Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ejjew Nifirħu Flimkien!

Ejjew Nifirħu Flimkien!

IL-​FERĦ u l-​hena qed isiru iktar u iktar diffiċli biex jinkisbu. Għal ħafna nies, jidher kważi impossibbli li taqsam sentimenti pożittivi m’oħrajn. Il-​ħajja tal-​lum il-​ġurnata, speċjalment fi bliet kbar, iġġiegħel lin-​nies jingħalqu fihom infushom u jinqatgħu għalihom waħedhom.

“Is-​solitudni hija kundizzjoni komuni ħafna,” jgħid Professur tal-​Psikobijoloġija, Alberto Oliverio, u “m’hemm l-​ebda dubju li l-​ħajja f’postijiet kbar fejn hemm ħafna bini tippromwovi l-​iżolazzjoni. F’ħafna sitwazzjonijiet, din iġġegħelna ninjoraw il-​ħajja personali taʼ kollega fl-​uffiċċju, taʼ ġar, jew tal-​kaxxier li jaħdem fis-​supermarkit lokali.” Iżolazzjoni bħal din spiss twassal għal dipressjoni.

Però, is-​sitwazzjoni taʼ Kristjani sħabna hija differenti u anke l-​ispirtu tagħhom. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Thennew dejjem.” (1 Tess. 5:16) Hemm ħafna raġunijiet għala għandna nkunu henjin u nifirħu flimkien. Aħna nqimu lill-​Alla l-​Iktar Għoli, Ġeħova; nifhmu l-​messaġġ tal-​verità tal-​Bibbja; għandna t-​tama taʼ salvazzjoni u ħajja eterna; u wkoll nistgħu ngħinu lil oħrajn jiksbu l-​istess barkiet.—Salm 106:4, 5; Ġer. 15:16; Rum. 12:12.

Li nifirħu u naqsmu l-​ferħ tagħna huma karatteristiki taʼ Kristjani veri. Għalhekk ma nissorprendux ruħna li Pawlu kiteb lill-​Filippin: “Jien kuntent u nifraħ magħkom ilkoll. Issa, bl-​istess mod, kunu kuntenti u ifirħu miegħi intom ukoll.” (Flp. 2:17, 18) Hawnhekk, fi ftit kliem, Pawlu darbtejn jitkellem dwar li nkunu kuntenti u ferħanin flimkien.

M’għandniex xi ngħidu, il-​Kristjani jridu joqogħdu attenti biex jevitaw kwalunkwe tendenza li jiżolaw lilhom infushom. Kull min jinqataʼ għalih ma jistax jifraħ maʼ sħabu fit-​twemmin. Allura kif nistgħu nsegwu t-​tħeġġiġa taʼ Pawlu biex ‘inkomplu nifirħu fil-​Mulej’ maʼ ħutna?—Flp. 3:1.

Ifraħ maʼ Sħabek fit-​Twemmin

Meta Pawlu kiteb l-​ittra tiegħu lill-​Filippin, probabbilment kien priġunier f’Ruma minħabba l-​attivitajiet tiegħu taʼ ppritkar. (Flp. 1:7; 4:22) Imma l-​fatt li kien priġunier ma naqqaslux l-​entużjażmu għall-​ministeru. Għall-​kuntrarju, hu kien ferħan li jaqdi lil Ġeħova kemm jiflaħ u li jiġi “mferraʼ bħal offerta tax-​xorb.” (Flp. 2:17) L-​attitudni taʼ Pawlu turi li l-​ferħ ma jiddependix miċ-​ċirkustanzi taʼ dak li jkun. Minkejja l-​fatt li kien priġunier, hu qal: “Se nkompli nifraħ.”—Flp. 1:18.

Pawlu kien waqqaf il-​kongregazzjoni f’Filippi u ħass affezzjoni partikulari għal ħutu hemmhekk. Hu kien jaf li jekk jaqsam magħhom il-​ferħ li kiseb milli jaqdi lil Ġeħova kien se jkun taʼ inkuraġġiment għalihom ukoll. Għaldaqstant, kiteb: “Issa nixtieqkom tkunu tafu, ħuti, li dak li ġrali rriżulta fl-​avanz taʼ l-​aħbar tajba minflok il-​kontra, għax l-​irbit tiegħi fi sħubija maʼ Kristu sar jaf bih kulħadd fost il-​Gwardja Pretorjana u l-​oħrajn kollha.” (Flp. 1:12, 13) Il-​fatt li Pawlu qasam din l-​esperjenza inkuraġġanti kien wieħed mill-​modi kif feraħ u thenna maʼ ħutu. Min-​naħa tagħhom, il-​Filippin żgur li ferħu maʼ Pawlu. Madankollu, biex jifirħu kellhom ma jkunux skuraġġiti minħabba dak li kien qed jgħaddi minnu Pawlu. Minflok, kellhom jimitaw l-​eżempju tiegħu. (Flp. 1:14; 3:17) Iktar minn hekk, il-​Filippin setgħu jkomplu jsemmu lil Pawlu fit-​talb tagħhom u jipprovdulu kwalunkwe għajnuna u appoġġ li setgħu.—Flp. 1:19; 4:14-​16.

