni jew id-dixxiplina spiss tiġi permezz taʼ kritika. Il-Bibbja tgħid b’mod ċar li d-dixxiplina, anki meta tkun tassew mistħoqqa, hi diffiċli biex taċċettaha. (Ebr. 12:11) X’jistaʼ jgħinek tibbenefika mid-dixxiplina li tirċievi? Punt importanti li għandek iżżomm f’moħħok hu li l-parir tal-ġenituri tiegħek x’aktarx ikun imqanqal mill-imħabba li għandhom lejk. (Prov. 3:12) Iridu jgħinuk tevita d-drawwiet ħżiena u tikkultiva d-drawwiet tajbin. Il-ġenituri x’aktarx jirrealizzaw li jekk jonqsu milli jikkoreġuk, ikun l-istess bħal li juruk mibegħda! (Aqra Proverbji 13:24.) Ukoll, ifhem li l-fatt li tagħmel żbalji hu parti mill-proċess tat-tagħlim. Għalhekk, meta tiġi koreġut għala ma tfittixx l-għerf li hemm f’dak li jintqal? “Jekk ikollok l-għerf bħala qligħ ikun aħjar mill-fidda, u li jkollok lilu bħala dħul aħjar mid-deheb.”—Prov. 3:13, 14.
9. Minflok ma jhewdnu fuq dak li f’għajnejhom hu inġustizzja, x’jistgħu jagħmlu ż-żgħażagħ?
9 Madankollu, il-ġenituri jiżbaljaw. (Ġak. 3:2) Meta jiddixxiplinawk, xi kultant forsi jitkellmu b’nuqqas taʼ ħsieb. (Prov. 12:18) X’jistaʼ jġiegħel lill-ġenituri jaġixxu b’dan il-mod? Forsi huma stressati, jew forsi jħarsu lejn l-iżbalji tiegħek bħallikieku kienu xi nuqqas min-naħa tagħhom. Minflok ma toqgħod thewden fuq dak li f’għajnejk hu inġustizzja, għala ma turix l-apprezzament għax-xewqa sinċiera tagħhom biex jgħinuk? L-abbiltà li taċċetta d-dixxiplina se tiswielek taʼ ġid meta ssir adult.
10. Kif jistaʼ jkun eħfef għalik li taċċetta u tibbenefika mir-regoli u l-korrezzjoni tal-ġenituri?
10 Tixtieq li jkun eħfef għalik biex taċċetta u tibbenefika mir-regoli u l-korrezzjoni tal-ġenituri? Jekk iva, għandek bżonn ittejjeb il-mod kif tikkomunika. Kif tistaʼ tagħmel dan? L-ewwel pass hu li tagħti widen. Il-Bibbja tgħid: ‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem, tqil biex tinkorla.’ (Ġak. 1:19) Minflok ma tkun ħafif biex tiġġustifika lilek innifsek, ipprova kkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek u ismaʼ dak li l-ġenituri għandhom x’jgħidu. Iffoka fuq dak li jgħidulek, mhux fuq kif jgħiduhulek. Imbagħad, erġaʼ għidilhom fi kliemek dak li qalu, u agħmel dan b’rispett. Jekk tagħmel hekk se tiżgurahom li smajt dak li qalu. Xi ngħidu jekk trid tispjega ruħek dwar dak li għedt jew għamilt? Ħafna drabi, ikun għaqli li ‘trażżan xofftejk’ sakemm tkun obdejt dak li jridu l-ġenituri tiegħek. (Prov. 10:19) Ladarba l-ġenituri jaraw li int tajthom widen, se jkunu ħafna iktar lesti jisimgħuk. Attitudni matura bħal din turi b’mod ċar li int qed tħalli l-Kelma t’Alla tiggwidak.
Ħalli l-Kelma t’Alla Tiggwidak Meta Timmaniġġa l-Flus
11, 12. (a) Fejn jidħlu l-flus, il-Kelma t’Alla xi tħeġġiġna nagħmlu, u għala? (b) Il-ġenituri kif jistgħu jgħinuk timmaniġġa l-flus?
11 Il-Bibbja tgħid: “Il-flus huma protezzjoni.” Imma l-istess vers juri li l-għerf hu jerġaʼ iktar taʼ valur mill-flus. (Ekk. 7:12) Il-Kelma t’Alla tħeġġiġna biex nifhmu l-valur tal-flus, u mhux inħobbuhom. Għala għandek tevita li tiżviluppa mħabba għall-flus? Ikkunsidra din it-tixbiha: F’idejn kok tas-sengħa, sikkina taqtaʼ hi biċċa għodda utli. Imma din l-istess sikkina tistaʼ tikkaġuna ħsara serja jekk tkun f’idejn xi ħadd traskurat jew li ma joqgħodx attent. Jekk jintużaw bl-għaqal, il-flus ukoll jistgħu jkunu utli. Madankollu, dawk li huma “determinati li jsiru għonja” spiss jissagrifikaw il-ħbiberiji, ir-relazzjonijiet tal-familja, u saħansitra r-relazzjoni tagħhom m’Alla. Minħabba f’hekk, ifieru lilhom infushom “b’ħafna weġgħat.”—Aqra l-1 Timotju 6:9, 10.
