Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Grata li Naqdi lil Ġeħova, Anki Matul il-Provi

Grata li Naqdi lil Ġeħova, Anki Matul il-Provi

Kif Rakkontata Minn Maatje De Jonge-​van den Heuvel

GĦANDI 98 sena. Għal 70 sena minnhom kelli l-​barka li naqdi lil Ġeħova—imma mhux mingħajr ma l-​fidi tiegħi tiġi mġarrba. Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija spiċċajt f’kamp tal-​konċentrament, u waqt li kont hemm l-​iskuraġġiment wassalni biex nieħu deċiżjoni li wara ddispjaċieni li ħadtha. Xi snin wara, iffaċċjajt prova diffiċli oħra. Minkejja dan kollu, jien grata lejn Ġeħova li kelli l-​privileġġ li naqdih, anki matul il-​provi.

Ħajti nbidlet f’Ottubru tas-​sena 1940. Kont ngħix f’Hilversum, raħal xi 24 kilometru lejn ix-​Xlokk t’Amsterdam fl-​Olanda. Il-​pajjiż kien taħt ħakma Nazista. Kont ili miżżewġa ħames snin lil Jaap de Jonge, raġel li kien jimpurtah minn ħaddieħor, u kellna tifla prezzjuża taʼ tliet snin jisimha Willy. Konna ngħixu ħdejn familja fqira li kienu jitħabtu biex jitimgħu t-​tmint itfal tagħhom. Madankollu, kienu jżommu għandhom b’mod permanenti raġel żagħżugħ u anki jitimgħuh. Kont naħseb, ‘Għala qed iżidu mal-​piż li ġa għandhom?ʼ Meta ħadtilhom xi ikel, sirt naf li ż-​żagħżugħ kien pijunier. Hu qalli dwar is-​Saltna t’Alla u l-​barkiet li kienet se ġġib magħha. Ġejt imqanqla profondament minn dak li tgħallimt u malajr aċċettajt il-​verità. Dik is-​sena stess, iddedikajt ruħi lil Ġeħova u tgħammidt. Sena wara l-​magħmudija tiegħi, żewġi wkoll ħa waqfa favur il-​verità.

Għalkemm kelli biss ftit għarfien Bibliku, fhimt għalkollox li billi sirt Xhud sirt ukoll parti minn organizzazzjoni li kienet projbita. Kont naf ukoll li diversi Xhieda kienu diġà ntbagħtu l-​ħabs minħabba li ppritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna. Xorta waħda, mill-​ewwel bdejt nipprietka minn dar għal dar, u jien u żewġi ftaħna darna għal pijunieri u indokraturi li jivvjaġġaw biex joqogħdu magħna. Darna wkoll saret post fejn setgħu jaħżnu l-​letteratura Biblika, li kienet tasal għandna permezz t’aħwa minn Amsterdam. Ir-​roti tagħhom kienu magħmulin b’tali mod li setgħu jġorru ħafna letteratura u kotba u kienu jgħattuhom b’biċċa inċirata. Xi mħabba u kuraġġ kellhom dawn l-​aħwa! Huma ssograw ħajjithom għal ħuthom.—1 Ġw. 3:16.

“Dalwaqt Terġaʼ Tiġi, Ma?”

Xi sitt xhur wara li tgħammidt, tfaċċaw fil-​bieb tliet uffiċjali tal-​pulizija. Daħlu fid-​dar u għamlu tfittxija. Għalkemm ma sabuhx l-​armarju mimli bil-​letteratura, irnexxielhom isibu xi kotba moħbijin taħt is-​sodda tagħna. Mill-​ewwel ordnaw li mmur magħhom sal-​għassa tal-​pulizija f’Hilversum. Meta ħaddant lil binti għall-​aħħar darba, Willy staqsiet, “Dalwaqt terġaʼ tiġi, ma?” Jien għedtilha, “Iva, qalbi. Dalwaqt niġi lura.” Però, kellhom jgħaddu 18-​il xahar diffiċli qabel ma stajt nerġaʼ nħaddanha miegħi.

