Huma Sabu lill-Messija!
“Sibna ’l-Messija.”—ĠW. 1:41.
1. X’wassal għall-istqarrija: “Sibna ’l-Messija”?
ĠWANNI L-GĦAMMIED qiegħed bilwieqfa maʼ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Hekk kif joqrob Ġesù, Ġwanni jesklama: “Ara, il-Ħaruf t’Alla!” Indrì u d-dixxiplu l-ieħor minnufih isegwu lil Ġesù u jqattgħu l-jum miegħu. Filgħaxija, Indrì jsib lil ħuh, Xmun Pietru, u jieħdu s’għand Ġesù wara li jagħmel id-dikjarazzjoni drammatika: “Sibna ’l-Messija.”—Ġw. 1:35-41.
2. Kif se nibbenefikaw jekk inkomplu neżaminaw xi profeziji Messjaniċi?
2 Hekk kif jgħaddi ż-żmien, Indrì, Pietru, u oħrajn se jkollhom biżżejjed opportunità biex jistudjaw bir-reqqa l-Iskrittura u mingħajr ebda dubju se jiddikjaraw li Ġesù taʼ Nazaret hu l-Messija mwiegħed. Il-fidi tagħna stess fil-Kelma t’Alla u fil-Midluk tiegħu se tkun imsaħħa hekk kif inkomplu neżaminaw xi profeziji Messjaniċi.
“Ara! Is-Sultan Tiegħek Ġej”
3. Liema profeziji twettqu meta Ġesù daħal Ġerusalemm bħala sultan?
3 Il-Messija kien se jidħol Ġerusalemm bħala sultan. Il-profezija taʼ Żakkarija qalet: “Kun ferħana ferm, O bint Sijon. Għajjat bil-ferħ taʼ rebħa, O bint Ġerusalemm. Ara! Is-sultan tiegħek jiġi għandek. Hu ġust, iva, salvat; umli, u riekeb fuq ħmar, saħansitra fuq wild taʼ ħmara.” (Żak. 9:9) Is-salmista kiteb: “Ħa jkun imbierek Dak li ġej f’isem Ġeħova.” (Salm 118:26) Folla kbira għajtet b’ferħ kbir hekk kif Ġesù daħal f’Ġerusalemm. Ġesù ma qalx lill-folla x’kellha tagħmel, imma hi għamlet eżatt kif qalet il-profezija. Int u taqra r-rakkont, ġib quddiem għajnejk ix-xena u ismaʼ l-ilħna ferriħin.—Aqra Mattew 21:4-9.
4. Spjega x’ġara biex twettaq Salm 118:22, 23.
4 Għalkemm ħafna nies m’aċċettawx lil Ġesù bħala l-Messija, hu prezzjuż għal Alla. Bħalma ġie mbassar, Ġesù ‘kien mistmerr, u ma kienx stmat’ minn dawk li ma ridux jemmnu l-evidenza. (Is. 53:3; Mk. 9:12) Madanakollu, Alla nebbaħ lis-salmista biex jikteb: “Il-ġebla li twarrbet mill-bennejja saret il-ġebla tax-xewka taʼ fuqnett. Dan seħħ mingħand Ġeħova.” (Salm 118:22, 23) Ġesù ġibed l-attenzjoni tal-opponenti reliġjużi tiegħu lejn din is-silta, u Pietru qal li twettqet fi Kristu. (Mk. 12:10, 11; Atti 4:8-11) Tabilħaqq, Ġesù sar il-“ġebla tax-xewka tal-pedament” tal-kongregazzjoni Kristjana. Ġesù ġie miċħud minn irġiel mingħajr fidi imma hu ‘magħżul u prezzjuż għal Alla.’—1 Pt. 2:4-6.
Tradut u Abbandunat!
5, 6. X’ġie mbassar u mwettaq rigward it-tradiment tal-Messija?