12 Kif tistaʼ titgħallem timmaniġġa l-flus bl-għaqal? Għala ma titlobx il-parir tal-ġenituri dwar kif tistaʼ tqassam flusek? Salamun kiteb: “Bniedem għaref jismaʼ u jieħu iktar istruzzjoni, u bniedem li għandu l-abbiltà li jifhem huwa dak li jikseb direzzjoni għaqlija.” (Prov. 1:5) Mara żagħżugħa jisimha Anna staqsiet lill-ġenituri tagħha għal direzzjoni għaqlija. Hi tgħid, “Missieri għallimni kif inqassam il-flus, u wrieni kemm hu importanti li nkun organizzata fil-mod kif nuża u nieħu ħsieb flusi.” Bl-istess mod, omm Anna għallmitha lezzjonijiet prattiċi. Anna tgħid, “Urietni kemm hu għaqli li nqabbel il-prezzijiet qabel ma nixtri.” Kif ibbenefikat Anna? Hi twieġeb: “Issa jien kapaċi nieħu ħsieb il-finanzi tiegħi stess. Nikkontrolla bir-reqqa x’nonfoq, għalhekk ikolli l-libertà u s-serħan tal-moħħ li jiġu milli tevita dejn bla bżonn.”
13. Kif tistaʼ tiddixxiplina lilek innifsek meta tiġi biex tonfoq il-flus?
13 Jekk tixtri affarijiet bla ħsieb jew tonfoq il-flus sempliċement biex timpressjona ’l sħabek tistaʼ malajr issib ruħek f’ħafna dejn. X’jistaʼ jgħinek tevita dawn in-nases? Meta tiġi biex tonfoq il-flus trid titgħallem tiddixxiplina lilek innifsek. Ellena, li għandha fuq l-20 sena, hekk tagħmel. Hi tgħid: “Meta noħroġ mal-ħbieb nippjana minn qabel u nikkalkula kemm nistaʼ nonfoq. . . . Ukoll, naraha ħaġa għaqlija li mmur nixtri biss maʼ dawk il-ħbieb li ma jberbqux flushom u li se jħeġġuni nqabbel il-prezzijiet u mhux nixtri l-ewwel ħaġa li nara b’għajnejja.”
14. Għala għandek tgħasses kontra “l-qawwa qarrieqa tar-rikkezzi”?
14 Hija parti importanti mill-ħajja li taqlaʼ u timmaniġġa l-flus. Madankollu, Ġesù qal li dawk li huma “konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom” huma verament henjin. (Mt. 5:3) Hu wissa li l-interess taʼ persuna fi kwistjonijiet spiritwali jistaʼ jiġi maħnuq b’affarijiet bħall-“qawwa qarrieqa tar-rikkezzi.” (Mk. 4:19) Kemm hu importanti, mela, li tħalli lilek innifsek tkun gwidat mill-Kelma t’Alla u żżomm ħarsa bilanċjata lejn il-flus!
Ħalli l-Kelma t’Alla Tiggwidak Meta Tkun Waħdek
15. Il-lealtà tiegħek lejn Alla meta x’aktarx li se tiġi mġarrba l-iktar?
15 Int meta taħseb li l-lealtà tiegħek lejn Alla se tiġi mġarrba l-iktar—meta tkun m’oħrajn jew meta tkun waħdek? Meta tkun l-iskola jew ix-xogħol, id-difiżi spiritwali tiegħek x’aktarx li jkunu b’saħħithom. Int tkun għassa għall-perikli spiritwali li jistgħu jinqalgħu. Hu meta tkun qed tirrilassa u ma tkunx għassa li ssir l-iktar vulnerabbli għal attakk fuq il-livelli morali tiegħek.
16. Għala għandek tkun trid tobdi lil Ġeħova anki meta tkun waħdek?
16 Għala għandek tkun trid tobdi lil Ġeħova anki meta tkun waħdek? Ftakar dan: Int kapaċi li jew tweġġaʼ jew tferraħ qalb Ġeħova. (Ġen. 6:5, 6; Prov. 27:11) Ġeħova jiġi effettwat mill-azzjonijiet tiegħek għax ‘jimpurtah minnek.’ (1 Pt. 5:7) Hu jridek tagħtih widen għall-ġid tiegħek stess. (Is. 48:17, 18) Meta xi ftit mill-qaddejja taʼ Ġeħova f’Iżrael tal-qedem injoraw il-pariri tiegħu, huma ġegħluh iħossu mweġġaʼ. (Salm 78:40, 41) Mill-banda l-oħra, Ġeħova ħass affezzjoni profonda għall-profeta Danjel, għax anġlu sejjaħlu “raġel maħbub ħafna.” (Dan. 10:11) Għala? Danjel baqaʼ leali lejn Alla mhux biss fil-pubbliku imma wkoll meta kien waħdu.—Aqra Danjel 6:10.