Ġara li uffiċjal tal-​pulizija ħadni bit-​trejn s’Amsterdam biex niġi interrogata. Dawk li interrogawni pprovaw iġegħluni nidentifika tliet aħwa minn Hilversum bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Jien għedt: “Wieħed biss naf minnhom. Iġibilna l-​ħalib.” U dan kien veru; dak il-​ħu xogħlu kien li jqassam il-​ħalib. Żidt ngħidilhom: “Imma jekk huwiex wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova jmisskom tistaqsu lilu mhux lili.” Meta rrifjutajt li nitkellem iktar, tawni bil-​ħarta u sakkruni f’ċella u ħallewni hemm għal xahrejn. Meta żewġi sar jaf fejn kont, irnexxielu jġibli xi ħwejjeġ u ikel. Imbagħad, f’Awwissu tas-​sena 1941, intbgħatt Ravensbrück—kamp tal-​konċentrament għan-​nisa li kellu fama kerha, xi 80 kilometru lejn it-​Tramuntana taʼ Berlin, fil-​Ġermanja.

“Agħmel il-​Qalb, Ħanini”

Meta wasalna, intqalilna li stajna mmorru d-​dar jekk niffirmaw dikjarazzjoni li biha niċħdu l-​fidi tagħna. Imma, ovvjament, ma ffirmajthiex. Minflok, kelli nagħtihom kulma kelli u ninżaʼ ħwejġi f’kamra fejn ninħaslu, u hemmhekk iltqajt maʼ xi aħwa Kristjani mill-​Olanda. Ngħatajna platt, tazza, mgħarfa, u ħwejjeġ tal-​kamp bi trijanglu vjola meħjut fuqhom. L-​ewwel lejl tefgħuna fi kwartier temporanju. Hemmhekk, għall-​ewwel darba mindu ġejt arrestata, infqajt nibki. Bdejt nolfoq u ngħid: “X’se jiġri? Kemm se ndum hawn?” Biex inkun onesta, f’dak iż-​żmien, ir-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova ma tantx kienet b’saħħitha għax kont ili ftit xhur biss naf bil-​verità. Kien għad baqagħli ħafna x’nitgħallem. L-​għada fir-​rassenja, oħt Olandiża indunat bin-​niket tiegħi. Qaltli: “Agħmel il-​qalb, ħanini, agħmel il-​qalb! X’jistaʼ jiġrilna?”

Wara r-​rassenja, ħaduna fi kwartier ieħor u hemmhekk ġejna milqugħin minn mijiet t’aħwa Kristjani mill-​Ġermanja u l-​Olanda. Xi wħud mill-​aħwa Ġermaniżi kienu diġà ilhom jgħixu fuq sena fil-​kwartier. Il-​kumpanija tagħhom saħħitni—tabilħaqq, għenitni nagħmel il-​qalb. Ukoll, kont impressjonata bil-​kwartier fejn kienu joqogħdu l-​aħwa għax kien bil-​wisq iktar nadif minn kwartieri oħrajn fil-​kamp. Minbarra dan, il-​kwartier tagħna kien magħruf ukoll bħala post fejn ma kienx hemm serq, dagħa, jew ġlied. B’kuntrast mal-​kundizzjonijiet krudili li ffaċċjajna fil-​kamp, il-​kwartier tagħna kien bħal gżira nadifa mdawra b’baħar maħmuġ.

Il-​Ħajja taʼ Kuljum fil-​Kamp

Il-​ħajja fil-​kamp kienet tikkonsisti f’li wieħed jaħdem ħafna u jiekol ftit li xejn. Kellna nqumu fil-​ħamsa taʼ filgħodu, u ftit wara kienet tibda r-​rassenja. Il-​gwardji kienu jġegħluna noqogħdu bilwieqfa barra għal xi siegħa, xemx u xita. Fil-​ħamsa taʼ waranofsinhar, wara ġurnata xogħol iebes, kienu jerġgħu jagħmlu r-​rassenja. Imbagħad konna nieklu ftit soppa u ħobż u nidħlu norqdu—maħlubin.

Kuljum minbarra l-​Ħadd, kont naħdem fl-​irziezet, u hemm kont naħsad il-​qamħ b’minġel u nnaddaf il-​gandotti u l-​imnadar tal-​ħnieżer. Għalkemm kont naħdem fil-​ħmieġ u x-​xogħol kien iebes, kont niflaħ għalih għax kont għadni żgħira u b’saħħti. Ukoll, kont insaħħaħ lili nnifsi billi nkanta għanjiet b’messaġġ Bibliku waqt ix-​xogħol. Madankollu, kuljum ixxennaqt għal żewġi u binti.