5 Kien imbassar li l-Messija kien se jiġi tradut minn xi ħadd li deher li kien ħabib. David ipprofetizza: “Il-bniedem li kien fil-paċi miegħi, li jien fdajt fih, u li kien jiekol mill-ħobż tiegħi, għolla għarqubu kontrija.” (Salm 41:9) Fi żminijiet Bibliċi, kien att taʼ ħbiberija li tnejn jieklu l-ħobż flimkien. (Ġen. 31:54) Għalhekk, it- tradiment li bih Ġuda l-Iskarjota ttradixxa lil Ġesù kien l-akbar tip taʼ nuqqas taʼ fedeltà. Ġesù ġibed l-attenzjoni lejn it-twettiq tal-kliem profetiku taʼ David meta Hu rrefera għat-traditur tiegħu u qal lill-appostli: “M’iniex qed ngħid għalikom ilkoll; naf lil min għażilt. Imma dan sabiex titwettaq l-Iskrittura, ‘Dak li kien jiekol mill-ħobż tiegħi għolla għarqubu kontrija.’”—Ġw. 13:18.
6 It-traditur tal-Messija kien se jirċievi 30 biċċa tal-fidda—il-prezz taʼ lsir! Mattew uża l-iskrittura taʼ Żakkarija 11:12, 13 biex juri li Ġesù ġie tradut għal somma daqshekk miżera. Imma Mattew għala qal li dan kien ġie mbassar “permezz tal-profeta Ġeremija”? Fi żmien Mattew, il-ktieb taʼ Ġeremija setaʼ tpoġġa l-ewwel f’ġabra taʼ kotba Bibliċi li inkludiet il-ktieb taʼ Żakkarija. (Qabbel Luqa 24:44.) Ġuda qatt ma nefaq is-somma misħuta tiegħu, għax hu tefaʼ l-flus fit-tempju u telaq u għamel suwiċidju.—Mt. 26:14-16; 27:3-10.
7. Żakkarija 13:7 kif twettaq?
7 Anke d-dixxipli tal-Messija kienu se jitferrxu. Żakkarija kiteb: “Idrob lir-ragħaj, u ħa jitferrxu dawk tal-merħla.” (Żak. 13:7) Fl-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K., Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ilkoll kemm intom titfixklu minħabba dak li se ngħaddi minnu dan il-lejl, għax hu miktub, ‘Nidrob lir-ragħaj, u n-nagħaġ tal-merħla jitferrxu.’” U eżatt hekk ġara, għax Mattew qal li “d-dixxipli kollha abbandunaw [lil Ġesù] u ħarbu.”—Mt. 26:31, 56.
Akkużat u Msawwat
8. Isaija 53:8 kif twettaq?
8 Il-Messija kellu jittieħed il-qorti u jiġi kkundannat. (Aqra Isaija 53:8.) Mas-sebħ tal-14 taʼ Nisan, is-Sinedriju kollu ltaqaʼ, ordna li Ġesù jintrabat, u tah f’idejn il-Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu. Il-Gvernatur staqsa lil Ġesù xi mistoqsijiet u ma sabu ħati taʼ xejn affattu. Però, meta Pilatu offra li jeħles lil Ġesù, il-folla għajtet: “Sammru maʼ zokk!” u talbet li jinħeles il-kriminal Barabba. Peress li ried jogħġob lill-marmalja, Pilatu ħeles lil Barabba, ordna li Ġesù jiġi flaġellat, u tahulhom biex isammruh maʼ zokk.—Mk. 15:1-15.
9. Kif twettaq dak li kien imbassar f’Salm 35:11?
9 Xhieda foloz kienu se jixhdu kontra l-Messija. Is-salmista David qal: “Iqumu xhieda vjolenti; jistaqsuni dak li ma nafx.” (Salm 35:11) Fi qbil mal-profezija, “il-qassisin ewlenin u s-Sinedriju kollu kienu qed ifittxu xiehda falza kontra Ġesù sabiex jagħtuh il-mewt.” (Mt. 26:59) Infatti, “ħafna, tabilħaqq, kienu qed jixhdu falz kontrih, imma x-xiehda tagħhom ma kinitx taqbel.” (Mk. 14:56) L-għedewwa taʼ Ġesù, li kienu f’dagħdigħa u li riedu joqtluh, ma kienx jimpurtahom mill-fatt li x-xhieda kienet falza.