Nuru aħna l-​istess spirtu ferrieħi li wera Pawlu? Nistinkaw biex naraw l-​aspetti pożittivi taċ-​ċirkustanzi f’ħajjitna u tal-​ministeru Kristjan tagħna? Meta nkunu qed nissieħbu maʼ ħutna jkun tajjeb li nifirħu dwar ix-​xogħol tal-​għoti taʼ xhieda. M’għandniex għalfejn noqogħdu nistennew għal xi esperjenzi sensazzjonali biex nagħmlu dan. Forsi rnexxielna nqanqlu l-​interess fil-​messaġġ tas-​Saltna b’introduzzjoni jew raġunar partikolarment effettiv. Forsi kellna konversazzjoni tajba maʼ inkwilin dwar vers Bibliku partikulari. Jew forsi sempliċement in-​nies fit-​territorju għarfuna bħala Xhieda taʼ Ġeħova, u dan waħdu serva taʼ xhieda mill-​aħjar. Li naqsmu esperjenzi bħal dawn hu mod kif nifirħu flimkien.

Ħafna min-​nies taʼ Ġeħova għamlu u għadhom qed jagħmlu sagrifiċċji biex ilestu x-​xogħol tal-​ippritkar. Pijunieri, indokraturi li jivvjaġġaw, Beteliti, missjunarji, u qaddejja internazzjonali jaħdmu iebes fis-​servizz full-​time u jifirħu hekk kif jagħmlu dan. Inħossuna henjin u nifirħu magħhom? Mela ejja nuru l-​apprezzament tagħna għal dawn l-​aħwa għeżież li ‘jaħdmu magħna għas-​saltna t’Alla.’ (Kol. 4:11) Meta nkunu flimkien fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni jew f’laqgħat Kristjani akbar nistgħu ninkuraġġuhom mill-​qalb. Ukoll, nistgħu nimitaw l-​eżempju żeluż tagħhom. U nistgħu noħolqu “l-​opportunità” li nisimgħu l-​esperjenzi u d-​diskors tagħhom li jqawwu l-​qalb billi nuruhom ospitalità, forsi naqsmu ikla magħhom.—Flp. 4:10.

Ifraħ maʼ Dawk li Qed Jiffaċċjaw il-​Provi

Id-​determinazzjoni taʼ Pawlu li jibqaʼ leali lejn Ġeħova ssaħħet billi ssaporta l-​persekuzzjoni u għeleb il-​provi. (Kol. 1:24; Ġak. 1:2, 3) Il-​fatt li kien jaf li l-​aħwa f’Filippi x’aktarx kienu se jiffaċċjaw provi simili u kienu se jkunu inkuraġġiti bil-​perseveranza tiegħu tah raġuni biex ikun hieni u jifraħ magħhom. B’hekk, kiteb: “Lilkom ngħata l-​privileġġ għan-​nom taʼ Kristu, mhux biss biex tpoġġu l-​fidi tagħkom fih, imma wkoll biex issofru għalih. Għax intom għandkom l-​istess taqbida bħalma rajtu fil-​każ tiegħi u bħalma issa qed tisimgħu li jien għaddej minnha.”—Flp. 1:29, 30.

Bl-​istess mod illum, il-​Kristjani jsofru l-​oppożizzjoni minħabba l-​għoti taʼ xhieda tagħhom. Xi kultant din l-​oppożizzjoni tkun vjolenti, imma spiss tkun iktar sottili minn hekk. Taf tinqalaʼ permezz taʼ akkużi foloz minn apostati, ostilità minn membri tal-​familja, twaqqigħ għaċ-​ċajt minn kollegi jew sħabna tal-​iskola. Ġesù wissa li dawn il-​provi la għandhom jissorprenduna u lanqas m’għandhom jiskuraġġuna. Minflok, huma raġuni biex nifirħu. Hu qal: “Henjin intom meta n-​nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-​gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen kontrikom minħabba fija. Thennew u aqbżu bil-​ferħ, għax il-​premju tagħkom hu kbir fis-​smewwiet.”—Mt. 5:11, 12.

M’għandniex nibżgħu jew nitwerwru meta nisimgħu li ħutna qed jiffaċċjaw persekuzzjoni ħarxa f’ċerti pajjiżi. Għall-​kuntrarju, għandna nifirħu għax qed jipperseveraw. Nistgħu nitolbu għalihom lil Ġeħova biex hu jsaħħaħ il-​fidi u s-​sabar tagħhom. (Flp. 1:3, 4) Waqt li forsi m’hemm kważi xejn iktar li nistgħu nagħmlu għal dawn l-​aħwa għeżież, nistgħu ngħinu lil dawk fil-​kongregazzjoni tagħna stess li għaddejjin minn provi. Nistgħu nieħdu interess fihom u nappoġġawhom. Aħna nistgħu noħolqu opportunitajiet biex nifirħu magħhom billi kull tant żmien nistidnuhom jingħaqdu magħna fil-​lejla tal-​Qima tal-​Familja, billi naħdmu magħhom fix-​xogħol tal-​ippritkar, u billi nqattgħu ħin flimkien fir-​rikreazzjoni.

Għandna ħafna raġunijiet biex nifirħu flimkien! Ejja nirreżistu l-​ispirtu taʼ iżolazzjoni taʼ din id-​dinja u nkomplu naqsmu l-​ferħ tagħna maʼ ħutna. Billi nagħmlu hekk, mhux biss se nikkontribwixxu għall-​imħabba u l-​unità tal-​kongregazzjoni imma wkoll se ngawdu bis-​sħiħ il-​fratellanza Kristjana. (Flp. 2:1, 2) Iva, “ifirħu dejjem fil-​Mulej,” għax Pawlu jħeġġiġna: “Nerġaʼ ngħidilkom, Ifirħu!”—Flp. 4:4.

[Sors tal-Istampa f’paġna 6]

Globu: Courtesy of Replogle Globes