Kienu jagħtuna ftit li xejn ikel, imma aħna l-​aħwa kollha konna nipprovaw inwarrbu biċċa ħobż kuljum ħalli jkollna xi ħaġa żejda għal nhar taʼ Ħadd, meta kellna opportunità li niltaqgħu flimkien biex niddiskutu suġġetti Bibliċi. Ma kellniex letteratura Biblika, imma bil-​ħerqa kont nismaʼ lill-​aħwa Ġermaniżi leali akbar fl-​età hekk kif kienu jitkellmu dwar affarijiet spiritwali. Aħna anki osservajna t-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu.

Niket, Dispjaċir, u Inkuraġġiment

Xi kultant, kienu jordnawlna nagħmlu xogħol li kien jappoġġa direttament il-​gwerra tan-​Nazi. Minħabba n-​newtralità tagħna fi kwistjonijiet politiċi, l-​aħwa kollha rrifjutaw li jagħmlu dan ix-​xogħol, u jien segwejt l-​eżempju kuraġġuż tagħhom. Bħala kastig, ma kinux jagħtuna ikel għal ħafna ġranet u kellna noqogħdu bilwieqfa għal sigħat sħaħ matul ir-​rassenja. Darba fix-​xitwa, sakkruna għal 40 ġurnata fi kwartier mingħajr sistema tas-​sħana.

Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, kienu jgħidulna darba wara l-​oħra li jeħilsuna u jibagħtuna d-​dar jekk niffirmaw dikjarazzjoni li biha niċħdu l-​fidi tagħna. Wara li kont ili ngħix f’Ravensbrück għal iktar minn sena, sirt skuraġġita ħafna. Ix-​xewqa li nara lir-​raġel u t-​tifla saret tant b’saħħitha li mort għand il-​gwardji, staqsejt għall-​formola bid-​dikjarazzjoni li kienet tgħid li ma kontx se nibqaʼ nkun Studenta tal-​Bibbja, u ffirmajtha.

Meta l-​aħwa saru jafu b’dak li għamilt, uħud minnhom bdew jevitawni. Imma żewġ aħwa Ġermaniżi kbar fl-​età li kien jisimhom Hedwig u Gertrud sabuni waħdi u żgurawni mill-​imħabba tagħhom. Waqt li ħdimna flimkien fl-​imnadar tal-​ħnieżer, b’qalb tajba spjegawli l-​importanza li nżommu l-​integrità lejn Ġeħova u kif nuru mħabbitna lejh billi ma nagħmlux kompromessi. It-​tħassib u l-​affezzjoni tenera tagħhom, bħal t’omm, qanqluni profondament. a Kont naf li dak li għamilt kien ħażin u ridt inħassar id-​dikjarazzjoni tiegħi. Lejla minnhom għedt lil oħt dwar id-​deċiżjoni li ħadt biex inħassar id-​dikjarazzjoni. Bilfors li xi uffiċjal tal-​kamp semaʼ l-​konversazzjoni tagħna għax f’dik l-​istess lejla f’daqqa waħda ħelsuni mill-​kamp u ntbgħatt fuq trejn lura l-​Olanda. Waħda minn dawk taʼ fuqi—għadni nistaʼ nġib wiċċha quddiem għajnejja—qaltli, “Int għadek Bibelforscher (Studenta tal-​Bibbja), u dejjem hekk se tkun.” Jien wiġibt, “Iva, dejjem hekk se nkun, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova.” Xorta waħda bqajt naħseb, ‘Kif nistaʼ nħassar id-​dikjarazzjoni?’

Wieħed mill-​punti tad-​dikjarazzjoni kien jgħid: “Permezz taʼ din id-​dikjarazzjoni jien qed nassigura li qatt iktar mhu se nieħu sehem f’attivitajiet tas-​Soċjetà tal-​Istudenti Internazzjonali tal-​Bibbja.” Kont naf x’kelli nagħmel! F’Jannar tas-​sena 1943, ftit wara li kont wasalt lura d-​dar, erġajt bdejt nieħu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar. M’għandniex xi ngħidu, kieku l-​awtoritajiet Nazisti reġgħu qabduni waqt li kont qed nipprietka dwar is-​Saltna t’Alla kont niġi kastigata bl-​aħrax.