10. Spjega kif twettaq Isaija 53:7.
10 Il-Messija kien se jibqaʼ sieket quddiem dawk li akkużawh. Isaija pprofetizza: “Hu kien magħkus ferm, u ħalla lil min jaħqru; madankollu ma fetaħx fommu. Inġieb bħal nagħġa għall-qatla; u bħal nagħġa li timmuta quddiem min iġiżżha, hu wkoll ma fetaħx fommu.” (Is. 53:7) Waqt li Ġesù “kien qed jiġi akkużat mill-qassisin ewlenin u x-xjuħ, hu ma wieġeb xejn.” Pilatu staqsa: “M’intix tismaʼ kemm qed jixhdu affarijiet kontrik?” Madanakollu, Ġesù “ma wiġbux, le, lanqas kelma waħda, tant li l-gvernatur stagħġeb ferm.” (Mt. 27:12-14) Ġesù m’għajjarx lil dawk li akkużawh.—Rum. 12:17-21; 1 Pt. 2:23.
11. Isaija 50:6 u Mikea 5:1 kif twettqu?
11 Isaija pprofetizza li l-Messija kellu jiġi msawwat. Il-profeta kiteb: “Dahri tajtu lil dawk li sawtuni, u ħaddejja lil dawk li jnittfu x-xagħar. Wiċċi ma ħbejtux minn affarijiet umiljanti u mill-bżieq.” (Is. 50:6) Mikea bassar: “Bil-ħatar se jolqtuh fuq ħaddejh lill-imħallef taʼ Israel.” (Mik. 5:1) Il-kittieb tal-Evanġelju, Marku, ikkonferma t-twettiq taʼ dawn il-profeziji billi qal: “Xi wħud bdew jobżqu [lil Ġesù] u jgħattulu wiċċu kollu u jagħtuh bil-ponn u jgħidulu: ‘Ipprofetizza!’ U, wara li tawh bil-ħarta, il-qaddejja tal-qorti ħaduh.” Marku jgħid li s-suldati “tawh b’qasba fuq rasu u beżqulu u bdew jinżlu għarkopptejhom [biex iwaqqgħu għaċ-ċajt] u jmilu quddiemu.” (Mk. 14:65; 15:19) M’għandniex xi ngħidu, Ġesù m’għamel xejn biex ikun jistħoqqlu dan l-abbuż.
Leali sal-Mewt
12. Salm 22:16 u Isaija 53:12 kif applikaw għal Ġesù?
12 Il-Messija kien se jmut fuq zokk. Is-salmista David qal: “Il-ġemgħa taʼ dawk li jagħmlu l-ħażen rassitni. Qed jigdmuli idejja u saqajja bħal iljun.” (Salm 22:16) Waqt li tkellem dwar rakkont magħruf sew mill-qarrejja tal-Bibbja, il-kittieb tal-Evanġelju, Marku, kiteb: “Issa kienet it-tielet siegħa [madwar id-disgħa taʼ filgħodu] meta sammruh maʼ zokk.” (Mk. 15:25) Ukoll, kien ġie mbassar li l-Messija kien se jingħadd mal-midinbin. Isaija kiteb: “Hu ferraʼ ruħu sal-mewt, u kien magħdud maʼ dawk li jiksru l-liġi.” (Is. 53:12) U hekk ġara meta maʼ Ġesù “tpoġġew fuq zokk żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug tiegħu.”—Mt. 27:38.