17. Liema mistoqsijiet tistaʼ tistaqsi lilek innifsek meta tagħżel id-divertiment?
17 Biex tibqaʼ leali lejn Alla meta tkun waħdek trid tiżviluppa ‘s-sensi tiegħek biex tagħraf tagħżel kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin’ u mbagħad tħarreġ dawn is-sensi “bl-użu” billi taġixxi fuq dak li taf li hu tajjeb. (Ebr. 5:14) Pereżempju, meta tagħżel il-mużika li tismaʼ, il-films li tara, jew il-Websajts li tidħol fihom, il-mistoqsijiet li ġejjin se jgħinuk tagħżel dak li hu tajjeb u tevita dak li hu ħażin. Staqsi lilek innifsek: ‘Dan il-materjal se jħeġġiġni biex nuri mogħdrija tenera jew se jinfluwenzani biex nifraħ “bid-diżastru taʼ ħaddieħor”?’ (Prov. 17:5) ‘Se jgħinni “nħobb dak li hu tajjeb” jew se jagħmilhieli diffiċli biex “nobgħod dak li hu ħażin”?’ (Għam. 5:15) Dak li tagħmel meta tkun waħdek jikxef x’tgħożż verament.—Lq. 6:45.
18. X’għandek tagħmel jekk bil-moħbi kont qed tieħu sehem f’kondotta ħażina, u għala?
18 X’għandek tagħmel jekk bil-moħbi kont qed tieħu sehem f’kondotta li taf li hi ħażina? Ftakar, “min jgħatti n-nuqqasijiet tiegħu m’huwiex se jirnexxi, imma min jistqarrhom u jitlaqhom jintwera ħniena.” (Prov. 28:13) Kemm ma jkunx għaqli li tibqaʼ għaddej fi triq ħażina u ‘tnikket l-ispirtu qaddis t’Alla’! (Efes. 4:30) Int tassew obbligat lejn Alla, lejn il-ġenituri tiegħek, u lejk innifsek li tistqarr kwalunkwe mġiba ħażina. F’dan ir-rigward, “l-anzjani tal-kongregazzjoni” jistgħu jgħinuk ħafna. Id-dixxiplu Ġakbu jgħid: “Ħa jitolbu [għal min jagħmel il-ħażen], jidilkuh biż-żejt f’isem Ġeħova. U t-talb tal-fidi jfejjaq lill-marid, u Ġeħova jqajmu. Ukoll, jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu.” (Ġak. 5:14, 15) Huwa minnu li dan jistaʼ jġiegħlek tistħi u forsi jwassal għal xi konsegwenzi xejn sbieħ. Imma jekk għandek il-kuraġġ li titlob għall-għajnuna, se tiskansa kwalunkwe ħsara oħra u se tħoss is-serħan li jiġi milli terġaʼ tikseb kuxjenza nadifa.—Salm 32:1-5.
Ferraħ Qalb Ġeħova
19, 20. Ġeħova xi jrid għalik, imma int x’għandek tagħmel?
19 Ġeħova hu “l-Alla l-hieni” u hu jridek tkun hieni. (1 Tim. 1:11) Hu verament jimpurtah minnek. Anki jekk ħadd iktar ma jinduna bl-isforz tiegħek biex tagħmel dak li hu tajjeb, hu jinduna. Xejn mhu moħbi minn għajnejn Ġeħova. Hu josservak, mhux biex isib ix-xagħra fl-għaġina imma biex jappoġġa l-isforzi tiegħek ħalli tagħmel it-tajjeb. “Għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-art kollha biex juri s-saħħa tiegħu għan-nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.”—2 Kron. 16:9.
20 Għalhekk, ħalli lilek innifsek tkun gwidat mill-Kelma t’Alla, u applika l-pariri tagħha. B’hekk, int se tikseb l-għerf u l-abbiltà li taħseb meħtiġin biex tegħleb problemi u deċiżjonijiet diffiċli fil-ħajja. Int mhux biss se tferraħ lill-ġenituri u lil Ġeħova imma wkoll se tgawdi ħajja tassew hienja.
[Nota taʼ taħt]
a L-ismijiet ġew mibdulin.
Int Kif Twieġeb?
• Iż-żgħażagħ x’jistgħu jagħmlu biex ikampaw mar-regoli u l-korrezzjoni tal-ġenituri u jibbenefikaw minnhom?
• Għala hu importanti li tikseb ħarsa bilanċjata lejn il-flus?
• Kif tistaʼ tibqaʼ leali lejn Ġeħova anki meta tkun waħdek?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 6]
Se tibqaʼ leali lejn Alla meta tkun waħdek?