Biex inkompli nuri lil Ġeħova x-​xewqa mill-​qalb li nkun qaddejja leali, jien u żewġi rġajna ftaħna darna bħala post fejn setgħu joqogħdu dawk li jġibu l-​letteratura u l-​indokraturi li jivvjaġġaw. Kemm kont grata li kelli opportunità oħra biex nuri mħabbti għal Ġeħova u għal niesu!

Taqliba taʼ Wġigħ

Ftit xhur qabel ma spiċċat il-​gwerra, jien u żewġi għaddejna minn taqliba taʼ wġigħ. F’Ottubru tas-​sena 1944, it-​tifla tagħna mardet ħabta u sabta. Willy kellha d-​difterite. Il-​kundizzjoni tagħha malajr marret għall-​agħar, u mietet tlett ijiem wara. Kulma kellha seba’ snin biss.

Ħassejna ruħna mifnijin minħabba li tlifna l-​unika tifla li kellna. Il-​provi li għaddejt minnhom f’Ravensbrück tassew ma kienu xejn meta nqabbilhom mal-​uġigħ li ħassejt meta tlifna lil bintna. Madankollu, f’mumenti t’għawġ, dejjem ksibna faraġ mill-​kliem li nsibu f’Salm 16:8: “Qegħedt lil Ġeħova quddiemi l-​ħin kollu. Bih fuq leminti, m’iniex se nitħarrek.” Jien u r-​raġel kellna fiduċja soda fil-​wegħda taʼ Ġeħova dwar l-​irxoxt. Aħna żammejna sod fil-​verità u dejjem konna predikaturi żelużi tal-​aħbar tajba. Ir-​raġel tiegħi tassew għenni naqdi lil Ġeħova b’attitudni taʼ gratitudni sakemm miet fl-​1969.

Barkiet u Hena

Matul l-​għaxriet taʼ snin li għaddew, wieħed mis-​sorsi kbar t’hena dejjem kien is-​sħubija mill-​qrib maʼ qaddejja full-​time. Bħalma kienet fi żmien il-​gwerra, darna dejjem kienet miftuħa għall-​indokraturi li jivvjaġġaw u n-​nisa tagħhom meta żaru l-​kongregazzjoni tagħna. Koppja fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar, Maarten u Nel Kaptein, saħansitra għexu magħna għal 13-​il sena! Meta Nel laqtitha marda li ma titfejjaqx kelli l-​privileġġ li nieħu ħsiebha f’darna għal tliet xhur sakemm mietet. Is-​sħubija magħhom u mal-​aħwa lokali għeżież għenitni ngawdi l-​ġenna spiritwali li ngħixu fiha issa.

Waħda mill-​affarijiet li spikkat f’ħajti seħħet fl-​1995—irċivejt stedina biex nattendi riunjoni f’Ravensbrück. Hemmhekk iltqajt m’aħwa li kont magħhom fil-​kamp u li kont ili ma nara għal iktar minn 50 sena! Li nkun magħhom kienet esperjenza li ma tintesiex u li messitli qalbi. Kienet ukoll opportunità mill-​aħjar biex inħeġġu lil xulxin ħalli nħarsu ’l quddiem lejn il-​ġurnata meta l-​maħbubin mejtin tagħna jerġgħu jgħixu.

L-​appostlu Pawlu jgħid f’Rumani 15:4 li “permezz tas-​sabar tagħna u permezz tal-​faraġ mill-​Iskrittura jkollna t-​tama.” Nirringrazzja lil Ġeħova talli tani din it-​tama li għenitni nkun grata li naqdih, anki matul il-​provi.

[Nota taʼ taħt]

a Matul dak iż-​żmien, meta ma kienx hemm kuntatt mal-​kwartieri ġenerali, l-​aħwa rġiel ħadu ħsieb kwistjonijiet konnessi man-​newtralità bl-​aħjar mod li setgħu. Għal din ir-​raġuni, kien hemm xi differenzi fil-​mod kif individwi kienu jittrattaw il-​kwistjoni.

[Stampa f’paġna 10]

Maʼ Jaap, fl-​1930

[Stampa f’paġna 10]

It-​tifla tagħna, Willy, meta kellha seba’ snin ▸

[Stampa f’paġna 12]

Fl-​1995 attendejt riunjoni li tmiss il-​qalb. Jien qiegħda fl-​ewwel ringiela, it-​tieni mix-​xellug