13. Salm 22:7, 8 b’liema mod twettaq permezz taʼ Ġesù?
13 David ipprofetizza li l-Messija kien se jiġi mkażbar. (Aqra Salm 22:7, 8.) Ġesù ġie mkażbar waqt li sofra fuq iz-zokk tat-tortura għax Mattew jgħid: “Dawk li kienu għaddejjin minn hemmhekk bdew jgħajruh, ixenglu rashom, u jgħidulu: ‘Int li kellek twaqqaʼ t-tempju u tibnih fi tlett ijiem, salva lilek innifsek! Jekk int bin Alla, inżel minn fuq iz-zokk tat-tortura!’” Bl-istess mod, il-qassisin ewlenin flimkien mal-iskribi u x-xjuħ bdew jiżżuffjettaw bih u jgħidu: “Salva lil oħrajn; lilu nnifsu ma jistax isalva! Hu s-Sultan taʼ Israel; ħa jinżel issa minn fuq iz-zokk tat-tortura u nemmnu fih. Hu poġġa l-fiduċja tiegħu f’Alla; ħa jeħilsu Hu issa jekk iridu, għax hu qal, ‘Jien Bin Alla.’” (Mt. 27:39-43) Iżda, Ġesù ssaporta dan kollu b’dinjità. X’eżempju mill-aħjar għalina!
14, 15. Uri kif twettqu profeziji speċifiċi dwar l-ilbies tal-Messija u dwar il-fatt li ġie mogħti l-ħall.
14 Intefgħet ix-xorti għall-ilbies tal-Messija. Is-salmista kiteb: “Iqassmu ħwejġi bejniethom, u l-ilbies tiegħi jtellgħuh bix-xorti.” (Salm 22:18) Hekk ġara, għax “wara li [is-suldati Rumani] sammru [lil Ġesù] maz-zokk qassmu ħwejġu billi tellgħuhom bix-xorti.”—Mt. 27:35; aqra Ġwanni 19:23, 24.
15 Il-Messija kien se jingħata ħall u xarba morra. Is-salmista qal: “Bħala ikel tawni pjanta velenuża, u għall-għatx tiegħi pprovaw jagħtuni nixrob il-ħall.” (Salm 69:21) Mattew jgħidilna: “Taw [lil Ġesù] jixrob inbid imħallat b’xi ħaġa morra; imma, wara li daqu, ma riedx jixorbu.” Iktar tard, “wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża, xarrabha bl-inbid qares, poġġieha fuq qasba, u tah jixrob.”—Mt. 27:34, 48.
16. Spjega kif il-kliem profetiku taʼ Salm 22:1 twettaq.
16 Kien se jidher li l-Messija kien ġie abbandunat minn Alla. (Aqra Salm 22:1.) Fi qbil mal-profezija, “fid-disaʼ siegħa [madwar it-tlieta taʼ waranofsinhar] Ġesù għajjat b’leħen għoli: ‘Eli, Eli, lama sabaqtani?’ kliem li meta jiġi tradott ifisser: ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?’” (Mk. 15:34) Ġesù ma kienx tilef il-fidi tiegħu f’Missieru tas-sema. Alla abbanduna lil Ġesù f’idejn l-għedewwa tiegħu fis-sens li neħħa l-protezzjoni tiegħu ħalli l-integrità taʼ Kristu tiġi provata bis-sħiħ. U billi għajjat b’dak il-mod, Ġesù wettaq il-kliem taʼ Salm 22:1.
17. Żakkarija 12:10 u Salm 34:20 kif twettqu?
17 Il-Messija kellu jiġi minfud, imma l-għadam tiegħu ma kellux jiġi mkisser. L-abitanti taʼ Ġerusalemm kienu se “jħarsu lejn Dak li kienu nifdu.” (Żak. 12:10) U Salm 34:20 jgħid: “[Alla] qed jgħasses l-għadam kollu taʼ dak il-wieħed; lanqas waħda minnhom ma ġiet miksura.” L-appostlu Ġwanni wera li dawn il-profeziji twettqu meta kiteb: “Wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza [lil Ġesù], u minnufih ħareġ demm u ilma. Dan qed jixhdu wieħed li rah [Ġwanni], u x-xiehda tiegħu hi vera . . . Dan seħħ sabiex titwettaq l-iskrittura: ‘Ebda waħda minn għadmu ma tiġi miksura.’ Ukoll, skrittura oħra tgħid: ‘Iħarsu lejn Dak li kienu nifdu.’”—Ġw. 19:33-37.
18. Ġesù kif spiċċa midfun mal-għonja?
18 Il-Messija kien se jindifen mal-għonja. (Aqra Isaija 53:5, 8, 9.) Iktar tard waranofsinhar tal-14 taʼ Nisan, “raġel għani minn Arimatija, jismu Ġużeppi,” staqsa lil Pilatu għall-ġisem taʼ Ġesù u Pilatu tahulu. Ir-rakkont taʼ Mattew iżid: “Ġużeppi ħa l-ġisem, keffnu fl-għażel fin u nadif, u poġġieh fil-qabar tat-tifkira ġdid tiegħu li kien ħaffer fil-blat. U, wara li gerbeb ġebla kbira mal-bieb tal-qabar tat-tifkira, telaq.”—Mt. 27:57-60.
Ilqgħu lis-Sultan Messjaniku!
19. Kif twettqet il-profezija f’Salm 16:10?
19 Il-Messija kien se jiġi rxoxtat. David kiteb: “Int [Ġeħova] ma tħallix lil ruħi fil-Qabar.” (Salm 16:10) Immaġina kemm baqgħu mistagħġbin in-nisa li marru ħdejn il-qabar fejn kien tpoġġa l-ġisem taʼ Ġesù. Hemmhekk iltaqgħu m’anġlu materjalizzat li qalilhom: “Tibqgħux maħsudin. Intom qed tfittxu lil Ġesù n-Nazzarenu li sammruh maʼ zokk. Ġie mqajjem, mhux qiegħed hawnhekk. Ara! Il-post fejn poġġewh.” (Mk. 16:6) Lill-folla preżenti f’Ġerusalemm f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., l-appostlu Pietru ddikjara: “[David] ra minn qabel u tkellem dwar l-irxoxt tal-Kristu, li la kien abbandunat fil-Qabar u lanqas ġismu ma ra t-taħsir.” (Atti 2:29-31) Alla ma ħalliex il-ġisem fiżiku t’Ibnu l-għażiż jitħassar. Iktar minn hekk, Ġesù b’miraklu ġie mqajjem għall-ħajja bħala spirtu!—1 Pt. 3:18.
20. Il-ħakma tal-Messija mbassra kif twettqet?
20 Bħalma ġie mbassar, Alla ddikjara li Ġesù hu Ibnu. (Aqra Salm 2:7; Mattew 3:17.) Ukoll, folol laqgħu lil Ġesù u s-Saltna li ġejja, u aħna bil-ferħ nitkellmu dwaru u dwar il-ħakma mbierka tiegħu. (Mk. 11:7-10) Kristu dalwaqt se jeqred lill-għedewwa tiegħu hekk kif ‘jirkeb għall-kawża tal-verità, l-umiltà, u s-sewwa.’ (Salm 2:8, 9; 45:1-6) Imbagħad, il-ħakma tiegħu se ġġib paċi u prosperità globali. (Salm 72:1, 3, 12, 16; Is. 9:6, 7) Kemm aħna privileġġati li nipproklamaw dawn il-veritajiet bħala Xhieda taʼ Ġeħova, li Ibnu l-maħbub diġà jaħkem fis-sema bħala s-Sultan Messjaniku!
Int Kif Twieġeb?
• Ġesù kif ġie tradut u abbandunat?
• Xi profeziji dwar il-mewt taʼ Ġesù kif twettqu?
• Int għala tinsab konvint li Ġesù hu l-Messija mwiegħed?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 13]
Liema profeziji twettqu meta Ġesù daħal Ġerusalemm bħala sultan?
[Stampi f’paġna 15]
Ġesù miet għal dnubietna, imma issa jaħkem bħala s-Sultan Messjaniku